Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Diċembru 2023
15 ta' Diċembru 2023
Operazzjonijiet tas-suq
Rieżami tal-oqfsa tal-pretensjonijiet ta’ kreditu addizzjonali (ACC)
Fit-30 ta’ Novembru 2023 il-Kunsill Governattiv approva d-deċiżjoni li l-istrumenti ta’ dejn għal żmien qasir ma jkomplux jintużaw bħala kollateral taħt il-Linja Gwida dwar miżuri ta’ kollateral temporanji, kif ukoll ta’ xi karatteristiċi speċifiċi taħt il-qafas tal-pretensjonijiet ta’ kreditu addizzjonali (ACC), b’impatt ferm limitat. Il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) relevanti se jikkomunikaw id-dettalji lill-kontropartijiet affettwati. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll l-iffissar mill-ġdid tal-limitu tad-daqs minimu ta’ €25,000 għal pretensjonijiet ta’ kreditu aċċettati għall-użu bħala kollateral. Finalment, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-validità tal-oqfsa ACC bil-karatteristiċi rimanenti tagħhom, ta’ mill-inqas sa tmiem l-2024, u f’dan il-kuntest fakkar li kwalunkwe bidla fil-futur se titħabbar b’biżżejjed żmien bil-quddiem. Il-BĊNi jżommu d-diskrezzjoni li jtemmu qabel l-oqfsa ACC tagħhom kollha, jew parti minnhom. Fil-kuntest tal-aġġornament tal-2024 tal-qafas legali applikabbli, b’mod partikolari l-aġġornament tal-Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali u l-Linja Gwida dwar miżuri ta’ kollateral temporanji, il-Kunsill Governattiv se jadotta l-emendi legali ġġustifikati minn dawn il-bidliet, u dawn se jidħlu fis-seħħ ladarba l-atti legali inkwistjoni jiġu adottati formalment matul l-2024.
Investimenti mill-ġdid taħt il-Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija (PEPP)
Fl-14 ta’ Diċembru 2023 il-BĊE ħabbar li beħsiebu jkompli jinvesti mill-ġdid, bis-sħiħ, il-ħlasijiet ta’ kapital minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP matul l-ewwel nofs tal-2024. Matul it-tieni nofs tas-sena, beħsiebu jnaqqas il-portafoll tal-PEPP b’€7.5 biljun fix-xahar bħala medja. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024. L-istqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet
Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord għall-Infrastruttura tas-Suq (MIB)
Fis-7 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/37 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/166 dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq. L-emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-MIB kienu ġġustifikati fid-dawl tal-esperjenza miksuba sa minn meta ġie stabbilit fl-2016.
Parir dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar l-esklużjoni tal-possibilitajiet ta’ xiri ta’ beni immobbli bi flus kontanti u l-espansjoni tad-diżinċentivi fiskali għall-użu tal-flus kontanti
Fis-6 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/39 fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Grieg.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-obbligu għall-impriżi li jaċċettaw pagament fi flus kontanti mill-konsumaturi
Fit-8 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/40 fuq talba tal-Viċi Prim Ministru Belġjan u l-Ministru għall-Ekonomija u x-Xogħol.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-obbligazzjoni tal-Banca d’ Italia u l-membri tal-korpi deċiżjonali u l-persunal tiegħu, u r-regoli ta’ cooling-off/in applikabbli għall-membri tal-korpi maniġerjali u l-maniġers għoljin tiegħu
Fit-8 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/41 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.
Opinjoni tal-BĊE dwar tariffa temporanja għall-protezzjoni ta’ min jissellef b’ipoteka pagabbli minn istituzzjonijiet ta’ kreditu
Fil-11 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/42 fuq talba tal-Kumitat għall-Baġit u l-Finanzi (Tassazzjoni) tal-Parlament Latvjan.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-arrotondament ta’ ħlasijiet fi flus kontanti fil-Litwanja
Fit-12 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/43 fuq talba tal-Presidenza tal-Kumitat għall-Baġit u l-Finanzi tal-Parlament Litwen.
