Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Mejju 2024
10 ta’ Mejju 2024
Operazzjonijiet tas-suq
Remunerazzjoni tad-depożiti tal-gvern u depożiti oħrajn tal-politika mhux monetarja
Fis-16 ta’ April 2024, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2024/11 dwar ir-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma għand banek ċentrali nazzjonali u għand il-Bank Ċentrali Ewropew, skont liema, il-massimu tar-remunerazzjoni għad-depożiti tal-gvern overnight taż-żona tal-euro sejrin jibqgħu l-istess bir-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR) nieqes 20 punt bażi. Adotta wkoll żewġ atti legali li jaġġustaw ir-rimunerazzjoni ta’ depożiti mhux monetarji oħrajn, jiġifieri l-Linja Gwida BĊE/2024/12 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/671 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) u l-Linja Gwida BĊE/2024/13 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ riżervi f’euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali. Id-Deċiżjoni se tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2024, f’liema punt, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema huma mistennija li jikkonformaw maż-żewġ Linji Gwida. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit web tal-BĊE.
Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja
Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja – Mejju 2024
Fit-8 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill Governattiv kellu skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-edizzjoni ta’ Mejju 2024 tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit web tal-BĊE. Minbarra li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-vulnerabbiltajiet ewlenin tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, din l-edizzjoni tinkludi tliet karatteristiċi speċjali. L-ewwel teżamina l-implikazzjonijiet tar-riskju ġeopolitiku għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro. It-tieni, tinvestiga r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u l-benefiċċji assoċjati hekk kif qed jiżdied dejjem aktar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, filwaqt li t-tielet, tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li joriġinaw mis-swieq privati. Ir-Reviżjoni hija skedata li tiġi ppubblikata fis-sit web tal-BĊE fis-16 ta’ Mejju 2024.
Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet
Rapport tal-progress dwar il-proġett dwar l-euro diġitali
Fit-8 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ rapport tal-progress dwar l-ewwel fażi tal-proġett tal-euro diġitali – il-fażi tal-preparazzjoni- li tikkonkludi li l-proġett miexi kif ippjanat kemm f’termini ta’ baġit kif ukoll f’termini ta’ żmien. Informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proġett tal-euro diġitali hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.
Aġġornament dwar l-istatus tas-Sistema tal-Eurosistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral (ECMS)
Fit-8 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ aġġornament tal-istatus dwar il-proġett tas-Sistema tal-Eurosistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral (ECMS). Dan l-aġġornament isegwi d-deċiżjoni tal-Kunsill Govenattiv ta’ Novembru 2023 li tiskeda mill-ġdid it-tnedija tal-proġett tal-ECMS tat-18 ta’ Novembru 2024 u t-talba tal-Kunsill Governattiv li jinżamm informat regolarment dwar l-istatus tal-proġett. L-aġġornament issuġġerixxa li l-kunsinna tal-proġett tal-ECMS b’mod ġenerali miexja kif ippjanat, filwaqt li għad fadal xi sfidi.
Parir dwar il-leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali għall-Kunsill Għoli għall-Istabbiltà Finanzjarja
Fis-26 ta’ April 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/11 imħejjija fuq inizjattiva proprja tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-introduzzjoni tal-euro fil-Bulgarija
Fit-2 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/12 fuq talba tal-Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru), f’isem il-Ministru tal-Finanzi tal-Bulgarija.
Opinjoni tal-BĊE dwar regolament u direttiva proposti dwar servizzi ta’ ħlas u ta’ flus elettroniċi
Fit-30 ta’ April 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/13 wara talba mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Governanza korporattiva
Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tan-Národná banka Slovenska
Fit-18 ta’ April 2024, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2024/14 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Národná banka Slovenska.
Ftehim Interistituzzjonali li jistabbilixxi korp tal-etika tal-UE
Fit-2 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill Governattiv approva l-Ftehim Interistituzzjonali li jistabbilixxi korp tal-etika tal-UE, wara negozjati bejn il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-BĊE, il-Qorti tal-Awdituri kif ukoll il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, u abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni minn Mejju 2023. Dan il-korp se jkollu l-kompitu li jiżviluppa standards minimi komuni għal imġiba etika tal-uffiċjali tal-UE ta’ livell għoli. Frank Elderson, Membru tal-Bord Ezekuttiv tal-BĊE, se jaġixxi bħala r-Rappreżentant tal-BĊE għall-korp tal-etika u Roman Schremser, Uffiċjal Kap tal-Konformità u Governanza tal-BĊE, bħala sostitut.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Il-parteċipazzjoni ta’ Superviżjoni Bankarja tal-BĊE fil-Kumitat Konġunt għar-Rappurtar Bankarju
Fit-22 ta’ April 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju għas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE li jipparteċipa fil-Kumitat Konġunt għar-Rappurtar Bankarju (JBRC) u fil-Kumitat għat-Tmexxija, stabbilit bħala segwitu għar-rapport tal-fattibbiltà dwar sistema tar-rappurtar integrata imħejjija mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 430c tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali. Il-Memorandum ta’ Fehim relatat dwar l-istabbiliment tal-Kumitat Konġunt dwar ir-Rappurtar Bankarju bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Awtorità Bankarja Ewropea huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja