Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Diskors fl-inawgurazzjoni tal-Bini l-Ġdid tal-BĊE

Diskors ta᾿ Mario Draghi, President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 18 ta᾿ Marzu 2015

Sommarju

Id-dar ċentrali tal-BĊE hija l-aqwa simbolu ta᾿ x᾿tista᾿ tagħmel l-Ewropa jekk tkun magħquda. Iżda tfakkarna wkoll għaliex ma nistgħux nerġgħu nieħdu r-riskju li ninfirdu.

Il-kriżi hija żmien ta᾿ prova għall-unità Ewropea. Xi wħud, bħal ħafna minn dawk li qegħdin jipprotestaw illum, jemmnu li l-problema hi li l-Ewropa qiegħda tagħmel ftit li xejn, waqt li oħrajn, bħall-partiti populisti li qegħdin jinbtu fl-Ewropa, huma tal-fehma li l-Ewropa qiegħda tindaħal iżżejjed.

It-tweġiba la hi li nħottu l-integrazzjoni u lanqas li nippersistu b᾿viżjoni li ma tistax tintlaħaq dwar fejn għandha twassalna l-integrazzjoni. Neħtieġu l-ambizzjoni fl-għanijiet tagħna u l-prammatiżmu fil-mezzi tagħna. Irridu nlaqqgħu l-integrazzjoni ekonomika, li tħaddan l-effiċjenza, mal-integrazzjoni politika, li tħaddan it-tqassim ġust. L-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtiġilhom ikunu parti mill-aġenda tar-riformi daqs il-ħolqien ta᾿ swieq iktar flessibbli u t-tnaqqis tal-burokrazija.

Aktar ma d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ekonomiċi jittieħdu fil-livell Ewropew, aktar jeħtieġ li d-demokrazija tieħu l-istess triq. Għalhekk jeħtiġilna nsaħħu l-mezzi ta᾿ leġittimità demokratika Ewropea ġenwina, bħall-Parlament Ewropew. Jekk il-popli jċedu ftit mis-sovranità formali, igawdu aktar sovranità effettiva. Ikunu qegħdin jagħtu s-saħħa lill-istituzzjonijiet b᾿responsabbiltà għaż-żona tal-euro kollha biex dawn jindirizzaw il-problemi urġenti tal-impjiegi u t-tkabbir. Għalhekk il-voti tagħhom għandhom mnejn jibdew jagħmlu differenza għal ħajjithom aktar milli qegħdin jagħmlu llum.

***

Deputat Ministru President Sur Al-Wazir,

Onorevoli Sindku, Sur Feldmann,

Ex President tal-BĊE, għażiż Jean-Claude Trichet,

Kollegi u ex membri tal-Kunsill Governattiv,

Ex Onorevoli Sindku, Sinjura Roth,

Ċittadin Onorarju, Sur von Metzler,

Kap tal-Komunità Lhudija, Sur Korn,

Eredi tal-arkitett tal-Grossmarkthalle,

Sur Elsaesser, u

Sur Prix, l-arkitett famuż tad-dar il-ġdida tagħna,

Sinjuri,

Huwa l-pjaċir tiegħi llum li nilqagħkom ilkoll għall-inawgurazzjoni tal-kwartieri l-ġodda tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-proġett tal-bini tad-dar il-ġdida tagħna twieled mal-BĊE nnifsu. Beda fl-1998 bit-tfittxija għal sit xieraq. Fl-2001 sibna l-post xieraq hawn fil-Grossmarkthalle. Sena wara, fetaħ konkors internazzjonali għall-aħjar disinn arkitettoniku, li eventwalment intrebaħ minn Wolf Prix u t-tim tiegħu. U f᾿Mejju 2010 tqiegħdet l-ewwel ġebla u bdew ix-xogħlijiet ewlenin ta᾿ kostruzzjoni. Ħafna nies, li wħud minnhom jinsabu hawn magħna, ħadmu bla heda matul l-aħħar żmien biex dan il-proġett sar realtà. Nixtieq nirringrazzja lil kull min kellu sehem f᾿din il-biċċa xogħol hekk kbira.

L-euro, il-munita unika tagħna, sar l-aktar simbolu tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea – biċċa mill-Ewropa li hija aċċessibbli u siewja għal kull wieħed u waħda minna. Dan il-bini inevitabbilment se jkun magħruf bħala “dar l-euro”. Jipprovdi pedament sod sabiex il-BĊE jkun jista᾿ jesegwixxi l-mandat tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet għaċ-ċittadini kollha taż-żona tal-euro.