Governanza korporattiva
Emendi għall-qafas ta’ rimbors għall-istituzzjonijiet tal-MSU dwar l-użu tas-servizzi tas-SEBĊ
Fl-4 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv approva emendi għall-qafas ta’ rimbors tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEB) għall-istituzzjonijiet tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) li jużaw is-servizzi tas-SEBĊ, inklużi bidliet għal-lista ta’ settijiet ta’ data statistiċi ġestiċi mill-Kumitat għall-Istatistika (STC) tal-Eurosistema/SEBĊ u emenda li tiċċara li, meta l-użu ta’ servizzi tas-SEBĊ minn awtorità kompetenti jkun jinvolvi l-ipproċessar ta’ datapersonali, l-awtorità kompetenti trid tikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u tidħol fl-arranġamenti legali meħtieġa. Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/30 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1981 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u d-Deċiżjoni ECB/2023/29 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u mill-awtoritajiet li jikkooperaw. B’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-Bord Superviżorju kien involut kif meħtieġ fil-proċess tal-approvazzjoni.
Kapital tal-BĊE - aġġustament ta’ kull ħames snin tal-iskema tas-sottoskrizzjoni
Fis-7 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-ħames deċiżjonijiet li ġejjin wara r-rieżami ta’ kull ħames snin tal-iskema tal-kapital tal-BĊE:
- Deċiżjoni BĊE/2023/31 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni (EU) 2020/137;
- Deċiżjoni BĊE/2023/32 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li tħassar id-Deċiżjoni (EU) 2020/138;
- Deċiżjoni BĊE/2023/33 li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għal trasferimenti ta’ ishma fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew bejn il-banek ċentrali nazzjonali u għall-aġġustament tal-kapital imħallas u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2020/139;
- Deċiżjoni BĊE/2023/34 li tistabbilixxi l-mizuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-klejms tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranin ittrasferiti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2020/140;
- Deċiżjoni BĊE/2023/35 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/29 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro.
Fis-7 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Ġenerali adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/36 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2020/136.
Id-deċiżjonijiet se jiġu ppublikati meta jasal il-waqt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u stqarrija għall-istampa relatata se tinħareġ fuq is-sit web tal-BĊE. Il-bidliet kollha se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.
Skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-ponderazzjonijiet assenjati lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) fl-iskema tal-kapital tal-BĊE għandhom jiġu aġġustati kull ħames snin. Dawn jiġu aġġustati kull meta jkun hemm bidla fin-numru ta’ BĊNi li jikkontribwixxu għall-kapital tal-BĊE.
Il-Kunsill Governattiv ħa nota wkoll li l-aġġustament għall-ponderazzjonijiet relattivi, li jiddeterminaw ukoll il-kompożizzjoni taż-żewġ gruppi li lilhom jiġu allokati l-gvernaturi tal-BĊN taħt is-sistema ta’ rotazzjoni ta’ drittijiet tal-vot tal-Eurosistema, ma għandu l-ebda impatt fuq l-allokazzjoni tal-gvernaturi lill-gruppi, u lanqas fuq ir-rotazzjoni tad-drittijiet tal-vot.
Bank ċentrali ospitanti għall-Uffiċċju tal-Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema (EPCO) mill-2025 sal-2029
Fis-7 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv innomina lill-Banque centrale du Luxembourg biex jospita l-Uffiċċju tal-Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema (EPCO) mill-2025 sal-2029, wara valutazzjoni pożittiva tal-proposta kummerċjali tal-Banque centrale du Luxembourg. L-EPCO jidentifika, jivvaluta u jikkoordina l-akkwisti konġunti ta’ oġġetti u servizzi meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema, bil-għan li jiġu massimizzati l-effiċjenza fl-infiq u l-effettività.
Statistika
Konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ regolament tal-BĊE li jagħmel riformulazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 dwar statistika fir-rigward tal-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment (BĊE/2013/38)
Fit-30 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ regolament tal-BĊE li jagħmel riformulazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1073/2013 dwar statistika fir-rigward tal-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment. L-abbozz tar-regolament ta’ riformulazzjoni propost jirriżulta minn rieżami perjodiku, li jimmira biex jiżgura li informazzjoni statistika dwar fondi ta’ investiment tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti u tkun adegwata għall-użu. Ir-rieżamijiet perjodiċi jsiru fuq perjodi ta’ mhux inqas minn ħames snin biex tiġi żgurata l-istabbiltà tar-rekwiżiti ta’ rapportar. Il-konsultazzjoni pubblika se ssir bejn Diċembru 2023 sa Frar 2024 u, wara l-adozzjoni formali tal-abbozz ta’ regolament mill-Kunsill Governattiv fil-bidu tal-2024, ir-rapportar tal-istatistiċi l-ġodda lill-BĊE huwa mistenni li jibda f’Awwissu 2025. Il-materjal relatat mal-konsultazzjoni pubblika se jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-BĊE nhar it-Tnejn, 18 ta’ Diċembru 2023.
Rapporti tal-2022 dwar il-kwalità tad-data statistika
Fis-7 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-kwalità tal-2022 dwar statistika monetarja u finanzjarja taż-żona tal-euro. Dan ir-rapport, imħejji f’kooperazzjoni mill-qrib mal-STC, jipprovdi informazzjoni dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea miġbura, ikkumpilata u mxerrda mill-BĊE bl-għajnuna tal-BĊNi taż-żona tal-euro u huwa parti mill-Qafas tal-Kwalità tal-Istatistika tal-BĊE. Ir-rapport se jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-BĊE nhar it-Tnejn, 18 ta’ Diċembru 2023.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Konformità mal-Linji Gwida tal-ABE dwar il-kapaċità ta' rkupru ġenerali fl-ippjanar tal-irkupru
Fil-5 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) li, fir-rigward tal-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE se jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE dwar il-kapaċità ta' rkupru ġenerali fl-ippjanar tal-irkupru (EBA/GL/2023/06) sa mill-11 ta’ Diċembru 2023. Il-Linji Gwida jipprovdu gwida lill-awtoritajiet kompetenti dwar kif għandha tiġi valutata l-kapaċità ta’ rkupru speċifika għax-xenarju u kif għandhom jikkontestaw il-preżunzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll dwar kif għandu jiġi assenjat punteġġ tal-kapaċità ta' rkupru ġenerali (ORC) u kif tiġi ddeterminata l-adegwatezza tal-ORC ta’ istituzzjoni.
Prijoritajiet superviżorji tal-MSU fl-2024-2026
Fis-7 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġi ppubblikat id-dokument bit-titolu “Superviżjoni Bankarja tal-BĊE: prijoritajiet superviżorji tal-MSU għall-2024-2026”. Id-dokument, li jispjega fid-dettall l-istrateġija ta-BĊE dwar is-Superviżjoni Bankarja għat-tliet snin li ġejjin, se jiġi ppubblikat fuq is-sit web tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE nhar it-Tlieta, 19 ta’ Diċembru 2023.
Riżultati tal-Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorja (SREP) għall-2023
Fis-7 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika r-riżultati tas-SREP tiegħu għall-2023. Stqarrija għall-istampa u r-rapport relatat se jiġu ppubblikati fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE nhar it-Tlieta, 19 ta’ Diċembru 2023.
Metodoloġiji riveduti tar-riskju tal-kreditu u tas-suq tas-SREP
Fit-8 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li jippubbika dokumenti riveduti li jippreżentaw il-metodoloġiji użati għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu u r-risku tas-suq bħala parti mis-SREP. Iż-żewġ dokumenti se jiġu ppubblikati fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE nhar it-Tlieta, 19 ta’ Diċembru 2023.
Gwida dwar rapportar minn konglomerati finanzjarji ta’ konċentrazzjonijiet ta’ riskju sinifikanti u tranżazzjonijiet intragrupp
Fil-11 ta’ Diċembru 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jippubblika l-Gwida tal-BĊE finali dwar ir-rapportar minn konglomerati finanzjarji ta’ konċentrazzjonijiet u tranżazzjonijiet intragrupp ta’ riskju sinifikanti, kif ukoll l-istqarrija ta’ rispons li tistabbilixxi kif il-BĊE rrisponda għall-kummenti li rċieva matul il-konsultazzjoni pubblika relatata. Il-gwida u l-istqarrija ta’ rispons se tiġi ppubblikata fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE nhar il-Erbgħa, 10 ta’ Jannar 2024.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja