Common detector interface għal magni li jissortjaw il-karti tal-flus b’ħeffa kbira
Fl-2013, l-Eurosistema u l-fornituri ewlenin ta’ magni li jissortjaw il-karti tal-flus b’ħeffa kbira (banknote sorting machines – BSMs) żviluppaw speċifikazzjonijiet biex jiġu integrati detectors tal-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-karti tal-flus fil-BSMs. L-ispeċifikazzjonijiet, li huma maħsubin biex itejbu l-interoperabbiltà u jnaqqsu l-isforzi ta’ integrazzjoni, ġew ippubblikati bl-isem “common detector interface” (CDI).
Dawn l-ispeċifikazzjonijiet intlaqgħu tajjeb mis-suq. Il-Federal Reserve System (FRS) tal-Istati Uniti u l-Eurosistema, flimkien mal-fornituri l-kbar tal-BSMs, għalhekk żviluppaw it-tieni ġenerazzjoni tal-common detector interface (CDI2) biex jiġu integrati sistemi ta’ kameras u detectors iżjed kumplessi fil-BSMs.
Is-CDI u s-CDI2 huma disponibbli għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u jistgħu jintużaw bla ħlas minn dawk li huma interessati (eż. banek ċentrali, manifatturi ta’ magni u detectors, eċċ.).
Reviżjonijiet għall-ispeċifikazzjonijiet ta’ CDI jew CDI2
Kull min għandu interess jista’ jipproponi reviżjonijiet għall-ispeċifikazzjonijiet ta’ CDI u CDI2 billi jibgħathom lid-Direttorat tal-Karti tal-Flus tal-BĊE. Il-proposti jitqiesu mill-Eurosistema u mill-FRS flimkien u jiġu integrati f’verżjonijiet futuri tal-ispeċifikazzjonijiet jekk jitqiesu li jkunu ta’ benefiċċju.
Jekk int fornitur interessat li timplimenta CDI jew CDI2 fil-BSM jew detector tiegħek, il-BĊE u l-FRS jistgħu jgħinuk billi jgħaddulek il-protokolli tat-testijiet ta’ aċċettazzjoni. Jistgħu wkoll jipprovdulek simulaturi biex tittestja jekk is-CDI jaħdimx tajjeb. Madankollu, l-ewwel trid tiffirma ftehim ta’ kunfidenzjalità.