F᾿dan is-sens, il-bini huwa l-aqwa simbolu ta᾿ fejn tista᾿ tasal l-Ewropa jekk tkun magħquda. Iżda huwa simbolu wkoll tar-raġuni għaliex aħna ma nistgħux nerġgħu nieħdu r-riskju li ninfirdu.

Illum ninsabu hawn fil-pitkalija l-qadima tal-frott u l-ħaxix ta᾿ Frankfurt, bini modern u funzjonali għas-snin 1920 li fil-biċċa l-kbira tiegħu ġie kkonservat u inkorporat fl-istruttura l-ġdida. Bejn l-1941 u l-1945, aktar minn 10,000 persuna Lhudija minn Frankfurt u madwarha ġew iddeportati minn hawn għall-kampijiet tal-konċentrament. Fuq in-naħa tal-lvant tal-bini twaqqaf mafkar sabiex aħna u min jiġi warajna niftakru f᾿għemejjel li ma jistgħu jintesew u li m᾿għandhom jintesew qatt.

Ewropa integrata, demokratika u paċifika kienet waħda mil-lezzjonijiet ewlenin li ħadna minn dan il-kapitlu mudlam tal-istorja. Imxejna biċċa triq ġmielha minn dak iż-żmien ᾿l hawn – iżda m᾿għandniex naħsbu li dak li ksibna se jibqa᾿ tagħna għal dejjem.

L-unità Ewropea għaddejja minn żmien ta᾿ prova. In-nies għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Stħarriġ reċenti tal-Eurobarometer dwar kif l-unitajiet domestiċi f᾿bosta pajjiżi qegħdin jintlaqtu mill-kriżi wera li dawk kollha li wieġbu qalu li naqsilhom id-dħul, u kważi kollha qalu li l-ħajja marret għall-agħar mill-kriżi ᾿l hawn.

Bħala istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li kellha sehem ewlieni matul il-kriżi, il-BĊE sar punt ta᾿ referenza għal dawk kollha li jħossuhom imdejqin b᾿din is-sitwazzjoni. Din mhijiex akkuża ġusta – l-azzjonijiet tagħna kellhom l-għan preċiż li jtaffu l-effett tax-xokkijiet li ġarrbet l-ekonomija. Iżda bħala l-bank ċentrali taż-żona tal-euro kollha, irridu nisimgħu b᾿attenzjoni x᾿qegħdin jgħidu ċ-ċittadini tagħna.

Hemm uħud, bħal ħafna minn dawk li qegħdin jipprotestaw illum hemm barra, li jemmnu li l-problema hi li l-Ewropa qiegħda tagħmel ftit li xejn. Iridu Ewropa iżjed integrata b᾿solidarjetà finanzjarja akbar bejn il-pajjiżi.

U hemm oħrajn, bħall-partiti populisti li qegħdin naraw jinbtu fl-Ewropa kollha, li huma tal-fehma li l-Ewropa qiegħda tindaħal iżżejjed. It-tweġiba tagħhom hi li nerġgħu ninnazzjonalizzaw l-ekonomiji tagħna u li nerġgħu nieħdu s-sovranità ekonomika f᾿idejna.

Nifhem x᾿hemm wara dawn l-opinjonijiet, u għaliex in-nies iridu bidla. Iżda fil-verità l-ebda waħda minnhom ma toffri soluzzjoni reali għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum.

Is-solidarjetà hija l-qofol tal-integrazzjoni Ewropea u għamlu sew il-pajjiżi li għenu lil xulxin matul il-kriżi. Iżda ż-żona tal-euro mhijiex unjoni politika tax-xorta fejn xi pajjiżi dejjem iħallsu għall-iżbalji ta᾿ oħrajn.

Dejjem fhimna li l-pajjiżi jridu jkunu kapaċi jfendu għal rashom – li kull pajjiż huwa responsabbli għall-politika tiegħu. Il-fatt li xi pajjiżi kellhom jgħaddu minn żmien diffiċli ta᾿ aġġustament kien l-ewwel u qabel kollox konsegwenza tad-deċiżjonijiet li ħadu fl-imgħoddi.

Madankollu, li tkun kapaċi tfendi għal rasek ma jfissirx li tkun waħdek. In-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-ekonomiji tagħna lanqas mhija s-soluzzjoni.

Ma tbiddilx ir-realtajiet ekonomiċi bażiċi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi Ewropej – soċjetajiet li qegħdin jixjieħu u li jridu jikbru primarjament billi jżidu l-produttività. U lanqas ma toffri aktar sigurtà ekonomika liċ-ċittadini. M᾿hemm l-ebda pajjiż fid-dinja li għandu l-ġid u fl-istess ħin huwa iżolat mill-globalizzazzjoni.

Fil-verità, il-proċess tas-Suq Uniku ddaħħal preċiżament għaliex l-ekonomiji Ewropej, weħidhom, ma setgħux joħolqu biżżejjed impjiegi f᾿dinja li kulma tmur qiegħda ssir aktar miftuħa. U dak il-proċess wassal għal unjoni monetarja, minħabba li – kif uriet il-kriżi tal-ERM fil-bidu tas-snin 1990 – il-pajjiżi ndunaw li ma setgħux jintegraw parzjalment u jgawdu l-benefiċċji kollha. Il-kriżijiet finanzjarji u tad-dejn sovran tal-2008 m᾿għamlux ħlief ikkonfermaw din il-verità.

Għalhekk it-tweġiba mhijiex li nħottu l-integrazzjoni. U lanqas mhija li nippersistu b᾿viżjoni li ma tistax tintlaħaq ta᾿ fejn għandha twassalna l-integrazzjoni. It-tweġiba hija li nsaħħu l-unjoni monetarja tagħna f᾿dawk l-oqsma fejn tista᾿ u jeħtieġ li tissaħħaħ. Neħtieġu l-ambizzjoni fl-għanijiet tagħna u l-prammatiżmu fil-mezzi tagħna.

Diġà wrejna kif dan jista᾿ jsir permezz tal-mekkaniżmi ta᾿ solidarjetà u stabbilizzazzjoni li twaqqfu matul il-kriżi. L-Unjoni Bankarja hija żvilupp importanti ieħor. Issa jeħtiġilna nimxu ᾿l quddiem fl-oqsma l-oħra li għadhom mhux kompluti, b᾿mod partikolari fejn tidħol il-konverġenza ekonomika u istituzzjonali.

Madankollu, nifhem li ma jistax ikollna perspettiva purament ekonomika għall-problemi li qiegħda tiffaċċja l-Unjoni tagħna. Filwaqt li l-integrazzjoni ekonomika b᾿mod ġenerali tipproduċi aktar impjiegi u tkabbir, ma ssolvix għalkollox il-problema li qiegħda toħloq skuntentizza bl-euro u bl-Unjoni Ewropea. Hemm ukoll il-problema tat-tqassim: min se jiggwadanja u min se jitlef minn dan il-proċess?

Pereżempju, iż-żieda fil-mobbiltà tax-xogħol bejn il-pajjiżi tista᾿ tnaqqas il-qgħad, iżda tista᾿ wkoll tqanqal biża᾿ dwar l-immigrazzjoni u toħloq nuqqas ta᾿ sigurtà fost il-ħaddiema b᾿ħiliet ta᾿ livell baxx. Il-ftuħ ta᾿ settur protett jista᾿ jnaqqas il-prezzijiet għall-konsumatur, iżda għaċ-ċittadini li jaħdmu fih jista᾿ jfisser futur inċert.

Għalhekk, jekk irridu nsaħħu l-fiduċja dejjiema fl-Unjoni tagħna, irridu nsibu tarf ta᾿ din it-tensjoni – biex inlaqqgħu l-integrazzjoni ekonomika, li tħaddan l- effiċjenza, mal-integrazzjoni politika, li tħaddan it- tqassim ġust.

Din hija kwistjoni kkomplikata, iżda s-soluzzjoni tista᾿ tinġabar f᾿kelma waħda: ħiliet.

Kemm ir-riċerka teoretika kif ukoll dik empirika jissuġġerixxu li l-bidla teknoloġika reċenti xaqilbet lejn il-ħiliet. Fi kliem ieħor, it-teknoloġija tal-produzzjoni nbidlet favur ix-xogħol b᾿livell għoli ta᾿ ħila iktar milli dak b᾿livell baxx, billi żdiedet il-produttività relattiva u għalhekk id-domanda relattiva.

