Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Slovenja (2007)

Stadji tal-bidla tal-flus

Fil-11 ta’ Lulju 2006, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea (UE) approva l-applikazzjoni tas-Slovenja biex tissieħeb fiż-żona ta’ l-euro fl-2007, u b'hekk, fost l-għaxar pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, is-Slovenja kienet l-ewwel pajjiż li adotta l-euro.

Fl-1 ta’ Jannar 2007, l-euro sar valuta legali fis-Slovenja, u ssostitwixxa t-tolar Sloven (SIT) bir-rata tal-kambju fissa u irrevokabbli ta’ €1 = SIT 239.640. Għaldaqstant, sa din id-data, il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro kellhom ikunu disponibbli b'mod mifrux. Biex jiġi żgurat li d-domanda setgħet tiġi sodisfatta, il-banek irċevew 250 miljun munita tal-euro b'valur ta' €84 miljun mill-25 ta' Settembru 2006 u 41.5 miljun karta tal-flus tal-euro b'valur ta' €772 miljun mid-29 ta' Novembru 2006. Ftit minn dawn il-flus kontanti ġew distribwiti minn qabel lill-bejjiegħa bl-imnut u lil kumpaniji oħra. Barra dan, permezz tal-banek kummerċjali, il-Banka Slovenije bdiet tbiegħ settijiet tal-bidu bil-muniti tal-euro lill-professjonisti fil-maniġġ tal-flus fl-1 ta' Diċembru, u lill-pubbliku fil-15 ta' Diċembru 2006. Id-dettalji dwar id-distribuzzjoni minn qabel tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro kienu stabbiliti fil-Linja Gwida tal-BĊE BĊE/2006/9.

Il-bidla fil-flus kontanti tal-euro mxiet bla xkiel u malajr: sa tmiem l-ewwel jum, il-magni tal-flus kollha li kienu aċċessibbli għall-pubbliku (ATMs) u t-terminals fil-postijiet tal-bejgħ kienu nqalbu għall-euro, u l-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni kien ogħla minn dak tal-karti tal-flus tat-tolar Sloven. Ġimgħatejn wara l-introduzzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, il-bidla tal-flus fis-Slovenja ntemmet b'suċċess skond l-iskeda.

Mill-15 ta' Jannar 2007, għall-pagamenti fis-Slovenja jistgħu jintużaw biss il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro. Il-karti tal-flus tat-tolar Sloven jistgħu jinbidlu fil-Banka Slovenije għal perijodu ta' żmien indefinit. Il-Banka Slovenije se jibqa' jibdel il-muniti tat-tolar Sloven sat-3 ta' Jannar 2017.

Karti tal-flus tat-tolar Sloven li wieħed jista' jibdel
Sommarju tad-dati ewlenin tal-bidla
1 ta’ Diċembru 2006

Bejgħ ta' settijiet tal-bidu bil-muniti tal-euro lill-professjonisti fil-maniġġ tal-flus

15 ta’ Diċembru 2006

Bejgħ ta' settijiet tal-bidu bil-muniti tal-euro lill-pubbliku

1 ta’ Jannar 2007

Konverżjoni tal-kontijiet bankarji u introduzzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro

14 ta’ Jannar 2007

L-aħħar jum li fih il-karti tal-flus u l-muniti kienu valuta legali

Sal-1 ta’ Marzu 2007

Kambju bla ħlas tal-karti tal-flus u l-muniti tat-tolar Sloven minn istituzzjonijiet tal-kreditu

3 ta' Jannar 2017

Żmien sa meta jista' jsir il-kambju tal-muniti tat-tolar Sloven mill-Banka Slovenije

Mingħajr limitu

Żmien sa meta jista' jsir il-kambju tal-karti tal-flus tat-tolar Sloven mill-Banka Slovenije

Il-paġni kollha f’din it-taqsima