Ambjent, saħħa u sigurtà
Jimpurtana mill-ambjent u rridu niżguraw li l-karti tal-flus tal-euro tiegħek ikunu sikuri fil-produzzjoni u l-użu tagħhom, ma jkunux ta’ riskju għas-saħħa u jkunu kemm jista’ jkun favorevoli għall-ambjent.
Biex jinżammu standards għoljin għall-kundizzjonijiet tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-ambjent matul il-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro u l-materja prima tagħhom, il-manifatturi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti preċiżi stabbiliti mill-BĊE.
Aħna nispezzjonawhom għall-konformità kull sena. Dawn ir-rekwiżiti huma kkumplimentati minn żewġ sistemi ta’ ġestjoni bbażati fuq standards internazzjonali, ISO14001 u ISO 45001.
Sistema tal-Ġestjoni tal-Ambjent
Is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Ambjent tiżgura li l-karti tal-flus tal-euro jiġu prodotti b’mod kemm jista’ jkun sostenibbli, inkluża l-materja prima tagħhom.
Sa mill-introduzzjoni tal-euro, aħna nimmonitorjaw l-impatt ambjentali tal-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro u l-materja prima tagħhom, u nippromwovu inizjattivi ta’ sostenibbiltà biex ikomplu jnaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom. Inżommu għajnejna wkoll fuq tħassib ambjentali ġdid li jinqala’.
Fl-2004 għamilna Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA) biex inkejlu l-impatt ambjentali tal-ewwel sensiela ta’ karti tal-flus tal-euro. Ir-riżultati ntużaw biex jiġu implimentati miżuri biex titnaqqas l-impronta ambjentali tal-karti tal-flus, bħall-użu ta’ qoton 100 % sostenibbli u l-projbizzjoni tar-rimi ta’ skart tal-karti tal-flus fil-landfills.
Il-manifatturi tal-ATMs ħadmu wkoll biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom, li tjieb b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar 15-il sena.
Wettaqna valutazzjoni ġdida tal-impatt ambjentali għat-tieni sensiela ta’ karti tal-flus, is-sensiela Europa, bl-użu tal-metodoloġija tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEF). Dan l-istudju juri li l-impatt ambjentali ta’ ċittadin li jħallas bil-karti tal-flus tal-euro huwa ġeneralment baxx ħafna meta mqabbel ma’ dak tal-attivitajiet l-oħra tiegħu ta’ kuljum.
Sistema tal-Ġestjoni tas-Saħħa u s-Sigurtà
Aħna nimmonitorjaw il-karti tal-flus biex niżguraw li l-produzzjoni u l-użu tagħhom ikunu sikuri, u nagħmlu valutazzjonijiet tar-riskju għal fatturi kimiċi u bijoloġiċi.
Pereżempju, niżguraw li kwalunkwe sustanza kimika fil-karti tal-flus tkun ferm taħt il-livelli ta’ tħassib għas-saħħa tal-bniedem u tkun allinjata mar-regolamenti tal-UE.
Nipproteġu wkoll lin-nies li jimmanifatturaw il-karti tal-flus tal-euro, billi nitolbu li l-produzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro u l-materja prima tagħhom ikunu konformi mal-istandard internazzjonali (ISO 45001) għas-sistemi ta’ ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Il-karti tal-flus, bħall-biċċa l-kbira tal-oġġetti li jintmissu minn għadd kbir ta’ nies, jistgħu jġorru batterji jew virusijiet. Ir-riżultati tat-testijiet indipendenti jikkonfermaw li l-karti tal-flus tal-euro huma sikuri biex jintużaw u ma jippreżentawx riskju akbar minn jekk wieħed imiss oġġetti komuni oħrajn bħal pum ta’ bieb.
Fil-bidu tal-pandemija tal-coronavirus (COVID-19), aħna vvalutajna jekk il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro jistgħux jikkontribwixxu għat-tixrid tal-COVID-19. Ir-riżultati wrew li l-karti tal-flus tal-euro użati għall-ħlasijiet ma jippreżentawx riskju sinifikanti ta’ infezzjoni.
Aqra r-riċerka tagħna dwar it-trażmissjoni potenzjali tal-COVID-19 permezz tal-karti tal-flus