Jekk il-ħaddiema jkollhom il-ħiliet meħtieġa, l-ekonomija ssir aktar effiċjenti u toħloq opportunitajiet ġodda ta᾿ xogħol. Hekk, l-ekonomija ssir ukoll aktar ġusta billi għadd akbar ta᾿ ċittadini jkunu jistgħu jieħdu sehem f᾿dawn l-opportunitajiet.

Għal din ir-raġuni, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu parti mill-aġenda tar-riformi daqskemm għandhom ikunu l-ħolqien ta᾿ swieq iktar flessibbli u t-tnaqqis tal-burokrazija.

Iżda hemm ukoll qasam ieħor li fih l-ekonomija u l-politika tal-integrazzjoni jeħtiġilhom jitlaqqgħu. Aktar ma d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ekonomiċi jittieħdu fil-livell Ewropew, aktar jeħtieġ li d-demokrazija tieħu l-istess triq.

Dan mhux biss għax id-demokrazija hija wieħed mill-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Jekk il-politika titfassal mingħajr rappreżentanza u responsabbiltà xierqa, ma taħdimx. Għalhekk jeħtiġilna napprofondixxu l-unjoni ekonomika u l-unjoni politika tagħna flimkien. U dan ifisser li għandna nsaħħu l-mezzi ta᾿ leġittimità demokratika Ewropea ġenwina, bħall-Parlament Ewropew.

Ċertament, id-demokrazija Ewropea se tkun differenti. Il-votanti fil-pajjiżi individwali għall-ewwel jibżgħu li se jkollhom inqas influwenza fuq id-deċiżjonijiet milli għandhom bħalissa. Iżda jien tal-fehma, u ċertament li dak li ġara fil-qasam tal-politika monetarja, li jekk il-popli jċedu ftit mis-sovranità formali, igawdu aktar sovranità effettiva.

Jagħtu s-saħħa lill-istituzzjonijiet b᾿responsabbiltà għaż-żona tal-euro kollha biex ikunu jistgħu jegħlbu l-problemi urġenti tal-impjiegi u t-tkabbir – u għalhekk il-voti tagħhom jistgħu jagħmlu differenza akbar għal ħajjithom milli qegħdin jagħmlu lllum.

B᾿dan il-mod, nemmen li nistgħu nlaqqgħu lil dawk li jħossuhom abbandunati, fosthom ħafna mid-dimostranti li nġabru fi Frankfurt din il-ġimgħa, ma᾿ proċess ta᾿ integrazzjoni li diġà ġġenera bosta benefiċċji għal tliet ġenerazzjonijiet ta᾿ Ewropej.

Niġi biex nagħlaq.

Dan il-bini huwa ta᾿ ġieħ għal dawk kollha li ħadmu fih biex jarawh lest. Huwa bini importanti ħafna għall-belt ta᾿ Frankfurt. Issa l-BĊE għandu dar ġdida impressjonanti minn fejn jesegwixxi l-mandat tiegħu.

Iżda huwa wkoll simbolu b᾿saħħtu ta᾿ x᾿għandha tfisser l-integrazzjoni Ewropea. Ifakkarna minn fejn tlaqna u sa fejn wasalna. Ifakkarna fil-ħruxijiet li jistgħu jseħħu meta ninfirdu, u fil-passi kbar ᾿il quddiem li nistgħu nagħmlu meta naħdmu flimkien.

Għalhekk ejjew ma nħottux dak li bnejna flimkien. Ejjew ma mmorrux lura lejn l-imgħoddi. Ejjew nitgħallmu mill-imgħoddi biex ningħaqdu fil-preżent – sabiex nibnu Unjoni sħiħa li tkun tista᾿ tagħtina l-istabbiltà u l-prosperità li neħtieġu.

Aħna bħala l-bank ċentrali se nagħtu sehemna f᾿dan il-proċess billi nassiguraw l-integrità tal-munita unika tagħna. Il-munita tagħna hija l-iktar sinjal tanġibbli tal-fiduċja li għandna f᾿xulxin. Kif qal l-ewwel President tal-BĊE, Wim Duisenberg, meta inawgura l-euro aktar minn 16-il sena ilu:

“Munita hija ħafna aktar minn sempliċi mezz ta᾿ kambju … Munita hija wkoll parti mill-identità tan-nies. Turi dak li jgħaqqadhom, issa u fil-ġejjieni.”

Grazzi tal-attenzjoni.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja