Foreign reserves and own funds
Riżervi barranin
Ir-riżervi barranin tal-BĊE jiżguraw li l-BĊE jkollu biżżejjed likwidità biex iwettaq operazzjonijiet ta’ kambju barrani jekk ikun meħtieġ. Dawk ir-riżervi barranin kienu oriġinarjament stabbiliti permezz tat-trasferiment tal-assi tar-riżervi barranin mill-BĊNi taż-żona tal-euro meta t-Tielet Stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja beda fl-1 ta’ Jannar 1999.
L-għanijiet għall-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE huma, skont l-importanza: il-likwidità, is-sigurtà u r-redditu.
Il-portafoll tar-riżervi barranin tal-BĊE huwa magħmul minn dollari Amerikani, yen Ġappuniżi, renminbi Ċiniżi (CNY), deheb u drittijiet speċjali ta’ prelevament (SDR). Il-kompożizzjoni tar-riżervi tinbidel maż-żmien u dan jirrifletti t-tibdil fil-valur tas-suq tal-assi investiti kif ukoll l-operazzjonijiet tal-kambju u fid-deheb li jsiru mill-BĊE.
Ir-riżervi fid-dollaru Amerikan, il-yen Ġappuniż u r-renminbi Ċiniż (CNY) huma amministrati b’mod attiv mill-BĊE u minn banek ċentrali nazzjonali magħżula taż-żona tal-euro (li jaġixxu bħala aġenti tal-BĊE) li jkunu jixtiequ jidħlu f'din l-attività operattiva. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħżlu li jmexxu l-attivitajiet operattivi tagħhom għall-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE flimkien ma’ banek ċentrali nazzjonali oħra. Kull bank ċentrali jew grupp ta’ banek ċentrali nazzjonali normalment jamministra portafoll wieħed bid-dollaru Amerikan jew bil-yen Ġappuniż bħala aġent tal-BĊE.
Il-BĊE jikkonkludi l-bejgħ ta’ deheb f’konformità sħiħa mal-Ftehim tal-Banek Ċentrali fuq id-Deheb u mal-“Istqarrija Konġunta dwar id-Deheb” (ara l-link ta’ hawn taħt fi stqarrijiet għall-istampa). Il-BĊE huwa wieħed mill-firmatarji ta’ dan il-ftehim.
Biex tara l-aktar figuri riċenti fuq l-assi ta’ riżerva uffiċjali, ara l-Mudell ta’ riżervi internazzjonali u likwidità f’munita barranija
Għal aktar informazzjoni fuq ir-riżervi internazzjonali, ara Statistika fuq ir-riżervi internazzjonali.
- Xejriet fir-riżervi tal-muniti barranin tal-banek ċentrali u l-każ tal-BĊE, Bulettin Ekonomiku Ħarġa 7, BĊE, Novembru 2019
- “Portfolio management at the ECB”, Bullettin tax-Xahar, BĊE, April 2006
- “Foreign exchange reserves and operations of the Eurosystem”, Bullettin tax-Xahar, BĊE, Jannar 2000
Atti legali relatati
L-atti legali tal-BĊE dwar ir-riżervi barranin, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huma disponibbli fit-taqsima ddedikata "Qafas legali" tal-Eur-Lex.
Stqarrijiet għall-istampa relatati
Stqarrijiet għall-istampa dwar il-bejgħ ta’ deheb mill-BĊE u dwar l-Istqarrija Konġunta dwar id-Deheb jinsabu (bl-Ingliż) fit-taqsima "Media" tas-sit web tal-BĊE.
Link esterna
Linji gwida tal-FMI għall-ġestjoni tar-riżervi barranin (20 ta’ Settembru 2001)Fondi proprji
Il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE jipprovdi dħul lill-BĊE biex jgħin fil-finanzjament tal-ispejjeż operattivi tiegħu li mhumiex relatati mat-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu. Huwa investit f’assi denominati f’euro, soġġett għal-limiti imposti mill-qafas tal-kontroll tar-riskju tiegħu. Il-BĊE jikkunsidra wkoll ir-riskji li joriġinaw mit-tibdil fil-klima fil-ġestjoni tal-portafoll tal-fondi proprji tiegħu.
Il-portafoll ta’ fondi proprji jinvesti b’mod predominanti:
- il-kapital imħallas tal-BĊE
- l-ammonti mwarrba fil-fond ta’ riżerva ġenerali u l-provvediment għal riskji finanzjarji
Il-portafoll tal-fondi proprji mhux bilfors jikkorrispondi fid-daqs mas-somma tal-kapital imħallas tal-BĊE, tal-fond ta’ riżerva ġenerali u mal-provvediment għal riskji finanzjarji, l-aktar minħabba l-investiment mill-ġdid tar-rikavat mid-dħul, il-valutazzjoni tat-titoli bi prezzijiet tas-suq u movimenti speċifiċi fil-fond ta’ riżerva ġenerali u l-provvediment għal riskji finanzjarji.
Ċifra sa tmiem l-2023 (biljuni ta’ EUR) | |
---|---|
Portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE (valur tas-suq) | 22.1 |
Għad-dettalji, ara l-Kontijiet Annwali tal-BĊE, ippubblikati bħala parti mir-Rapport Annwali.
Ġestjoni tar-riskju
L-allokazzjoni u l-ġestjoni effikaċi tar-riżervi barranin għandhom jipprovdu l-likwidità meħtieġa biex jitwettqu l-mandati tal-politika tal-BĊE, waqt li fl-istess ħin inaqqsu l-ispiża biex jinżammu r-riżervi. Il-ġestjoni tar-riskji tista’ tgħin dawn l-għanijiet billi tikkontrolla l-iskopertura għar-riskju finanzjarju.
Il-BĊE hu direttament responsabbli għall-ġestjoni tar-riskji marbuta mal-portafolli tiegħu, fosthom dawk tar-riżervi barranin u tal-fondi proprji. Il-ġestjoni u l-monitoraġġ tar-riskji finanzjarji mġarrba mill-BĊE – kemm jekk direttament mill-BĊE kif ukoll jekk mill-BĊNi tal-Eurosistema li jaġixxu f’isem il-BĊE – ikopru l-oqsma tar-riskji tas-suq, tal-kreditu u tal-likwidità u jinvolvu erba’ oqsma ewlenin ta’ responsabbiltà:
- l-iffissar tal-limiti li japplikaw għar-riskji tal-kreditu u tas-suq;
- il-konformità;
- il-kejl u d-dikjarazzjoni tal-iskoperturi għar-riskji u tar-rendiment tal-investimenti;
- l-allokazzjoni strateġika tal-assi.
Id-dikjarazzjoni indipendenti tar-riskji u tar-rendiment hija karatteristika ewlenija tal-qafas tal-politika tal-investiment tal-BĊE. Biex jiġu evitati konflitti potenzjali ta’ interess, il-ġestjoni tar-riskji finanzjarji mġarrba fl-attivitajiet tal-ġestjoni tal-portafolli hija fdata lid-Direttorat tal-Ġestjoni tar-Riskju, li jwieġeb direttament lill-Bord Eżekuttiv.