Ċifri ewlenin
1 Rapport Amministrattiv
1.1 Għan tar-rapport amministrattiv tal-BĊE
Ir-rapport amministrattiv[1] hu parti integrali mill-Kontijiet Annwali tal-BĊE u hu maħsub biex jipprovdi tagħrif kuntestwali għall-qarrejja fir-rigward tar-rapporti finanzjarji.[2] Minħabba li l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tal-BĊE jsiru biex isostnu l-għanijiet tal-politika tiegħu, ir-riżultat finanzjarju u l-pożizzjoni finanzjarja tal-BĊE għandhom jitqiesu flimkien mal-azzjonijiet tal-politika tiegħu.
Għal dan il-għan, ir-rapport amministrattiv jippreżenta l-attivitajiet u l-operazzjonijiet ewlenin tal-BĊE, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu. Barra dan, janalizza l-iżviluppi ewlenin fil-Karta tal-Bilanċ u l-Kont tal-Profitt u t-Telf matul is-sena u jinkludi tagħrif dwar ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE. Finalment, jiddeskrivi l-ambjent ta’ riskju li fih jopera l-BĊE, waqt li jipprovdi tagħrif dwar ir-riskji speċifiċi li l-BĊE hu espost għalihom, u l-politika għall-ġestjoni tar-riskji użata biex ittaffihom.
1.2 Kompiti u attivitajiet ewlenin
Il-BĊE huwa parti mill-Eurosistema, li tinkludi, minbarra l-BĊE, id-19-il bank ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-BĊE għandu l-għan ewlieni li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.[3] Il-BĊE jaqdi l-kompiti tiegħu kif deskritt fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[4] u fl-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tal-SEBĊ)[5] (Figura 1). Il-BĊE imexxi l-attivitajiet tiegħu sabiex iwettaq il-mandat tiegħu u mhux bl-intenzjoni li jiġġenera profitt.
Figura 1
Il-kompiti ewlenin tal-BĊE
L-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema jiġu reġistrati fir-rapporti finanzjarji tal-BĊE u tal-BĊN, fatt li jirrifletti l-prinċipju tal-implimentazzjoni deċentralizzata tal-politika monetarja fl-Eurosistema. It-Tabella 1 hawn taħt tagħti deskrizzjoni ġenerika tal-operazzjonijiet u l-funzjonijiet ewlenin tal-BĊE mwettqa biex jissodisfa l-mandat tiegħu, u l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tal-BĊE.
Tabella 1
L-attivitajiet ewlenin tal-BĊE u l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu
1.3 Żviluppi finanzjarji
1.3.1 Karta tal-Bilanċ
Fil-perjodu mill-2017 sal-2021, l-iżviluppi fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE kienu xprunati prinċipalment minn xiri dirett ta’ titoli mill-BĊE bħala parti mill-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema (Ċart 1). Il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE espandiet fl-2018 l-aktar minħabba l-akkwist nett ta’ titoli taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP).[6] Ix-xiri nett taħt dan il-programm waqaf f’Diċembru 2018 u reġa’ beda f’Novembru 2019. B’riżultat ta’ dan, il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE kibret aktar bil-mod fl-2019 u l-parti l-kbira ta’ dan it-tkabbir ġie miż-żidiet fil-valur tas-suq tal-assi tar-riżervi barranin tal-BĊE u fil-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-2020, sabiex jindirizza l-impatt tal-pandemija tal-koronavirus (COVID-19), il-Kunsill Governattiv iddeċieda fuq pakkett komprensiv ta’ miżuri ta’ politika monetarja, inkluż it-tnedija tal-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP)[7] li wassal għal iktar tkabbir fil-karta tal-bilanċ. Ix-xiri nett taħt l-APP u l-PEPP kompla fl-2021, u żied aktar id-daqs tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.
Fl-2021 il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdiedet b’€110.8 biljuni għal €680.1 biljun, l-aktar minħabba s-sehem tal-BĊE fix-xiri ta’ titoli fil-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) u l-APP. Dan ix-xiri rriżulta f’żieda fit-titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja, waqt li l-ħlas bi flus kontanti għal dan ix-xiri permezz tal-kontijiet tat-TARGET2 wassal għal żieda korrispondenti fl-obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema. Din iż-żieda fl-obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema kienet aktar milli kkumpensata mill-impatt tal-flus kontanti irċevuti minn klijenti tat-TARGET2 li mhumiex fiż-żona tal-euro tal-BĊE li rriżulta wkoll f’żieda f’obbligazzjonijiet oħra.
Barra minn hekk, iż-żidiet fil-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u fil-valur tas-suq tal-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE kkontribwew ukoll għal tkabbir fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.
Ċart 1
Komponenti ewlenin tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE
Titoli denominati f’euro miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja kienu jirrappreżentaw 65% tal-assi totali tal-BĊE fi tmiem l-2021. Taħt din il-partita tal-karta tal-bilanċ il-BĊE għandu titoli akkwistati fil-kuntest tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP), it-tliet programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP1, CBPP2 u CBPP3), l-ABSPP u l-PSPP u l-PEPP.
Fl-2021, il-BĊE, abbażi tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill Governattiv, kompla x-xiri nett tiegħu ta’ titoli taħt l-APP u l-PEPP, inkluż l-investiment mill-ġdid tal-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt dawn il-programmi. Bħala riżultat ta’ dan ix-xiri, il-portafoll ta’ titoli miżmuma mill-BĊE għal skopijiet ta’ politika monetarja żdied b’ €96.4 biljuni għal €445.4 biljuni (Ċart 2), bix-xiri tal-PEPP jammonta għal ħafna minn din iż-żieda. It-tnaqqis ta’ €1.3 biljuni fl-investimenti fl-SMP, is-CBPP1 u s-CBPP2 kien dovut għal fidi.
F’Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv ħabbar[8] li se jżid ix-xiri nett taħt l-APP għal ritmu fix-xahar ta’ €40 biljun fit-tieni trimestru u €30 biljun fit-tielet trimestru tal-2022. Minn Ottubru 2022 s’il quddiem, ix-xiri ta’ assi nett se jinżamm b’pass fix-xahar ta’ EUR 20 biljun sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati tal-politika tal-BĊE, u se jintemm ftit qabel ma l-Kunsill Governattiv jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jwaqqaf ix-xiri ta’ assi nett taħt il-PEPP fl-aħħar ta’ Marzu 2022, iżda jista’ jerġa’ jibda, jekk meħtieġ, biex jiġu miġġielda x-xokkijiet negattivi relatati mal-pandemija. L-Eurosistema se tibqa’ tinvesti mill-ġdid, kollha kemm huma, il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP u l-PEPP skont id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv.
Ċart 2
Titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja
Għall-programmi attivi ta’ titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja, jiġifieri l-APP u l-PEPP, titoli miżmuma mill-BĊE fi tmiem tal-2021 kellhom profil ta’ maturità diversifikat[9] (Ċart 3).
Ċart 3
Profil tal-maturità tal-APP u l-PEPP
Fl-2021 il-valur totali ekwivalenti f’euro tal-assi tal-BĊE f’riżervi barranin, li jikkonsistu minn deheb, drittijiet speċjali ta’ ġbid, dollari Amerikani, yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi, żdied bi €4.5 biljun għal €80.3 biljun.
Il-valur ekwivalenti f’euro tal-investimenti tal-BĊE f’deheb u ammonti riċevibbli f’deheb żdied bi €1.1 biljun għal €26.1 biljun fl-2021 (Ċart 4), minħabba żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta’ euro, waqt li d-daqs ta’ dawn l-investimenti f’uqiji fini ma nbidilx. Din iż-żieda wasslet ukoll għal żieda ekwivalenti fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni tad-deheb tal-BĊE (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”).
Ċart 4
Investimenti f’deheb u prezz tad-deheb
L-investimenti tal-BĊE f’munita barranija[10] miżmuma f’dollari Amerikani, yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi, żdiedu f’termini ta’ euro bi €2.9 biljuni għal €53.0 biljun (Ċart 5), l-iżjed minħabba d-deprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro. Dan l-apprezzament tad-dollaru Amerikan jidher ukoll f’bilanċi iktar ogħla fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni tal-BĊE (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”).
Ċart 5
Investimenti f’munita barranija
Id-dollaru Amerikan baqa’ l-komponent ewlieni fl-investimenti tal-BĊE f’munita barranija, u rappreżentaw madwar 77% tat-total fi tmiem is-sena 2021.
Il-BĊE jamministra l-investimenti tiegħu f’munita barranija bl-użu ta’ approċċ bi tliet stadji. L-ewwel, portafoll referenzjali strateġiku jitfassal mill-maniġers tar-riskju tal-BĊE u jiġi approvat mill-Kunsill Governattiv. It-tieni, il-maniġers tal-portafolli tal-BĊE jfasslu l-portafoll referenzjali tattiku, li jiġi approvat mill-Bord Eżekuttiv. It-tielet, isiru operazzjonijiet ta’ investiment ta’ kuljum b’mod deċentralizzat mill-BĊN fuq bażi ta’ kuljum.
L-investimenti tal-BĊE f’munita barranija jiġu investiti l-aktar f’titoli u f’depożiti tas-suq monetarju jew jinżammu f’kontijiet kurrenti (Ċart 6). It-titoli f’dan il-portafoll jiġu valutati bil-prezzijiet tas-suq tal-aħħar tas-sena.
Ċart 6
Kompożizzjoni tal-investimenti f’munita barranija
L-għan tal-investimenti f’munita barranija tal-BĊE hu li jiffinanzjaw interventi potenzjali fis-suq tal-kambju barrani. Għal din ir-raġuni, l-investimenti tal-BĊE f’munita barranija huma ġestiti skont tliet għanijiet (f’ordni ta’ prijorità): likwidità, sikurezza u ritorn. Għalhekk, dan il-portafoll jinkludi l-aktar titoli b’maturità qasira (Ċart 7).
Ċart 7
Profil tal-maturità tat-titoli denominati f’munita barranija
Fl-2021 il-valur tal-portafoll ta’ fondi proprji żdied b’€0.4 biljuni għal €21.1 biljun (Ċart 8), prinċipalment minħabba l-investiment tal-ammonti mħallsa mill-BĊN taż-żona tal-euro fl-2021 fir-rigward tal-ewwel pagament tas-sottoskrizzjonijiet miżjuda tagħhom fil-kapital tal-BĊE wara l-irtirar tal-Bank of England mis-SEBĊ (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”). Din iż-żieda ġiet parzjalment ikkumpensata, l-aktar bit-tnaqqis fil-valur tas-suq tat-titoli miżmuma fil-portafoll tal-fondi proprji.
Il-portafoll jikkonsisti l-aktar minn titoli denominati f’euro li jiġu valutati bil-prezzijiet tas-suq ta’ tmiem is-sena. Fl-2021 it-titoli tad-dejn tal-gvern ammontaw għal 72% tal-portafoll totali.
Fl-2021 il-BĊE ddeċieda li juża parti mill-portafoll ta’ fondi proprji tiegħu biex jinvesti fil-fond ta’ investiment ta’ bonds ħodor għall-banek ċentrali (EUR BISIP G2) imnedija mill-Bank għall-Ħlas Internazzjonali (BIS) f’Jannar 2021. Dan l-investiment jikkumplimenta xiri dirett ta’ bonds ħodor fi swieq sekondarji. Is-sehem tal-investimenti ekoloġiċi fil-portafoll ta’ fondi proprji kompla jiżdied b’mod kostanti minn 3.5% fi tmiem l-2020 għal 7.6% fi tmiem l-2021. Il-BĊE qed jippjana li jkompli jżid dan is-sehem fis-snin li ġejjin.
Ċart 8
Il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE
Il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE fil-biċċa l-kbira jikkonsisti f’investimenti tar-riżorsi finanzjarji tal-BĊE, jiġifieri l-kapital imħallas u l-ammonti miżmuma fir-riżervi u l-provvediment għal riskji finanzjarji. Minħabba l-investiment mill-ġdid tar-rikavati mid-dħul u l-valutazzjoni tat-titoli bil-prezzijiet tas-suq, il-portafoll tal-fondi proprji u r-riżorsi finanzjarji msemmija qabel mhux neċessarjament jikkorrispondu fid-daqs. L-għan ta’ dan il-portafoll hu li jipprovdi dħul biex jgħin fil-finanzjament tal-ispejjeż operattivi tal-BĊE li m’għandhomx x’jaqsmu mal-konklużjoni tal-kompiti superviżorji tiegħu.[11] Huwa investit f’assi denominati f’euro, soġġett għal-limiti imposti mill-qafas tal-kontroll tar-riskju tiegħu. Dan jirriżulta fi struttura ta’ maturità iżjed diversifikata (Ċart 9), minn dik tal-portafoll tar-riżervi narranin.
Ċart 9
Profil tal-maturità tat-titoli tal-fondi proprji tal-BĊE
Fl-aħħar tal-2021, il-valur totali tal-karti tal-flus euro fiċ-ċirkolazzjoni kien ta’ €1,544.4 biljuni, żieda ta’ 8% meta mqabbel mal-aħħar tal-2020. Il-BĊE ġie allokat sehem ta’ 8% mit-total tal-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, li ammonta għal €123.6 biljuni fl-aħħar tas-sena. Billi l-BĊE ma joħroġx karti tal-flus huwa stess għandu klejms fi ħdan l-Eurosistema fil-konfront tal-BĊN taż-żona tal-euro għal valur ekwivalenti għall-valur tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni.
L-obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema tal-BĊE, li prinċipalment jinkludi l-bilanċ nett tat-TARGET2 tal-BĊN taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE u l-obbligazzjonijiet tal-BĊE fir-rigward tal-assi tar-riżervi barranin ittrasferiti lilu mill-BĊN taż-żona tal-euro meta ngħaqdu mal-Eurosistema, naqas b’€ 3.3 biljuni għal $375.1 biljun fi tmiem l-2021. L-iżvilupp tal-obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema matul il-perjodu mill-2017 sal-2020, kien immexxi l-aktar mill-evoluzzjoni tal-obbligazzjoni netta tat-TARGET2 bħala riżultat tax-xiri nett tal-BĊE ta’ titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja, li huma saldati permezz ta’ kontijiet tat-TARGET2 (Ċart 10).
Fl-2021, l-impatt tax-xiri tat-titoli tal-politika monetarja fuq l-obbligazzjoni netta tat-TARGET2 kien aktar milli kkumpensat, prinċipalment mid-depożiti ogħla tal-klijenti tat-TARGET2 tal-BĊE li mhumiex fiż-żona tal-euro u r-residenti mhux taż-żona tal-euro aċċettati mill-BĊE fir-rwol tiegħu bħala aġent fiskali u biż-żieda fil-flus riċevuti bħala kollateral minn operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli.
Ċart 10
Bilanċ nett TARGET2 u titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja fi ħdan l-Eurosistema
1.3.2 Riżorsi finanzjarji
Ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE jikkonsistu mill-kapital tiegħu, il-provvediment għar-riskju finanzjarju, il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni u l-profitt għas-sena. Dawn ir-riżorsi finanzjarji (i) jiġu investiti f’assi li jiġġeneraw dħul u/jew (ii) jintużaw biex ipattu direttament għal telf li jirriżulta minn riskji finanzjarji. Sal-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE ammontaw għal total ta’ €49.7 biljuni (Ċart 11). Dan kien €3.5 biljuni ogħla milli fl-2020, minħabba ż-żieda fil-(i) il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni wara l-apprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro kif ukoll iż-żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta’ euro fl-2021; (ii) il-kapital imħallas; u (iii) il-provvediment għal riskji finanzjarji[12]. Dawn iż-żidiet aktar milli kkumpensaw għall-anqas profitt fl-2021 meta mqabbel mal-2020.
Ċart 11
Ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE
Il-qligħ mhux realizzat mid-deheb, mill-muniti barranin u mit-titoli li hu soġġett għar-rivalutazzjoni tal-prezzijiet mhux rikonoxxut bħala dħul fil-Kont tal-Profitt u t-Telf iżda jidħol direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni li jihru fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE. Il-bilanċi f’dawn il-kontijiet jistgħu jintużaw biex jassorbu l-impatt ta’ ċaqliq sfavorevoli fil-prezzijiet u/jew fir-rati tal-kambju rispettivi fil-ġejjieni, u b’hekk isaħħu r-reżiljenza tal-BĊE kontra r-riskji bażi. Fl-2021 il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni għad-deheb, il-muniti barranin u t-titoli[13] żdiedu bi €3.8 biljun għal €33.1 biljun minħabba l-bilanċi ogħla ta’ rivalutazzjoni għal muniti barranin u deheb, prinċipalment bħala riżultat tal-apprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro (Ċart 12) u ż-żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta’ euro, li kienu parzjalment ikkumpensati bi tnaqqis fil-bilanċi ta’ rivalutazzjoni għat-titoli.
Ċart 12
Ir-rati ewlenin tal-kambju barrani u l-prezz tad-deheb matul il-perjodu 2017-21
Wara t-tluq tal-Bank of England mis-SEBĊ fl-2020, l-ishma tal-BĊN li fadal fil-kapital sottoskritt tal-BĊE żdiedu. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-BĊN li jifdal ikopru biss il-kapital imħallas irtirat tal-Bank of England ta’ €58 miljun fl-2020 u li l-BĊN taż-żona tal-euro jħallsu għalkollox is-sottoskrizzjonijiet miżjuda tagħhom f’żewġ pagamenti annwali ugwali fl-2021 u fl-2022. Wara l-ħlas tal-ewwel pagament mill-BĊN taż-żona tal-euro, il-kapital imħallas tal-BĊE żdied b’€0.6 biljun għal €8.3 biljuni fl-2021. Se jiżdied b’€0.6 biljun oħra għal €8.9 biljuni fl-2022.[14]
Fid-dawl tal-espożizzjoni tiegħu għar-riskji finanzjarji (ara t-Taqsima 1.4.1 “Riskji finanzjarji”), il-BĊE jżomm provvediment għar-riskji finanzjarji. Id-daqs ta’ dan il-provvediment jiġi eżaminat kull sena billi titqies firxa ta’ fatturi, fosthom il-livell ta’ investimenti ta’ assi soġġetti għal riskju, ir-riżultati mbassrin għas-sena li jmiss u valutazzjoni tar-riskju. Il-provvediment għar-riskju finanzjarju, flimkien mal-ammont miżmum fil-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE, m’għandhomx jaqbżu l-valur tal-kapital imħallas mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro.
Bħala riżultat taż-żieda ta’ €0.6 biljun fil-kapital imħallas tal-BĊE fl-2021, il-limitu massimu tal-provvediment għar-riskji finanzjarji żdied b’ammont ugwali. Meta qies ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-iskoperturi tal-BĊE għal riskji finanzjarji, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jittrasferixxi €0.6 biljun għall-provvediment ta’ riskji finanzjarji tal-BĊE, biex b’hekk id-daqs tiegħu jiżdied għal-livell massimu permess ta’ €8.2 biljuni.
Il-profitt mill-assi u l-obbligazzjonijiet tal-BĊE għal sena finanzjarja partikolari jista’ jintuża biex jassorbi telf potenzjali mġarrab fl-istess sena. Fl-2021 il-profitt tal-BĊE, wara t-trasferiment għall-provvediment għar-riskji finanzjarji, kien ta’ €0.2 biljun (ara t-Taqsima 1.3.3 “Kont tal-Profitt u t-Telf”).
1.3.3 Kont tal-Profitt u t-Telf
Il-profitt annwali tal-BĊE laħaq il-quċċata fl-2019 wara diversi snin ta’ żidiet, prinċipalment minħabba żieda fid-dħul mill-imgħax iġġenerat fuq titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja u fuq assi ta’ riżervi barranin. Fl-2020 il-profitt tal-BĊE beda jonqos, prinċipalment minħabba dħul aktar baxx fuq l-oġġetti msemmija hawn fuq.
Fl-2021 il-profitt tal-BĊE kien ta’ €192 miljun (2020: €1,643 miljun). It-tnaqqis ta’ €1,452 miljun meta mqabbel mal-2020 kien xprunat prinċipalment minn riżultat nett aktar baxx ta’ operazzjonijiet finanzjarji, tnaqqis fil-valur u provvedimenti għar-riskju, b’mod partikolari minħabba t-trasferiment għall-provvediment għal riskju finanzjarju, u d-dħul nett aktar baxx mill-imgħax (Ċart 13 ).
Ċart 13
Komponenti ewlenin tal-Kont tal-Profitt u t-Telf tal-BĊE
Id-dħul nett mill-imgħax tal-BĊE naqas bi €451 miljun għal €1,566 miljun (Ċart 14), minħabba dħul anqas mill-imgħax minn fuq titoli miżmumin għal għanijiet tal-politika monetarja u fuq l-assi tar-riżervi barranin. Iż-żieda fid-dħul nett minn imgħax ieħor ikkumpensa biss parzjalment dan it-tnaqqis.
Ċart 14
Dħul nett mill-imgħax
Dħul nett mill-imgħax iġġenerat fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja naqas bi €331 miljun għal €1,006 miljuni fl-2021 (Ċart 15) prinċipalment minħabba d-dħul nett negattiv mill-imgħax fuq il-portafoll tal-PEPP. Il-kontinwazzjoni tax-xiri tat-titoli tas-settur pubbliku taħt il-PEPP – b’rendiment medju negattiv bħala riżultat tar-rendiment baxx tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro li prevalew matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm (Ċart 16) – wasslet għal dħul nett negattiv ogħla fuq dan il-portafoll meta mqabbel mas-sena ta’ qabel b’€41 miljun għal €252 miljun. Barra minn hekk, id-dħul nett mill-imgħax fuq il-portafolli SMP, CBPP1 u CBPP2 naqas bi €82 miljun għal €111 miljun, minħabba t-tnaqqis fid-daqs ta’ dawn il-portafolli bħala riżultat tat-titoli li jimmaturaw. Fl-aħħar nett, id-dħul nett mill-imgħax li jirriżulta mill-APP (minn titoli miżmuma taħt ABSPP, CBPP3 u PSPP) naqas b’€37 miljun għal €1,147 miljun, l-aktar minħabba rata ta’ imgħax medja aktar baxxa miksuba fuq titoli miżmuma taħt l-ABSPP.
Fl-2021, it-titoli miżmuma għall-għanijiet tal- politika monetarja ġġeneraw 64% tad-dħul nett tal-BĊE mill-imgħax.
Ċart 15
Dħul nett mill-imgħax fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja
Ċart 16
Rendimenti tal-bonds tal-gvern ta’ seba’ snin fiż-żona tal-euro
Id-dħul mill-imgħax nett fuq assi f’riżervi barranin naqas minn €277 miljun għal €197 miljun, l-aktar minħabba t-tnaqqis fid-dħul minn imgħax fuq titoli denominati f’dollari Amerikani. Minħabba r-rendimenti baxxi tal-bonds f’dollari Amerikani matul il-biċċa l-kbira tal-2020 u l-2021 (Ċart 17), u bejgħ u fidi ta’ bonds b’rendiment ogħla mixtrija fil-passat, ir-rata medja tal-imgħax li nkisbet fuq il-portafoll tad-dollaru Amerikan tal-BĊE kompliet naqset meta mqabbla mas-sena preċedenti.
Ċart 17
Rendiment tal-bonds tal-gvern fl-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina
Kemm id- dħul mill-imgħax fuq is-sehem tal-BĊE tat-total ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni kif ukoll l-ispiża tal-imgħax relatata mal-klejms tal-BĊN fir-rigward tar-riżervi barranin trasferiti kien żero minħabba r-rata tal-imgħax ta’ 0% użata mill-Eurosistema fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tagħha (MROs) fl-2021.
Dħul nett ieħor mill-imgħax żdied, prinċipalment minħabba dħul ogħla mill-imgħax fuq (i) il-kontijiet miżmuma fil-BĊE minn klijenti TARGET2 tal-BĊE li mhumiex fiż-żona tal-euro, (ii) operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli tal-politika monetarja, u (iii) depożiti aċċettati minn il-BĊE fir-rwol tiegħu bħala aġent fiskali, kull wieħed bħala riżultat tal-bilanċi medji ogħla fl-2021. Dawn iż-żidiet aktar milli ikkumpensaw għad-dħul minn imgħax iżjed baxx fuq il-portafoll tal-fondi proprji, li rriżulta mill-ambjent ta’ rendiment baxx fiż-żona tal-euro (Ċart 16).
Ir-riżultat nett tal-operazzjonijiet finanzjarji u t-tnaqqis tal-valur fuq l-assi finanzjarji ammonta għal telf ta’ €139 miljun fl-2021 mqabbel ma’ qligħ ta’ €316 miljun fl-2020 (Ċart 18). Il-muturi ewlenin ta’ dan kienu telf nett realizzat fil-prezz fl-2021, meta mqabbel ma’ qligħ nett realizzat fil-prezz fl-2020, u tnaqqis fil-valur ogħla fuq titoli denominati f’dollari Amerikani u f’euro.
It-telf nett realizzat fil-prezz ġie minn titoli denominati f’euro u tar-rati tal-imgħax għal xiri futur denominati f’dollari Amerikani. Dan it-telf kien biss parzjalment ikkumpensat minn qligħ realizzat fil-prezz fuq titoli denominati f’dollari Amerikani, li kienu għadhom pożittivi fl-2021 iżda anqas mis-sena ta’ qabel, peress li r-rendimenti tal-bonds f’dollari Amerikani baqgħu stabbli matul il-biċċa l-kbira tal-2020 u l-2021 qabel ma bdew jogħlew lejn l-aħħar tal-2021.
Ċart 18
Riżultati realizzati u tnaqqis tal-valur
Barra minn hekk, fl-31 ta’ Diċembru 2021, €610 miljuni ġew ittrasferit għall-provvediment tal-BĊE għal riskji finanzjarji, u tnaqqas il-profitt tal-BĊE b’ammont ugwali. Wara li qies ir-riżultati tal-istima tar-riskju tiegħu, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid id-daqs tal-provvediment għar-riskji finanzjarji għal €8,194 miljun, li hu l-ogħla limitu tiegħu kif iddefinit mill-kapital imħallas tal-BĊN taż-żona tal-euro (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi Finanzjarji”).
L-ispejjeż operattivi totali tal-BĊE, inkluż id-deprezzament u s-servizzi tal-produzzjoni tal-karti tal-flus, żdiedu bi €39 miljun għal €1,238 miljun (Ċart 19). Iż-żieda meta mqabbla mal-2020 kienet prinċipalment dovuta għal spejjeż ogħla tal-persunal li jirriżultaw minn (i) spejjeż ogħla fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg bħala riżultat ta’ spiża ogħla tas-servizz kurrenti wara l-valutazzjoni attwarja annwali u (ii) l-ogħla għadd medju ta’ persunal f’2021. L-ispejjeż amministrattivi żdiedu bi ftit, l-aktar minħabba spejjeż ogħla għall-manutenzjoni tal-proprjetà.
L-ispejjeż relatati mas-superviżjoni bankarja huma koperti għalkollox permezz ta’ tariffi imposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni. Abbażi tal-ispiża attwali tal-BĊE għat-twettiq tal-kompiti ta’ superviżjoni bankarji tiegħu, id-dħul mit-tariffi superviżorji għall-2020 kien ta’ €578 miljun.[15]
Ċart 19
Spejjeż operattivi u dħul mit-tariffi superviżorji
1.4 Ġestjoni tar-riskji
Il-ġestjoni tar-riskju hi parti kritika tal-attivitajiet tal-BĊE u titwettaq permezz ta’ proċess kontinwu ta’ (i) identifikazzjoni u valutazzjoni tar-riskji, (ii) analiżi tal-istrateġija u l-politika tar-riskju, (iii) l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet li jtaffu r-riskju, u (iv) sorveljanza u rappurtar tar-riskju, kollha azzjonijiet sostnuti b’metodoloġiji, proċessi u sistemi effettivi.
Figura 2
Ċiklu tal-ġestjoni tar-riskju
It-taqsimiet li ġejjin jiffokaw fuq ir-riskji, is-sorsi tagħhom u l-oqfsa applikabbli tal-kontroll tar-riskju.
1.4.1 Riskji finanzjarji
Il-Bord Eżekuttiv jipproponi politika u proċeduri li jiżguraw livell xieraq ta’ protezzjoni kontra r-riskji finanzjarji li l-BĊE hu espost għalihom. il-Kumitat tal-Ġestjoni tar-Riskju (RMC), li jinkludi esperti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema, jikkontribwixxi għas-sorveljanza, il-kejl u r-rappurtar tar-riskji finanzjarji relatati mal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema, u jiddefinixxi u jeżamina mill-ġdid il-metodoloġiji u l-oqfsa assoċjati. B’dan il-mod, l-RMC jgħin lill-korpi deċiżjonali biex jiġi żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni għall-Eurosistema.
Ir-riskji finanzjarji jiġu mill-attivitajiet ewlenin tal-BĊE u mill-iskoperturi assoċjati. L-oqfsa u l-limiti tal-kontroll tar-riskju li juża l-BĊE biex jamministra l-profil tar-riskju tiegħu f’kull tip ta’ operazzjoni, jirriflettu l-għanijiet tal-politika jew tal-investiment tad-diversi portafolli kif ukoll il-karatteristiċi tar-riskju tal-assi bażi.
Biex jissorvelja u jivvaluta r-riskji, il-BĊE juża għadd ta’ metodi tekniċi ta’ valutazzjoni tar-riskju żviluppati mill-esperti tiegħu. Dawn il-metodi tekniċi huma bbażati fuq qafas konġunt ta’ simulazzjoni tar-riskji tas-suq u tal-kreditu. Il-kunċetti, it-teknika u l-konġetturi tal-mudelli ewlenin li jiffurmaw il-bażi tal-miżuri tar-riskju jużaw standards tal-industrija u dejta tas-suq disponibbli. Ir-riskji huma kwantifikati tipikament bħala l-iżbilanċ mistenni (ES),[16] stmat fil-livell ta’ fiduċja ta’ 99%, fuq perjodu ta’ sena. Jintużaw żewġ approċċi biex jiġu kkalkulati r-riskji: (i) il-metodu tal-kontabilità, fejn il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni tal-BĊE jitqiesu bħala bafer fl-istimi tal-kalkolu tar-riskju skont ir-regoli applikabbli kollha tal-kontabilità; u (ii) il-metodu finanzjarju, fejn il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni ma jitqiesux bħala bafer fil-kalkolu tar-riskju. Il-BĊE jikkalkola wkoll miżuri oħra tar-riskju fuq livelli differenti ta’ fiduċja, jagħmel analiżijiet ta’ sitwazzjonijiet ta’ sensittività u stress, u jivvaluta tbassir fit-tul tal-iskoperturi u d-dħul biex dejjem ikollu stampa komprensiva tar-riskji.[17]
Ir-riskji totali tal-BĊE żdiedu matul is-sena. Fl-aħħar tal-2021, ir-riskji finanzjarji totali għall-portafolli tal-BĊE kollha flimkien, kif imkejlin bl-ES f’livell ta’ fiduċja ta’ 99% fuq perjodu ta’ sena taħt il-metodu tal-kontabilità, kienu ta’ €15.3 biljuni, li kien €2.5 biljun ogħla mir-riskji stmati fil-31 ta’ Diċembru 2020 (ara ċ-Ċart 20). Iż-żieda fir-riskji stmati tkompli xejra li bdiet fl-2020 u tirrifletti t-tkabbir tal-portafolli tal-politika monetarja tal-BĊE bħala riżultat tax-xiri tal-assi li sar taħt il-PEPP u l-APP.
Ċart 20
Riskji finanzarji totali (ES 99% approċċ ta’ kontabilità)
Ir-riskju għall-kreditu jiġi mill-portafolli tal-politika monetarja tal-BĊE, mill-portafoll tal-fondi proprji tiegħu u mill-investimenti tar-riżervi barranin tiegħu. Waqt li t-titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja jiġu valutati b’kost amortizzat soġġett għal indeboliment u għalhekk, fin-nuqqas ta’ bejgħ, mhumiex soġġetti għal bidliet fil-prezzijiet assoċjati ma’ migrazzjoni tal-kreditu, xorta waħda huma soġġetti għal riskju ta’ inadempjenza tal-kreditu. Il-fondi proprji denominati f’euro u r-riżervi barranin jiġu valutati bil-prezz tas-suq u, bħala tali, huma soġġetti għar-riskju tal-migrazzjoni tal-kreditu u tal-inadempjenza. Ir-riskju tal-kreditu żdied meta mqabbel mas-sena ta’ qabel minħabba l-espansjoni tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE permezz ta’ xiri ta’ titoli taħt l-APP u l-PEPP.
Ir-riskju tal-kreditu jittaffa l-iżjed permezz tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta u l-limiti li jvarjaw fil-portafolli kollha.
Ir-riskji tal-munita u tal-materja prima jiġu mill-investimenti tal-BĊE f’munita barranija u f’deheb. Ir-riskju tal-munita naqas meta mqabbel mas-sena ta’ qabel minħabba kontijiet ta’ rivalutazzjoni tal-muniti ogħla, li jaġixxu bħala bafers kontra ċaqliq negattiv tar-rata tal-kambju.
Minħabba r-rwol ta’ dawn l-assi fil-politika, il-BĊE ma jfittixx li jelimina r-riskji relatati mal-munita u l-materja prima. Minflok, dawn ir-riskji jittaffew permezz tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni eżistenti u d-diversifikazzjoni tal-investimenti fil-muniti differenti u d-deheb.
Ir-riżervi barranin tal-BĊE u l-fondi proprji denominati f’euro jiġu investiti l-iżjed f’titoli bi dħul fiss u huma soġġetti għar-riskju tar-rata tal-imgħax valutat skont is-suq, billi jiġu valutati bil-prezzijiet tas-suq. L-investimenti tar-riżervi barranin tal-BĊE huma investiti l-iżjed f’assi b’maturità relattivament qasira (ara Ċart 7 fit-Taqsima 1.3.1 “Karta tal-Bilanċ”), filwaqt li l-assi fil-portafoll tal-fondi proprji ġeneralment ikollhom maturitajiet itwal (ara ċ-Ċart 9 fit-Taqsima 1.3.1 “Karta tal-Bilanċ”). Ir-riskju tar-rata tal-imgħax ta’ dawn il-portafolli, kif imkejjel skont l-approċċ tal-kontabilità, żdied bi ftit meta mqabbel mal-2020, u dan jirrifletti żviluppi fil-kundizzjonijiet tas-suq.
Ir-riskju tar-rata tal-imgħax valutat skont is-suq jittaffa permezz tal-politika tal-allokazzjoni tal-assi u l-kontijiet ta’ rivalutazzjoni.
Il-BĊE hu soġġett ukoll għar-riskju tar-rata tal-imgħax li jirriżulta mid-diskrepanza bejn ir-rata tal-imgħax li jdaħħal fuq l-assi tiegħu u r-rata tal-imgħax li jħallas fuq l-obbligazzjonijiet tiegħu, u dan għandu impatt fuq id-dħul nett tiegħu mill-imgħax. Dan ir-riskju mhuwiex marbut direttament ma’ xi portafoll partikolari, iżda pjuttost mal-istruttura tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE kollha kemm hi, u b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ diskrepanzi fil-maturità u r-redditu bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet. Huwa mmonitorjat permezz ta’ tbassir tal-profittabilità tal-BĊE li jindika li l-BĊE huwa mistenni li jkompli jaqla’ d-dħul mill-imgħax nett fis-snin li ġejjin.
Din ix-xorta ta’ riskju tiġi amminstrata permezz tal-politika tal-allokazzjoni ta’ assi u tittaffa ulterjorment bl-eżistenza ta’ obbligazzjonijiet mhux remunerati fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.
1.4.2 Riskju operattiv
Il-Bord Eżekuttiv hu responsabbli għal, u japprova l-politika u l-qafas tal-ġestjoni tar-risku[18] operattiv (ORM) tal-BĊE. Il-Kumitat għar-Riskju Operattiv (ORC) jgħin lill-Bord Eżekuttiv fil-qadi tar-rwol tiegħu fis-sorveljanza tal-ġestjoni tar-riskji operattiv. L-ORM hu parti integrali mill-istruttura tal-governanza u l-proċessi ta’ ġestjoni tal-BĊE.[19]
L-għan ewlieni tal-qafas ORM tal-BĊE hu li jagħti kontribut biex jiżgura li l-BĊE jilħaq il-missjoni u l-għanijiet tiegħu, filwaqt li jħares ir-reputazzjoni u l-assi tiegħu kontra t-telf, l-użu ħażin u d-danni. Fil-qafas tal-ORM, kull qasam ta’ ħidma hu responsabbli biex jidentifika, jivvaluta, jirreaġixxi għal, jirrapporta dwar u jissorvelja r-riskji, l-inċidenti u l-kontrolli operattivi tiegħu. F’dan il-kuntest, il-politika tal-BĊE relatata mat-tolleranza tar-riskju tipprovdi gwida fir-rigward tal-istrateġiji ta’ reazzjoni għar-riskju u l-proċeduri ta’ aċċettazzjoni tar-riskju. Hi marbuta ma’ matriċi ta’ riskju ta’ ħamsa b’ħamsa abbażi ta’ skali ta’ gradazzjoni tal-impatt u l-probabbiltà bl-applikazzjoni ta’ kriterji kwantitattivi u kwalitattivi.
L-ambjent li fih jopera l-BĊE huwa espost għal theddid dejjem aktar kumpless u interkonness u hemm firxa wiesgħa ta’ riskji operattivi assoċjati mal-attivitajiet ta’ kuljum tal-BĊE. L-oqsma ewlenin ta’ tħassib għall-BĊE jinkludu firxa wiesgħa ta’ riskji mhux finanzjarji li jirriżultaw minn nies, informazzjoni, sistemi, proċessi u fornituri esterni ta’ partijiet terzi. Konsegwentement, il-BĊE stabbilixxa proċessi biex jiffaċilita ġestjoni kontinwa u effettiva tar-riskji operattivi tiegħu u biex jintegra l-informazzjoni dwar ir-riskju fil-proċess deċiżjonali. Barra minn hekk, il-BĊE jiffoka fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza tiegħu u jieħu ħarsa usa’ tar-riskji u l-opportunitajiet minn perspettiva minn tarf sa tarf, inklużi l-aspetti tas-sostenibbiltà. Bħala tali, ġew stabbiliti strutturi ta’ reazzjoni u pjani ta’ kontinġenza biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tan-negożju f’każ ta’ xi tfixkil jew kriżi (bħall-pandemija tal-COVID-19).
1.4.3 Riskju ta’ imġiba
Il-BĊE għandu Uffiċċju apposta ta’ Konformità u Governanza bħala funzjoni ewlenija ta’ kontroll tal-ġestjoni tar-riskju biex isaħħaħ il-qafas ta’ governanza tal-BĊE sabiex jindirizza r-riskju ta’ imġiba[20] fil-BĊE. l-għan tiegħu huwa li jappoġġja lill-Bord Eżekuttiv fil-protezzjoni tal-integrità u r-reputazzjoni tal-Bank, li jippromwovi standards etiċi ta’ mġiba u li jsaħħaħ ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-Bank. Kumitat ta’ Etika tal-BĊE ta’ livell għoli jipprovdi pariri u gwida lil uffiċjali tal-BĊE ta’ livell għoli dwar kwistjonijiet ta’ integrità u mġiba u jappoġġa lill-Kunsill Governattiv fil-ġestjoni tar-riskji relatati fil-livell eżekuttiv b’mod xieraq u koerenti. Fil-livell tal-Eurosistema u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) il-Konferenza dwar l-Etika u l-Konformità taħdem biex tinkiseb implimentazzjoni koerenti tal-oqfsa ta’ mġiba għall-BĊN u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (AKN).
2 Rapporti finanzjarji tal-BĊE
2.1 Karta tal-Bilanċ tal-31 ta’ Diċembru 2021
2.2 Kont tal-Profitt u t-Telf għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021
Frankfurt am Main, 8 ta’ Frar 2022
Bank Ċentrali Ewropew
Christine Lagarde
President
2.3 Politika tal-kontabilità
Forma u preżentazzjoni tar-rapporti finanzjarji
Ir-rapporti finanzjarji tal-BĊE tfasslu skont il-politiki ta’ kontabilità li ġejjin,[21] li fil-fehma tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE jagħtu preżentazzjoni ġusta tar-rapporti finanzjarji u fl-istess ħin jirriflettu n-natura tal-attivitajiet ta’ bank ċentrali.
Prinċipji tal-kontabilità
Ġew applikati l-prinċipji tal-kontabilità li ġejjin: realtà u trasparenza ekonomika, prudenza, għarfien ta’ avvenimenti post karta tal-bilanċ, materjalità, negozju avvjat, prinċipju tad-dovuti, konsistenza u komparabbiltà.
Għarfien tal-assi u l-obbligazzjonijiet
L-assi jew l-obbligazzjonijiet jidhru fil-Karta tal-Bilanċ biss meta x’aktarx li kull benefiċċju ekonomiku futur marbut magħhom jgħaddi għal għand, jew mingħand, il-BĊE, meta r-riskji u l-gwadanji sostanzjalment kollha assoċjati magħhom ikunu ġew trasferiti lill-BĊE, u meta l-prezz jew il-valur tal-assi jew l-ammont tal-obbligazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kalkulati b’mod affidabbli.
Bażi tal-kontabilità
Il-kontijiet tħejjew abbażi tal-kost storiku, immodifikat biex jinkludi l-valutazzjoni tas-suq tat-titoli negozjabbli (barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja), tad-deheb u tal-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha denominati f’munita barranija.
It-tranżazzjonijiet f’assi u obbligazzjonijiet finanzjarji jidhru fil-kontijiet bid-data meta jkunu ġew konklużi.
Bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet spot f’titoli, it-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji denominati f’munita barranija jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ bid-data ta’ meta jkunu saru. Fid-data tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni, l-entrati esklużi mill-karta tal-bilanċ jiġu riversjati u t-tranżazzjonijiet jiddaħħlu fil-karta tal-bilanċ. Ix-xiri u l-bejgħ ta’ munita barranija jaffettwa l-pożizzjoni netta f’munita barranija fid-data ta’ meta jkun sar, u r-riżultati realizzati mill-bejgħ jiġu kalkulati f’din id-data wkoll. L-imgħax, il-primjums u l-iskontijiet dovuti relatati mal-istrumenti finanzjarji denominati f’munita barranija jiġu kalkulati u jidħlu fil-kontijiet kuljum, u l-pożizzjoni f’munita barranija wkoll tiġi affettwata kuljum minn dawn id-dovuti.
Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija
L-assi u l-obbligazzjonijiet denominati f’munita barranija jinqalbu f’euro bir-rata tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ. Id-dħul u l-ispejjeż jinqalbu bir-rata tal-kambju tad-data meta jidħlu fil-kontijiet. Ir-rivalutazzjoni ta’ assi u obbligazzjonijiet tal-kambju, fosthom strumenti inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha, issir għal kull munita individwali.
Ir-rivalutazzjoni bil-prezz tas-suq ta’ assi u obbligazzjonijiet denominati f’munita barranija tinħadem b’mod separat mir-rivalutazzjoni tar-rata tal-kambju.
Id-deheb jiġi valutat bil-prezz tas-suq prevalenti fid-data tal-karta tal-bilanċ. Ma ssir ebda distinzjoni bejn id-differenzi fir-rivalutazzjoni tal-prezz u tal-munita fil-każ tad-deheb. Minflok, jingħata kont ta’ stima waħda tad-deheb abbażi tal-prezz f’euro għal kull uqija fina ta’ deheb, li, għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021, kienet derivata mir-rata tal-kambju tal-euro kontra d-dollaru US tat-31 ta’ Dicembru 2021.
Id-dritt speċjali ta’ kreditu (SDR) jiġi definit f’termini ta’ basket ta’ muniti u l-valur tiegħu jiġi determinat mis-somma ppeżata tar-rati tal-kambju ta’ ħames muniti kbar (id-dollaru Amerikan, l-euro, ir-renminbi Ċiniż, il-yen Ġappuniż u l-lira sterlina). L-investimenti tal-BĊE f’SDRs ġew konvertiti f’euro bir-rata tal-kambju ta’ euro għal kull SDR fil-31 ta’ Diċembru 2021.
Titoli
Titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja
It-titoli miżmumin attwalment għall-għanijiet tal-politika monetarja jidħlu fil-kontijiet b’kost amortizzat suġġett għal indeboliment.
Titoli oħra
It-titoli negozjabbli (barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja) u assi simili jiġu valutati jew bil-prezzijiet medji tas-suq jew abbażi tal-kurva tar-rendimenti rilevanti fid-data tal-karta tal-bilanċ, għal kull titolu individwali. L-opzjonijiet inkorporati fit-titoli ma jiġux separati għall-għanijiet tal-valutazzjoni. Għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2021, intużaw il-prezzijiet medji tas-suq tat-30 ta’ Diċembru 2021.
Fondi ta’ investiment negozjabbli huma rivalutati fuq bażi netta fuq livell ta’ fond, bl-użu tal-valur nett tal-assi tagħhom. Ma jiġi applikat l-ebda nnettjar bejn qligħ u telf mhux realizzat f’fondi ta’ investiment differenti.
Ishma illikwidi ta’ ekwità u strumenti oħra ta’ ekwità miżmumin bħala investimenti permanenti jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist suġġett għal indeboliment.
Għarfien tad-dħul
Id-dħul u l-ispejjeż jiġu rikonoxxuti fil-perjodu meta jidħlu jew meta jsiru.[22] Il-qligħ u t-telf li jirriżulta mill-bejgħ ta’ munita barranija, deheb u titoli jiġi rreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf. Dan il-qligħ u t-telf realizzat jiġi kalkulat b’referenza għall-prezz medju tal-assi rispettivi.
Il-profitt mhux realizzat ma jiġix rikonoxxut bħala dħul u jiġi trasferit direttament f’kont ta’ rivalutazzjoni.
It-telf mhux realizzat jiġi rreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf jekk, fl-aħħar tas-sena, ikun akbar mill-profitt tar-rivalutazzjoni preċedenti akkumulat fil-kont ta’ rivalutazzjoni rispettiv. Dan it-telf mhux realizzat minn titolu jew munita individwali jew mid-deheb ma jiġix innettjat mal-profitt mhux realizzat minn titoli jew muniti oħra jew mid-deheb. Fil-każ li dan it-telf mhux realizzat minn xi partita jiġi rreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf, il-prezz medju ta’ din il-partita jitnaqqas bir-rata tal-kambju jew bil-prezz tas-suq tal-aħħar tas-sena.
It-telf mill-indeboliment irreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u ma jiġix riversjat fis-snin ta’ wara ħlief jekk l-indeboliment jonqos u t-tnaqqis jista’ jiġi relatat ma’ avveniment osservabbli li jseħħ wara li l-indeboliment ikun iddaħħal fil-kontijiet għall-ewwel darba.
Primjums jew skontijiet fuq titoli jiġu amortizzati fuq il-bqija tal-ħajja kuntrattwali tat-titoli.
Tranżazzjonijiet riversjati
It-tranżazzjonijiet riversjati huma operazzjonijiet li bihom il-BĊE jixtri jew ibigħ assi bi ftehim ta’ riakkwist jew jagħmel operazzjonijiet ta’ kreditu bil-kollateral.
Fi ftehim ta’ riakkwist, it-titoli jinbiegħu bi flus kontanti bi ftehim li jsir fl-istess ħin biex jerġgħu jinxtraw mingħand il-kontroparti bi prezz miftiehem f’data stabbilita fil-ġejjieni. Kull ftehim ta’ ri-akkwist jidħol fil-kontijiet bħala depożitu kollateralizzat fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet tal-Karta tal-Bilanċ. It-titoli li jinbiegħu bi ftehim bħal dan jibqgħu jidhru fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.
Fi ftehim ta’ riakkwist riversjat, it-titoli jinxtraw bi flus kontanti bi ftehim li jsir fl-istess ħin biex jerġgħu jinbiegħu lill-kontroparti bi prezz miftiehem f’data stabbilita fil-ġejjieni. Kull ftehim ta’ ri-akkwist riversjat jidħol fil-kontijiet bħala self kollateralizzat fuq in-naħa tal-assi tal-Karta tal-Bilanċ iżda ma jiġix inkluż fl-investimenti tal-BĊE f’titoli.
It-tranżazzjonijiet riversjati (fosthom tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli) li jsiru fi programm offrut minn istituzzjoni speċjalizzata jidħlu fil-Karta tal-Bilanċ biss meta jiġi provdut kollateral fi flus kontanti u dawn il-flus kontanti jibqgħu ma jiġux investiti.
Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ
L-istrumenti tal-munita, jiġifieri t-tranżazzjonijiet forward tal-kambju, il-forward legs tas-swaps tal-kambju u strumenti oħra tal-munita li jinvolvu l-kambju minn munita għall-oħra f’data fil-ġejjieni, jiġu inklużi fil-pożizzjoni netta tal-munita barranija biex jiġi kalkulat il-qligħ u t-telf mill-kambju.
L-istrumenti tar-rati tal-imgħax jiġu rivalutati individwalment. It-tibdil ta’ kuljum fil-marġni ta’ varjazzjoni tar-rata tal-imgħax ta’ kuntratti futures miftuħin kif ukoll is-swaps tar-rati tal-imgħax li jiġu klerjati permezz ta’ kontroparti ċentrali jidħlu fil-Kont tal-Profitt u t-Telf. Il-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet forward f’titoli ssir mill-BĊE u tinħadem b’metodi ta’ valutazzjoni aċċettati b’mod ġenerali bi prezzijiet u rati osservabbli tas-suq, kif ukoll permezz ta’ fatturi ta’ skont mid-dati tal-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet sad-data tal-valutazzjoni tagħhom.
Assi fissi
Assi fissi, fosthom assi intanġibbli, iżda bl-esklużjoni tal-artijiet u x-xogħlijiet tal-arti, jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist li minnu jitnaqqas id-deprezzament. L-artijiet u x-xogħlijiet tal-arti jiġu valutati bil-prezz tal-akkwist. Il-bini prinċipali tal-BĊE hu valutat bil-prezz tal-ispiża bid-deprezzament imnaqqas u soġġett għall-indeboliment. Għad-deprezzament tal-bini ewlieni tal-BĊE, l-ispejjeż jiġu assenjati lill-komponenti xierqa tal-assi li jiġu deprezzati skont il-kalkolu tal-ħajja utli tagħhom. Id-deprezzament jiġi kalkolat bil-metodu straight-line matul il-ħajja utli mistennija tal-assi, mit-trimestru wara li l-assi jkunu disponibbli għall-użu. Il-ħajja utli applikata għall-kategoriji ewlenin ta’ assi tidher hawn taħt:
Il-perjodu ta’ deprezzament għan-nefqa kapitalizzata fuq it-tiġdid tal-bini relatata mal-bini mikri bħalissa mill-BĊE ġie aġġustat biex jitqiesu l-avvenimenti li jkollhom impatt fuq il-ħajja utli mistennija tal-assi affettwati.
Il-BĊE jwettaq test ta’ indeboliment annwali tal-bini prinċipali tiegħu u assi għad-dritt tal-użu relatati mal-bini tal-uffiċċji (ara “Kirjiet” iktar ’l isfel). Jekk jiġi identifikat indikatur tal-indeboliment u jitqies li l-assi jista’ jkun fi stat ta’ indeboliment, issir stima tal-ammont rekuperabbli. Telf minħabba indeboliment jiġi reġistrat fil-Kont tal- Profitt u t-Telf jekk l-ammont rekuperabbli jkun anqas mill-valur nett deprezzat.
Assi fissi li jqumu anqas minn €10,000 jiġu kanċellati fis-sena tal-akkwist.
Assi fissi li jikkonformaw mal-kriterji ta’ kapitalizzazzjoni iżda li jkunu għadhom qegħdin jinbnew jew jiġu żviluppati jidħlu taħt l-intestatura “Assi li qegħdin jinbnew”. L-ispejjeż relatati jiġu trasferiti fl-intestaturi rilevanti tal-assi fissi meta l-assi jsiru disponibbli biex jintużaw.
Kirjiet
Meta l-kirjiet kollha li jinvolvu assi tanġibbli, l-assi marbut mad-dritt tal-użu u r-responsabbiltà għall-kiri huma rikonoxxuti fuq il-Karta tal-Bilanċ fid-data tal-bidu tal-kera, u inklużi taħt “Assi fissi tanġibbli u intanġibbli” u “Varji (obbligazzjonijiet)”, rispettivament. Għall-kirjiet li jikkonformaw mal-kriterji tal-kapitalizzazzjoni, iżda l-assi involut għadu qed jinbena jew jiġi adattat, l-ispejjeż imġarrba qabel id-data tal-bidu tal-kiri huma rreġistrati taħt l-intestatura “Assi taħt kostruzzjoni”. L-obbligazzjoni relatata tad-dritt tal-użu u l-obbligazzjoni tal-kiri huma rikonoxxuti taħt l-intestaturi rilevanti tal-assi fissi ladarba l-assi jkun disponibbli għall-użu (id-data tal-bidu wara).
Assi marbuta mad-dritt tal-użu jiġu vvalutati fil-kost bid-deprezzament imnaqqas. Barra minn hekk, assi tad-dritt tal-użu relatati ma’ bini ta’ uffiċini huma soġġetti għal indeboliment (fir-rigward tat-test ta’ indeboliment annwali ara “Assi fissi” iktar ’l fuq). Id-deprezzament hu kkalkolat fuq bażi dritta mid-data tal-bidu sa jew it-tmiem tal-ħajja utli tal-assi ta’ dritt ta’ użu jew it-tmiem tal-perjodu tal-kiri, liema jiġi l-ewwel.
Ir-responsabbiltà tal-kera hija inizjalment imkejla bil-valur preżenti tal-ħlasijiet futuri tal-kera (li jinkludu biss komponenti tal-kiri), skontati bl-użu tar-rata inkrementali tas-self tal-BĊE. Sussegwentement, ir-responsabbiltà tal-kiri titkejjel bi spiża amortizzata bl-użu tal-metodu ta’ interess effettiv. L-ispiża relatata mal-imgħax hija rreġistrata fil-Kont tal-Profitt u Telf taħt "Spejjeż oħra tal-imgħax". Meta jkun hemm bidla fil-pagamenti ta’ kiri futuri li jirriżultaw minn bidla f’indiċi jew rivalutazzjoni oħra tal-kuntratt eżistenti, ir-responsabbiltà tal-kera tiġi mkejla mill-ġdid. Kull kejl mill-ġdid bħal dan jirriżulta f’aġġustament korrispondenti għall-ammont miżmum fil-kotba tal-assi ta’ dritt ta’ użu.
Kiri għal żmien qasir b’tul ta’ 12-il xahar jew anqas u kirjiet ta’ assi ta’ valur baxx taħt €10,000 (konsistenti mal-limitu użat għar-rikonoxximent ta’ assi fissi) huma rreġistrati bħala spiża fil-Kont tal-Qligħ u Telf.
Il-benefiċċji tal-BĊE ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni
Il-BĊE jħaddem skemi ta’ benefiċċji definiti għall-persunal tiegħu u għall-membri tal-Bord Eżekuttiv, kif ukoll għall-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE.
L-iskema ta’ pensjoni tal-persunal hija finanzjata b’assi miżmumin f’fond ta’ benefiċċji fit-tul għall-impjegati. Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji li jsiru mill-BĊE u l-persunal huma riflessi fl-istruttura ta’ benefiċċji definiti tal-iskema. L-istaff jista’ jagħti kontribuzzjonijiet supplimentari minn rajh fi struttura ta’ kontribuzzjonijiet definiti li tista’ tintuża biex tipprovdi benefiċċji supplimentari.[23] Dawn il-benefiċċji addizzjonali jiġu kalkolati bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet volontarji flimkien mar-redditi mill-investiment li jiġu minn dawk il-kontribuzzjonijiet.
Hemm provvedimenti mhux finanzjati għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE. Għall-membri tal-persunal hemm provvedimenti mhux finanzjati għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg minbarra l-pensjonijiet u għal benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni.
Obbligazzjoni tal-benefiċċji definit
L-obbligazzjoni rikonoxxuta fil-Karta tal-Bilanċ fil-partita “Obbligazzjonijiet Varji” fir-rigward tal-iskemi tal-benefiċċji definiti, inklużi benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni, hi l-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti fid-data tal-karta tal-bilanċ, li minnu jitnaqqas il-valur ġust tal-assi tal-iskema użati biex jiffinanzjaw l-obbligu.
L-obbligu tal-benefiċċji definiti jiġi kalkulat kull sena minn attwarji indipendenti bl-użu tal-metodu tal-unità ta’ kreditu prevista. Il-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti jiġi kalkolat billi l-valutazzjoni tal-likwidità fil-ġejjieni tiġi skontata b’rata determinata b’referenza għar-redditi tas-suq fid-data tal-karta tal-bilanċ ta’ bonds korporattivi ta’ kwalità tajba denominati f’euro li jkollhom l-istess termini ta’ maturità bħal dawk tal-obbligu tal-pensjoni.
Il-qligħ u t-telf attwarjali jista’ jiġi minn aġġustamenti għall-esperjenza (fejn ir-riżultati attwali jkunu differenti mit-tbassir attwarjali li jkun sar qabel) u minn tibdil fit-tbassir attwarjali.
Kost nett tal-benefiċċju definit
L-ispiża netta tal-benefiċċji definiti tinqasam f’komponenti li jidħlu fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u kalkoli ġodda fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg li jidħlu fil-“Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” tal-Karta tal-Bilanċ.
L-ammont nett li jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf jiġbor fih:
- l-ispiża tas-servizz kurrenti tal-benefiċċji definiti dovuti għal dik is-sena;
- l-ispiża tas-servizz tal-imgħoddi tal-benefiċċji definiti li tirriżulta minn emenda fl-iskema;
- l-imgħax nett bir-rata ta’ skont fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti;
- kalkoli ġodda fir-rigward ta’ benefiċċji fit-tul oħrajn u benefiċċji tat-terminazzjoni ta’ tul ta’ żmien, jekk ikun hemm, fl-intier tagħhom.
L-ammont nett li jidher fil-“Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” jinkludi l-partiti li ġejjin:
- il-qligħ u t-telf attwarjali fuq l-obbligu tal-benefiċċji definiti;
- ir-redditu attwali fuq l-assi tal-iskema, minbarra l-ammonti inklużi fl-imgħax nett fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti;
- kwalunkwe tibdil fl-effett tal-limitu massimu tal-assi, minbarra l-ammonti inklużi fl-imgħax nett fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti.
Dawn l-ammonti jiġu valutati kull sena minn attwarji indipendenti biex jiġu stabbiliti l-obbligazzjonijiet xierqa fir-rapporti finanzjarji.
Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema
Il-bilanċi fi ħdan is-SEBĊ jiġu primarjament mill-ħlasijiet transkonfinali fl-Unjoni Ewropea (UE) li jiġu konklużi f’euro bi flus tal-banek ċentrali. Dawn it-tranżazzjonijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom isiru minn entitajiet privati (i.e. istituzzjonijiet ta’ kreditu, korporazzjonijiet u individwi). Jiġu konklużi fit-TARGET2 – Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system – u joħolqu bilanċi bilaterali fil-kontijiet tat-TARGET2 tal-banek ċentrali tal-UE. Dawn il-bilanċi bilaterali jiġu nettjati u mbagħad jiġu assenjati kuljum lill-BĊE, biex b’hekk kull bank ċentrali nazzjonali (BĊN) jibqa’ b’pożizzjoni singola bilaterali netta vis-à-vis il-BĊE biss. Pagamenti li jsiru mill-BĊE u li jiġu finalizzati fit-TARGET2 jaffetwaw ukoll il-pożizzjonijiet singoli bilaterali netti. Dawn il-pożizzjonijiet fil-kotba tal-BĊE jirrappreżentaw l-klejm jew l-obbligazzjoni netta ta’ kull BĊN kontra l-bqija tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE li jiġu mit-TARGET2, kif ukoll bilanċi oħra fi ħdan l-Eurosistema denominati f’euro (e.g. it-tqassim tal-profitt interim tal-BĊE lill-banek ċentrali nazzjonali) jiġu preżentati fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE bħala pożizzjoni waħda netta tal-assi jew tal-obbligazzjonijiet u jidhru fi “Klejms oħra fl-Eurosistema (netti)” jew “Obbligazzjonijiet oħra fl-Eurosistema (netti)”. Il-bilanċi fi ħdan is-SEBĊ tal-banek ċentrali nazzjonali barra ż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE, li jiġu mill-parteċipazzjoni tagħhom fit-TARGET2,[24] jidhru f’“Obbligazzjonijiet ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”.
Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema mill-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema jidħlu bħala assi wieħed nett fi “Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema” (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” iktar ‘l isfel).
Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema mit-trasferiment ta’ assi f’riżervi barranin lill-BĊE mill-banek ċentrali nazzjonali li jissieħbu fl-Eurosistema huma denominati f’euro u jidħlu f’“Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin”.
Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni
Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, li flimkien jagħmlu l-Eurosistema, joħorġu l-karti tal-euro.[25] It-total tal-valur tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jiġi allokat lill-banek ċentrali tal-Eurosistema fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ kull xahar skont l-iskema tal-allokazzjoni tal-karti tal-flus.[26]
Il-BĊE ġie allokat sehem ta’ 8% tal-valur totali tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, li jidher fil-Karta tal-Bilanċ fil-partita tal-obbligazzjonijiet “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni”. Is-sehem tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-euro huwa kopert bi klejms mal-banek ċentrali nazzjonali. Dawn il-klejms, li jrendu l-imgħax,[27] jidhru fis-subpartita “Klejms fi ħdan l-Eurosistema: klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema” (ara “Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema” iktar ‘l fuq). Id-dħul mill-imgħax fuq dawn il-klejms jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf fil-partita “Dħul mill-imgħax tal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema”.
Tqassim tal-profitt interim
Ammont li jkun daqs id-dħul tal-BĊE mill-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul mit-titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja (i) fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli, (ii) fit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti, (iii) fil-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi, u (iv) fil-programm ta’ xiri ta’ assi mis-settur pubbliku; u (v) il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika jitqassam f’Jannar tas-sena ta’ wara permezz ta’ tqassim tal-profitt interim, sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor.[28] Jitqassam kollu sakemm ma jkunx ogħla mill-qligħ nett tal-BĊE għal dik is-sena, u suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jagħmel trasferimenti fil-provvediment għar-riskji finanzjarji. Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi wkoll li jnaqqas l-ammont tad-dħul fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni li għandu jitqassam f’Jannar bl-ammont tal-ispejjeż imġarrbin mill-BĊE b’konnessjoni mal-ħruġ u l-ipproċessar tal-karti tal-flus tal-euro.
Avvenimenti post karta tal-bilanċ
Il-valuri tal-assi u l-obbligazzjonijiet jiġu aġġustati għal avvenimenti li jseħħu bejn id-data tal-karta tal-bilanċ annwali u d-data meta l-Bord Eżekuttiv jawtorizza l-preżentazzjoni tal-Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv, jekk dawn l-avvenimenti jaffettwaw materjalment il-kundizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet fid-data tal-karta tal-bilanċ.
Avvenimenti importanti post karta tal-bilanċ li ma jaffettwawx il-kundizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet fid-data tal-karta tal-bilanċ jidhru fin-noti.
Bidliet fil-politika tal-kontabilità
Fl-2021 ma kien hemm ebda bidliet fil-politika tal-kontabilità applikata mill-BĊE.
Affarijiet oħra
Skont l-Artikolu 27 tal-Istatut tas-SEBĊ, u abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill Governattiv, il-Kunsill tal-UE approva l-ħatra ta’ Baker Tilly GmbH & Co. KG, Wirtschaftsprüfungsgesellschaft, Düsseldorf (Repubblika Federali tal-Ġermanja) bħala l-awdituri esterni tal-BĊE għal perjodu ta’ ħames snin sa tmiem is-sena finanzjarja 2022. Dan il-perjodu ta’ ħames snin jista’ jiġi estiż sa sentejn finanzjarji addizzjonali.
2.4 Noti dwar il-Karta tal-Bilanċ
Nota 1 - Deheb u ammonti riċevibbli f’deheb
Sal-31 ta’ Diċembru 2021 il-BĊE kellu 16,229,522 uqija[29] ta’ deheb fin, li l-valur tas-suq tiegħu kien jammonta għal €26,121 miljun (2020: €25,056 miljun). Fl-2021 ma saret ebda tranżazzjoni fid-deheb u l-investimenti tal-BĊE għalhekk baqgħu l-istess meta jitqabblu mal-livell tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2020. Iż-żieda fil-valur ekwivalenti f’euro ta’ dawn l-investimenti kien dovut għaż-żieda fil-prezz tas-suq għad-deheb f’termini ta’ euro (ara “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-taqsima 2.3 “Politika ta’ kontabilità” u n-nota 15 “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”).
Nota 2 - Klejms ma’ residenti barra ż-żona tal-euro u taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija
Nota 2.1 - Ammonti riċevibbli mill-IMF
Dan l-assi jirrappreżenta l-investimenti tal-BĊE fi drittijiet speċjali ta’ kreditu (SDRs) u kien jammonta għal €1,234 miljun sal-31 ta’ Diċembru 2021 (2020: €680 miljun). Joħroġ mir-riżultat ta’ dispożizzjoni reċiproka ta’ negozju volontarju mal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) ta’ xiri u bejgħ ta’ SDRs li biha l-IMF huwa awtorizzat jiddisponi l-bejgħ jew ix-xiri ta’ SDRs bl-euro, f’isem il-BĊE, f’limiti li jiddefinixxu l-anqas u l-ogħla investiment. Għall-għanijiet tal-kontabilità, l-SDRs jitqiesu bħala munita barranija (ara “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”). L-investimenti tal-BĊE f’SDRs żdiedu fl-2021, prinċipalment bħala riżultat ta’ tranżazzjonijiet li seħħew fil-kuntest tal-arranġament ta’ kummerċ volontarju msemmi hawn fuq. L-apprezzament tal-SDR kontra l-euro matul l-2021 ikkontribwixxa wkoll għaż-żieda fil-valur ekwivalenti tal-euro ta’ dawn l-investimenti.
Nota 2.2 - Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra; u klejms ma’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija
Dawn iż-żewġ partiti jikkonsistu f’bilanċi ma’ banek u self denominat f’munita barranija, u f’investimenti f’titoli denominati f’dollari Amerikani u yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi.
Il-valur totali ta’ dawn il-partiti żdied fl-2021, l-iżjed minħabba l-apprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro.
L-investimenti netti tal-BĊE f’munita barranija[30] kienu kif ġej:
Ma saru l-ebda interventi tal-kambju barrani matul l-2021.
Nota 3 - Klejms ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro
Nota 3.1 - Bilanċi ma’ banek, investimenti f’titoli u self
Fl-31 ta’ Diċembru 2020 din il-partita kienet tikkonsisti fi klejm li tammonta għal €3,070 miljun (2020: €1,830 miljun) fir-rigward ta’ arranġamenti ta’ faċilità ta’ likwidità bejn l-Eurosistema u banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro. Taħt dawn l-arranġamenti, l-Eurosistema tipprovdi likwidità tal-euro lill-banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro bi skambju għal kollateral eliġibbli[31] biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-euro fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom f’każ ta’ disfunzjoni tas-suq u b’hekk timminimizza r-riskju ta’ effetti kollaterali negattivi fuq is-swieq finanzjarji u l-ekonomiji taż-żona tal-euro.
Nota 4 - Klejms oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro
Fil-31 ta’ Diċembru 2020 din il-partita kienet tikkonsisti mill-bilanċi tal-kontijiet kurrenti ma’ residenti taż-żona tal-euro li kienu jammontaw għal €38 miljun (2020: s€81 miljun).
Nota 5 - Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’euro
Nota 5.1 - Titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja
Fil-31 ta’ Diċembru 2021 din il-partita kienet tikkonsisti f’titoli akkwistati mill-BĊE fl-ambitu tat-tliet programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPPs), il-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP), il-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP) u l-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP).
Fl-2021 l-Eurosistema għamlet xiri nett taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi tagħna (APP)[32] b’pass ta’ kull xahar ta’ medja ta’ €20 biljun. F’Diċembru 2021 il-Kunsill Governattiv iddeċieda[33] b’ritmu ta’ xiri nett fix-xahar ta’ €40 biljun fit-tieni trimestru u €30 biljun fit-tielet trimestru tal-2022. Minn Ottubru 2022 ’il quddiem, il-Kunsill Governattiv se jżomm ix-xiri ta’ assi netti b’ritmu fix-xahar ta’ €20 biljun sakemm ikun meħtieġ biex isaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu, u jistenna li jtemm dan ix-xiri ftit qabel ma jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu wkoll li jkompli l-investimenti mill-ġdid għal perjodu estiż ta’ żmien lil hinn mid-data meta il-Kunsill Governattiv jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u grad abbundanti ta’ akkomodament monetarju.
Barra minn hekk, fl-2021 l-Eurosistema kompliet ix-xiri ta’ assi netti tagħha taħt il-PEPP[34] b’pakkett totali ta’ €1,850 biljun[35]. Ix-xiri sar b’mod flessibbli bbażat fuq il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament u l-prospetti tal-inflazzjoni. F’Diċembru 2021, il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jwaqqaf ix-xiri ta’ assi nett taħt il-PEPP fl-aħħar ta’ Marzu 2022, iżda dan seta’ jissokta, jekk meħtieġ, biex jiġu miġġielda x-xokkijiet negattivi relatati mal-pandemija tal-koronavirus (COVID-19). Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv estenda l-orizzont ta’ investiment mill-ġdid għall-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas tmiem l-2024. L-investimenti mill-ġdid tal-PEPP jistgħu jiġu aġġustati b’mod flessibbli matul iż-żmien, il-klassijiet tal-assi u l-ġurisdizzjonijiet u fi kwalunkwe ħin. It-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.
It-titoli akkwistati f’dawn il-programmi jiġu valutati fuq bażi ta’ kost amortizzat suġġett għal indeboliment (ara “Titoli” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).
Il-kost amortizzat tat-titoli miżmumin mill-BĊE kif ukoll il-valur tas-suq tagħhom[36] (li ma jidħolx fil-Karta tal-Bilanċ jew fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u jingħata biss għall-finijiet ta’ tqabbil) huma kif ġej:
Il-valur tal-kost amortizzat tat-titoli miżmuma mill-BĊE nbidel matul is-sena kif ġej:
Il-Kunsill Governattiv jevalwa regolarment ir-riskji finanzjarji assoċjati mat-titoli miżmumin f’dawn il-programmi.
F’dan il-kuntest, it-testijiet tal-indeboliment isiru kull sena bl-użu ta’ dejta ta’ tmiem is-sena, u jiġu approvati mill-Kunsill Governattiv. F’dawn it-testijiet, l-indikaturi tal-indeboliment jiġu evalwati separatament għal kull programm. Fil-każijiet fejn l-indikaturi tal-indeboliment huma osservati, issir analiżi oħra biex tikkonferma li l-flussi tal-likwidità tat-titoli ta’ bażi ma ġewx affettwati minn avveniment ta’ indeboliment. Skont ir-riżultati tat-testijiet tal-indeboliment ta’ din is-sena, ma ġie reġistrat ebda telf mill-BĊE fuq it-titoli miżmumin fil-portafolli tiegħu tal-politika monetarja fl-2021.
Il-valur tal-kost amortizzat tat-titoli miżmuma mill-Eurosistema huwa kif ġej:
Nota 6 - Obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema
Nota 6.1 - Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema
Din il-partita tikkonsisti fil-klejms tal-BĊE vis-à-vis il-BĊN taż-żona tal-euro relatati mal-allokazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”) u sal-31 ta’ Diċembru 2021 ammonta għal €123,551 miljun (2020: €114,761 miljun). Ir-remunerazzjoni ta’ dawn il-klejms tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament[37] (ara n-nota 22.2 “Dħul mill-imgħax tal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema”).
Noti 7 - Assi oħrajn
Nota 7.1 - Assi fissi tanġibbli u intanġibbli
Dawn l-assi jikkonsistu fl-oġġetti li ġejjin:
Fir-rigward tal-bini prinċipali tal-BĊE u uffiċini tad-dritt tal-użu, fl-aħħar tas-sena sar test tal-indeboliment u ma ġie reġistrat ebda telf minħabba indeboliment.
Noti 7.2 - Assi finanzjarji oħrajn
Din il-partita tikkonsisti prinċipalment mill-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE li qiegħed fil-biċċa l-kbira jikkonsisti f’investimenti tar-riżorsi finanzjarji tal-BĊE, jiġifieri l-kapital imħallas u l-ammonti miżmuma fir-riżervi u l-provvediment għal riskji finanzjarji. Tinkludi wkoll 3,211-il sehem fil-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) bil-prezz tal-akkwist ta’ €42 miljun u kontijiet kurrenti oħra denominati f’euro.
Il-komponenti ta’ din il-partita jidhru hawn taħt:
Iż-żieda netta f’din il-partita fl-2021 kienet primarjament dovuta għall-investiment fil-portafoll ta’ fondi proprji tal-BĊE ta’ (i) l-ammonti mħallsa mill-BĊN taż-żona tal-euro fl-2021 fir-rigward tal-ewwel pagament tas-sottoskrizzjonijiet miżjuda tagħhom fil-kapital tal-BĊE (ara nota 16 “Kapital u riżervi”); (ii) id-dħul mill-imgħax iġġenerat fuq dan il-portafoll fl-2021; u (iii) il-kontroparti tal-ammont trasferit għall-provvediment tal-BĊE għal riskji finanzjarji fl-2020. Iż-żieda fin il-partita ġiet parzjalment ikkumpensata, l-aktar bit-tnaqqis fil-valur tas-suq tat-titoli miżmuma fil-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE.
Nota 7.3 - Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ
Din il-partita tikkonsisti f’tibdil fil-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020 (ara n-nota 20 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”). Dan it-tibdil ta’ valutazzjoni ammonta għal €620 miljun (2020: €619 miljun) u huma r-riżultat tal-konverżjoni ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti tagħhom f’euro bir-rati tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ, imqabblin mal-valuri f’euro li jirriżultaw mill-konverżjoni tat-tranżazzjonijiet bil-prezz medju tal-munita barranija rispettiva f’dik id-data (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” u “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3, “Politika tal-kontabilità”).
Nota 7.4 - Dovuti u spejjeż imħallsin bil-quddiem
Fil-31 ta’ Diċembru 2021 din il-partita kienet tammonta għal €4,055 miljun (2020: €3,390 miljun). Din kienet tinkludi prinċipalment imgħax tal-kupun akkumulat fuq titoli, inkluż imgħax pendenti mħallas mal-akkwist, li jammonta għal €3,332 miljun (2020: €2,757 miljun) (ara n-nota 2.2 “Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra”; u “Klejms ma’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, in-nota 5 “Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati fl-euro” u n-nota 7.2 “Assi finanzjarji oħra”).
Din il-partita kienet tinkludi wkoll ammont ta’ €577 miljun li jikkorrispondi mat-tariffi superviżorji li għandhom jaslu għall-perjodu tariffarju 2021 (ara n-nota 25 “Dħul/nfiq nett minn tariffi u kummissjonijiet”).[38] Dan l-ammont se jinġabar fl-2022.
Din il-partita tinkludi (i) dħul dovut minn proġetti komuni tal-Eurosistema (ara n-nota 27, “Dħul ieħor”); (ii) ħlasijiet varji bil-quddiem; u (iii) dħul dovut mill-imgħax fuq assi finanzjarji u obbligazzjonijiet oħra.
Nota 7.5 - Varji
Fil-31 ta’ Diċembru 2021 din il-partita kienet tammonta għal €749 miljun (2020: €1,970 miljun) u prinċipalment kienet tinkludi bilanċi b’valur ta’ €573 miljun (2020: €692 miljun) relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ swap u forward f’munita barranija pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2021 (ara n-nota 20 “Swap tal-kambju u tranżazzjonijiet forward”). Dawn il-bilanċi ħarġu mit-tisrif ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti f’euro bil-prezz medju tal-munita rispettiva fid-data tal-karta tal-bilanċ, imqabbel mal-valuri f’euro li bihom it-tranżazzjonijiet daħlu fil-kontijiet għall-ewwel darba (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).
Kien jinkludi wkoll l-ammont dovut tad-distribuzzjoni provviżorja tal-profitt tal-BĊE ta’ €150 miljun (2020: €1,260 miljun) (ara “Distribuzzjoni provviżorja tal-profitt” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità” u n-nota 12.2 “Obbligazzjonijiet oħra fi ħdan l-Eurosistema (nett)”).
Nota 8 – Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni
Din il-partita tikkonsisti mis-sehem tal-BĊE (8%) mit-total ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”) u fil-31 ta’ Diċembru 2021 kienet tammonta għal €123,551 miljun (2018: €114,761 miljun).
Nota – 9 Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro
Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom il-possibbiltà li jaċċettaw flus kontanti bħala kollateral fil-faċilitajiet tagħhom ta’ self ta’ titoli fil-PSPP, bla ma jkollhom jinvestuhom mill-ġdid. Fil-każ tal-BĊE, dawn l-operazzjonijiet isiru permezz ta’ istituzzjoni speċjalizzata. l-istess kundizzjonijiet japplikaw għall-azjendi tas-settur pubbliku PEPP.
Fil-31 ta’ Diċembru 2021 il-valur pendenti ta’ tranżazzjonijiet ta’ self bħal dawn li saru ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro kien ta’ €9,473 miljun (2020: €2,559 miljun). Il-flus kontanti aċċettati bħala kollateral ġew trasferiti f’kontijiet tat-TARGET2. Billi l-flus kontanti baqgħu ma ġewx investiti sa tmiem is-sena, dawn it-tranżazzjonijiet daħlu fil-Karta tal-Bilanċ (ara “Tranżazzjonijiet riversjati” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).[39]
Nota 10 – Obbligazzjonijiet ma’ residenti oħra taż-żona tal-euro denominati f’euro
Nota 10.1 - Amministrazzjoni pubblika
Fil-31 ta’ Diċembru 2021, din il-partita ammontat għal €3,200 miljun (2020: €10,012 miljun) u inkludiet depożiti tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES). Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-SEBC, il-BĊE jista’ jaġixxi bħala aġent fiskali għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali jew awtoritajiet pubbliċi oħra, korpi oħra regolati bil-liġi pubblika, jew intrapriżi pubbliċi ta’ Stati Membri.
Nota 10.2 – Obbligazzjonijiet oħrajn
Din il-partita tikkonsisti f’bilanċi ta’ klijenti taż-żona tal-euro TARGET2 u sal-31 ta’ Diċembru 2021 kienet tammonta għal €4,404 miljuni (2020: €3,688 miljun).
Nota 11 – Obbligazzjonijiet ma’ residenti mhux taż-żona tal-euro denominati f’euro
Fil-31 ta’ Diċembru 2021, din il-partita ammontat għal €112,492 miljun (2020: €11,567 miljun). L-akbar komponent kien ammont ta’ €71,875 miljun (2020: €4,685 miljun) li jikkonsisti f’bilanċi tat-TARGET2 ta’ BĊN mhux fiż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE (ara “Bilanċi intra-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema” fit-Taqsima 2.3. “Politiki tal-kontabilità”) u tal-klijenti TARGET2 tal-BĊE li mhumiex fiż-żona tal-euro. Iż-żieda f’dawn il-bilanċi fl-2021 tikkorrispondi mal-bilanċi ogħla tal-klijenti TARGET2 tal-BĊE li mhumiex fiż-żona tal-euro.
Din kienet tinkludi wkoll ammont ta’ €21,750 miljun (2020: €3,425 miljun) minn tranżazzjonijiet pendenti ta’ self ta’ titoli fil-PSPP li saru ma’ residenti barra ż-żona tal-euro, fejn daħlu flus kontanti bħala kollateral u ġew trasferiti għall-kontijiet tat-TARGET2 (ara n-nota 9, “Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro”).
Din il-partita kienet tinkludi wkoll ammont ta’ €18,033 miljun relatat mal-amministrazzjoni tal-attivitajiet ta’ self u għoti ta’ self tal-UE, fejn il-BĊE jaġixxi bħala aġent fiskali għall-Kummissjoni Ewropea (ara n-nota 21 “Amministrazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ self u għoti ta’ self”). Ma kienx fadal bilanċi pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020.
Il-bqija ta’ din il-partita tikkonsisti minn ammont ta’ €834 biljun (2020: €3,457 biljun) li jirriżulta mal-arranġament temporanju u reċiproku dwar il-munita mal-Federal Reserve. B’din id-dispożizzjoni, il-Federal Reserve Bank of New York jipprovdi dollari Amerikani lill-BĊE permezz ta’ tranżazzjonijiet swap biex jiġi provdut finanzjament f’dollari Amerikani għal żmien qasir lil kontropartijiet tal-Eurosistema. Il-BĊE jagħmel tranżazzjonijiet swap back-to-back simultanji mal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro li jużaw dawn il-fondi biex imexxu operazzjonijiet għall-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani ma’ kontropartijiet fl-Eurosistema bħala tranżazzjonijiet riversjati. It-tranżazzjonijiet swap back-to-back jirriżultaw f’bilanċi fi ħdan l-Eurosistema bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali. Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet swap li jsiru mal-Federal Reserve Bank of New York u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro joħolqu klejms u obbligazzjonijiet forward li jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara n-nota 20 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”).
Nota 12 – Obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema
Nota 12.1 – Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin
Dawn jirrappreżentaw l-obbligazzjonijiet ma’ BĊN taż-żona tal-euro li oriġinaw mit-trasferiment ta’ assi f’riżervi barranin lill-BĊE meta ssieħbu fl-Eurosistema. Bis-saħħa tal-Artikolu 30.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, dawn il-kontribuzzjonijiet huma ffissati fi proporzjon tal-ishma tal-BĊN fil-kapital sottoskritt tal-BĊE. Ma kienx hemm bidliet fl-2021.
Ir-remunerazzjoni ta’ dawn l-obbligazzjonijiet tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, aġġustata biex ma tirrifletti ebda qligħ mill-komponent tad-deheb (ara n-nota 22.3 “Remunerazzjoni ta’ klejms ta’ banek ċentrali nazzjonali fir-rigward ta’ riżervi barranin trasferiti”).
Nota 12.2 – Obbligazzjonijiet oħra fl-Eurosistema (netti)
Fl-2021 din il-partita kienet tikkonsisti fil-bilanċi TARGET2 tal-BĊN taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE u l-ammont dovut lill-BĊN taż-żona tal-euro fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-qligħ interim tal-BĊE (ara “Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema” u “Distribuzzjoni interim tal-qligħ”, rispettivament, fit-Taqsima 2.3 "Politiki tal-Kontabilità").
It-tnaqqis fl-obbligazzjoni netta tat-TARGET2 kien attribwibbli prinċipalment għal (i) l-influssi ta’ flus kontanti bħala riżultat tal-bilanċi ogħla ta’ klijenti tat-TARGET2 tal-BĊE li mhumiex fiż-żona tal-euro (ara n-nota 11 “Obbligazzjonijiet lejn residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”); (ii) iż-żieda fil-flus kontanti irċevuti bħala kollateral kontra s-self ta’ titoli tal-PSPP u tas-settur pubbliku PEPP (ara n-nota 9 “Obbligazzjonijiet oħra lejn istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro” u n-nota 11 “Obbligazzjonijiet lejn residenti mhux taż-żona tal-euro denominati f’euro”); u (iii) l-influssi ta’ flus bħala riżultat tad-depożiti ogħla ta’ residenti barra ż-żona tal-euro aċċettati mill-BĊE fir-rwol tiegħu bħala aġent fiskali (ara n-nota 11 “Obbligazzjonijiet lejn residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”). L-impatt ta’ dawn il-fatturi kien ikkumpensat fil-biċċa l-kbira mix-xiri nett ta’ titoli taħt il-PEPP u l-APP, li ġew saldati permezz ta’ kontijiet TARGET2 (ara n-nota 5 “Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’euro”).
Ir-remunerazzjoni tal-pożizzjonijiet tat-TARGET2, ħlief il-bilanċi mit-tranżazzjonijiet swap back-to-back fir-rigward tal-operazzjonijiet għall-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani, tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament.
Noti 13 - Assi oħrajn
Nota 13.1 - Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ
Din il-partita tikkonsisti primarjament minn bidliet fil-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2021 (ara n-nota 20 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju barrani”). Dan it-tibdil ta’ valutazzjoni ammonta għal €568 miljun (2020: €636 miljun) u huma r-riżultat tal-konverżjoni ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti tagħhom f’euro bir-rati tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ, imqabblin mal-valuri f’euro li jirriżultaw mill-konverżjoni tat-tranżazzjonijiet bil-prezz medju tal-munita barranija rispettiva f’dik id-data (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” u “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3, “Politika tal-kontabilità”).
Telf ta’ valutazzjoni fuq tranżazzjonijiet forward pendenti f’titoli huwa inkluż ukoll f’din il-partita (ara n-nota 19 “Tranżazzjonijiet forward f’titoli”).
Nota 13.2 - Dovuti u dħul miġbur bil-quddiem
Din il-partita kienet tinkludi l-komponenti li ġejjin:
Nota 13.3 - Varji
Fil-31 ta’ Diċembru 2021 din il-partita kienet tammonta għal €2,277 miljun (2020: €2,419 miljun). Kienet tinkludi bilanċi li jammontaw għal €507 million) relatati ma’ tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2021 (ara n-nota 20, “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”). Dawn il-bilanċi ħarġu mit-tisrif ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti f’euro bil-prezz medju tal-munita rispettiva fid-data tal-karta tal-bilanċ, imqabbel mal-valuri f’euro li bihom it-tranżazzjonijiet daħlu fil-kontijiet għall-ewwel darba (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).
Il-partita tinkludi wkoll obbligazzjoni ta’ kera ta’ €175 miljun (2020: €199 miljun) (ara “Kiri” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).
Barra minn hekk, din il-partita tinkludi l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul tal-persunal tiegħu[40] u tal-membri tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE. Il-benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal tal-BĊE huma inklużi wkoll.
Il-benefiċċji tal-BĊE ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni
Karta tal-Bilanċ
L-ammonti rikonoxxuti fil-Karta tal-Bilanċ taħt il-partita “Varji” (obbligazzjonijiet) fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal kienu kif ġej:
Fl-2021 il-valur preżenti tal-obbligu ta’ benefiċċju definit vis-à-vis l-istaff ta’ €3,165 miljun (2020: €3,034 miljun) kien jinkludi benefiċċji mhux iffinanzjati li jammontaw għal €373 miljun (2020: €364 miljun) relatati ma’ benefiċċji ta’ wara l-impjieg minbarra benefiċċji ta’ wara l-impjieg għajr pensjonijiet, għal benefiċċji oħra fit-tul u għal benefiċċji għat-terminazzjoni tal-persunal. Il-valur preżenti tal-obbligu tal-benefiċċju definit vis-à-vis il-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju ta’ €43 miljun (2020: €44 miljun) jirrigwarda biss arranġamenti mhux iffinanzjati fis-seħħ għal wara l-impjieg u benefiċċji oħrajn fit-tul.
Il-kalkolu mill-ġdid tal-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg huma rikonoxxuti fil-Karta ta’ Bilanċ taħt il-partita “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”. Fl-2021 telf ta’ kejl mill-ġdid taħt dik il-partita tal-obbligazzjonijiet ammonta għal €799 miljun (2020: €1,067 miljun) (ara n-nota 15 “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”).
Tibdil fl-obbligu tal-benefiċċji definiti, assi tal-iskema u riżultati tal-kalkoli ġodda
It-tibdil fil-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti jidher hawn taħt:
Il-qligħ totali mill-kalkolu mill-ġdid ta’ €76 miljun fuq l-obbligu tal-benefiċċju definit fl-2021 seħħ primarjament bħala riżultat taż-żieda fir-rata ta’ skont użata għall-valutazzjoni minn 1.1% fl-2020 għal 1.3% fl-2021. Il-qligħ li rriżulta kien parzjalment ikkumpensat minn telf ta’ kalkolu mill-ġdid li ġej minn aġġustamenti fl-esperjenza li jirriflettu d-differenza bejn is-suppożizzjonijiet attwarji magħmula fir-rapport tas-sena ta’ qabel u l-esperjenza attwali.
It-tibdil fil-valur ġust tal-assi tal-iskema fl-istruttura tal-benefiċċji definiti fir-rigward tal-persunal jidher hawn taħt:
Il-qligħ bil-kalkolu mill-ġdid fuq l-assi tal-iskema fl-2021 kien jirrifletti l-fatt li r-redditu attwali mill-unitajiet tal-fondi kien ogħla mid-dħul mill-imgħax assunt fuq l-assi tal-iskema, li kien ibbażat fuq l-assunzjoni ta’ rata ta’ skont ta’ 1.1%
It-tibdil fir-riżultati tal-kalkolu mill-ġdid kien kif ġej:
Kont tal-Profitt u t-Telf
L-ammonti li jidhru fil-Kont tal-Profitt u t-Telf fl-2019 huma dawn:
L-ispiża attwali tas-servizz żdiedet fl-2021 għal €169 miljun (2020: €142 miljun), prinċipalment minħabba ż-żieda fir-rata ta’ żieda fil-pensjoni fil-futur minn 1.0% fl-2019 għal 1.7% fl-2020. Barra minn hekk, ir-rata ta’ skont kompliet tonqos minn 1.2% fl-2019 għal 1.1% fl-2020.[41]
Assunzjonijiet ewlenin
Fit-tħejjija tal-valutazzjonijiet imsemmijin f’din in-nota, l-attwarji użaw ipoteżijiet li ġew aċċettati mill-Bord Eżekuttiv għall-għanijiet tal-kontabilità u l-pubblikazzjoni. Il-konġetturi ewlenin użati għal skopijiet ta’ kalkolu tal-obbligu tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul kienu kif ġej:
Nota 14 - Dispożizzjonijiet
Din il-partita tikkonsisti l-aktar f’provvediment għar-riskji finanzjarji li se jintuża safejn jitqies meħtieġ mill-Kunsill Governattiv biex ipatti għal telf realizzat u mhux realizzat fil-ġejjieni. Id-daqs u r-rekwiżit kontinwu ta’ dan il-provvediment jiġu eżaminati kull sena, skont l-evalwazzjoni tal-BĊE tal-iskopertura tiegħu għal dawn ir-riskji filwaqt li titqies firxa ta’ fatturi. Id-daqs tiegħu, flimkien ma’ kull ammont miżmum fil-fond ġenerali tar-riżervi, m’għandux jaqbeż il-valur tal-kapital tal-BĊE mħallas mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro.
Meta jitqiesu r-riżultati tal-istima tal-iskoperturi tal-BĊE għal riskji finanzjarji u l-limitu massimu permess tal-provvediment tal-BĊE għal riskji finanzjarji, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jittrasferixxi, fil-31 ta’ Diċembru 2021, ammont ta’ €610 miljuni għal din id-dispożizzjoni. Dan it-trasferiment naqqas il-qligħ nett tal-BĊE għall-2021 għal €192 miljun u żied id-daqs tal-provvediment għal €8,194 miljun, li jikkorrispondi għall-valur tal-kapital tal-BĊE mħallas mill-BĊN taż-żona tal-euro f’dik id-data.
Din il-partita kienet tinkludi wkoll provvedimenti amministrattivi li jammontaw għal €74 miljun (2020: €57 miljun).
Nota 15 - Kontijiet ta’ rivalutazzjoni
Din il-partita tikkonsisti f’bilanċi ta’ rivalutazzjoni mill-qligħ mhux realizzat fuq assi, obbligazzjonijiet u strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara “Rikonoxximent tad-dħul”, “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija”, “Titoli” u “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 "Politiki tal-kontabilità). Il-partita tinkludi wkoll il-kalkoli l-ġodda tal-obbligu nett tal-benefiċċji definiti tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg (ara “Il-benefiċċji ta’ wara l-impjieg tal-BĊE, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni” ffit-Taqsima 2.3 “Politiki tal-kontabilità” u n-nota 13.3 “Varji”).
Iż-żieda fid-daqs tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni hija prinċipalment dovuta għall-apprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro u ż-żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta’ euro fl-2021.
Ir-rati tal-kambju użati għar-rivalutazzjoni tal-aħħar tas-sena jidhru hawn taħt:
Nota 16 - Kapital u riżervi
Nota 16.1 - Kapital
Il-kapital sottoskritt tal-BĊE hu ta’ €10,825 miljun.
Wara l-irtirar tal-Bank of England mis-SEBĊ fil-31 ta’ Jannar 2020, il-BĊE żamm il-kapital sottoskritt tiegħu mhux mibdul u s-sehem tal-Bank of England fil-kapital sottoskritt tal-BĊE ġie riallokat kemm fost il-BĊN taż-żona tal-euro kif ukoll tal-BĊN li kien fadal barra fiż-żona tal-euro.
Il-kapital imħallas tal-BĊE se jibqa’ wkoll mingħajr tibdil bi €7,659 miljun fl-2020, billi l-BĊN l-oħra koprew il-kapital li kien tħallas tal-Bank of England ta’ €58 miljun. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-BĊN taż-żona tal-euro jħallsu bis-sħiħ is-sottoskrizzjonijiet miżjuda tagħhom f’żewġ pagamenti annwali fl-2021 u fl-2022, kull wieħed jammonta għal €610 miljuni.
Minħabba l-ħlas tal-ewwel pagament mill-BĊN taż-żona tal-euro fid-29 ta’ Diċembru 2021, il-kapital imħallas totali tal-BĊE żdied għal €8,270 miljun, kif muri fit-tabella hawn taħt:
Il-banek ċentrali nazzjonali barra ż-żona tal-euro huma mitlubin iħallsu 3.75% tal-kapital sottoskritt tagħhom bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż operattivi tal-BĊE. Mill-1 ta’ Frar 2020 din il-kontribuzzjoni kienet tammonta għal total ta’ €76 miljun. Il-BĊN barra ż-żona tal-euro mhuma intitolati jirċievu ebda sehem mill-qligħ li jista’ jitqassam mill-BĊE, u lanqas mhuma responsabbli biex ikopru kwalunkwe telf li jġarrab il-BĊE.
2.5 Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ
Nota 17 - Programmi ta’ self ta’ titoli
Bħala parti mill-ġestjoni tal-fondi proprji tal-BĊE, il-BĊE għandu ftehim dwar programm ta’ self ta’ titoli li bih istituzzjoni speċjalizzata tagħmel tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli f’isem il-BĊE.
Barra minn hekk, skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv, il-BĊE għamel disponibbli għas-self l-investimenti tiegħu f’titoli akkwistati fl-ewwel, it-tieni u t-tielet is-CBPPs, il-PSPP u l-PEPP, kif ukoll l-investimenti tiegħu f’titoli akkwistati sl-SMP li huma eliġibbli wkoll għall-akkwist fil-PSPP.[42]
Jekk dawn l-operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli ma jsirux kontra kollateral fi flus kontanti li jibqa’ mhux investit fl-aħħar tas-sena, jiġu reġistrati fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ.[43] Tali operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli b’valur ta’ €16,156 miljun (2020: €17,214 miljun) kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2021. Minn dan l-ammont, €11,821 miljun (2020: €12,615 miljun) kienu relatati mas-self ta’ titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja.
Nota 18 - Futures tar-rati tal-imgħax
It-tranżazzjonijiet li ġejjin, ippreżentati bir-rati tal-kambju tal-aħħar tas-sena, kienu pendenti:
Dawn it-tranżazzjonijiet saru fl-ambitu tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE.
Nota 19 - Tranżazzjonijiet forward f’titoli
Xiri forward ta’ titoli bl-ammont ta’ €382 miljun baqa’ pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2021. Dawn it-tranżazzjonijiet saru fl-ambitu tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE. Ma kienx hemm pendenti tranżazzjonijiet bħal dawn sal-aħħar tas-sena 2020.
Nota 20 - Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju
Ġestjoni ta’ riżervi barranin
Saru tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju fl-2021 fl-ambitu tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE. Il-klejms u l-obbligazzjonijiet pendenti li jirriżultaw minn dawn it-tranżazzjonijiet, ippreżentati bir-rati tal-kambju tal-aħħar tas-sena, kienu dawn li ġejjin:
Arranġamenti ta’ swap li jipprovdu likwidità
Il-BĊE għandu fis-seħħ arranġamenti reċiproċi ta’ swap mal-Bank of Canada, il-Bank of England, il-Bank of Japan, il-Federal Reserve System, is-Swiss National Bank u l-People’s Bank of China. Dawn l-arranġamenti ta’ swap jippermettu l-provvista ta’ (i) likwidità fi kwalunkwe mill-muniti rispettivi tal-banek ċentrali msemmija hawn fuq lill-banek taż-żona tal-euro jew (ii) likwidità tal-euro lil istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjonijiet tal-banek ċentrali msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, ftehimiet ta’ swap huma wkoll fis-seħħ mal-Bank Nazzjonali Bulgaru, Hrvatska narodna banka, Danmarks Nationalbank u Sveriges Riksbank għall-provvista ta’ likwidità tal-euro lil istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom. L-arranġamenti ta’ hawn fuq għandhom l-għan li jindirizzaw il-ħtiġijiet possibbli ta’ likwidità biex jiġu miġġielda d-disfunzjonijiet potenzjali tas-suq.
Klejms u obbligazzjonijiet f’dollari Amerikani b’data ta’ maturità fl-2022 saru fir-rigward tal-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani lil kontropartijiet tal-Eurosistema (ara n-nota 11 “Obbligazzjonijiet ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”).
Nota 21 - Amministrazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ self
Fl-2021 il-BĊE kompla jkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self tal-UE taħt il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja għal żmien medju u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja, għall-ftehim ta ‘faċilità ta’ self għall-Greċja, u għall-amministrazzjoni ta’ ħlasijiet relatati ma’ żewġ selfiet tal-EFSF.
Bi tweġiba għall-pandemija COVID-19, fl-2021 l-UE kompliet tagħti self lill-Istati Membri taħt l-istrument il-ġdid tagħha għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE). Barra minn hekk, fl-2021 l-UE stabbilixxiet il-programm Next Generation EU (NGEU) biex jappoġġja l-irkupru ekonomiku fl-UE, filwaqt li jiffaċilita t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija tal-Unjoni. Il-programm NGEU jipprovdi finanzjament fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u appoġġ għal self lill-Istati Membri. Il-BĊE appoġġa lill-Kummissjoni Ewropea fl-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet relatati maż-żewġ strumenti msemmija hawn fuq.
Fl-2021 il-BĊE ipproċessa pagamenti relatati mal-operazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq.
2.6 Noti fuq il-Kont tal-Profitt u t-Telf
Nota 22 - Dħul nett mill-imgħax
Nota 22.1 - Dħul mill-imgħax fuq assi f’riżervi barranin:
Din il-partita tinkludi d-dħul mill-imgħax, bl-ispiża tal-imgħax imnaqqsa, fir-rigward tal-assi netti f’riżervi barranin tal-BĊE.
Id-dħul/l-ispiża netti mill-imgħax għal kull tip ta’ strument jidhru hawn taħt:
Id-dħul/l-ispiża netta mill-imgħax għal kull munita barranija hija kif ġej:
Nota 22.2 - Dħul mill-imgħax fuq l-allokazzjoni ta’ karti tal-euro ġewwa l-Eurosistema
Din il-partita tikkonsisti fid-dħul mill-imgħax relatat mas-sehem ta’ 8% tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-euro (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità” u n-nota 6.1 “Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema”). Għall-2021 dan id-dħul mill-imgħax kien żero, minħabba l-fatt li r-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament baqgħet 0% matul is-sena kollha.
Nota 22.3 - Remunerazzjoni ta’ klejms ta’ banek ċentrali nazzjonali fir-rigward ta’ riżervi barranin trasferiti
Ir-remunerazzjoni mħallsa lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fuq il-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi f’rizervi barranin trasferiti lill-BĊE (ara n-nota 12.1 “Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin”) tidher f’din l-intestatura. Fl-2021 ir-remunerazzjonidan kienet żero, minħabba l-fatt li r-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament baqgħat 0% matul is-sena kollha.
Nota 22.4 - Dħul ieħor mill-imgħax; u spejjeż oħra tal-imgħax
Dħul ieħor mill-imgħax u spiża oħra tal-imgħax kienu kif ġej:
Nota 23 - Qligħ/telf realizzat minn operazzjonijiet finanzjarji
Il-qligħ/telf nett realizzat li jirriżulta minn operazzjonijiet finanzjarji kien kif ġej:
Il-qligħ/telf nett realizzat minn prezzijiet jinkludi l-qligħ u t-telf realizzat mit-titoli, mill-futures tar-rati tal-imgħax u mis-swaps tar-rati tal-imgħax. It-telf nett realizzat fil-prezz fl-2021 kien immexxi l-aktar minn telf fil-prezz realizzat f’titoli denominati euro u futures tar-rati tal-imgħax denominati f’dollari Amerikani. Fl-2020 ġie realizzat qligħ għoli fil-prezz fil-portafoll tad-dollaru Amerikan wara t-tnaqqis fir-rendiment tat-titoli tad-dollaru Amerikan.
Nota 24 - Tnaqqis tal-valur ta’ assi u pożizzjonijiet finanzjarji
It-tnaqqis tal-valur ta’ assi u pożizzjonijiet finanzjarji jidher hawn taħt:
Il-valur tas-suq ta’ numru ta’ titoli miżmuma f’portafolli ta’ dollaru Amerikan u ta’ fondi proprji naqas, flimkien ma’ żieda fir-rendimenti korrispondenti fl-2021. Dan wassal għal telf mhux realizzat tal-prezz tat-titoli fl-aħħar tas-sena.
Nota 25 - Dħul nett/spiża netta minn tariffi u kummissjonijiet
Fl-2021 id-dħul f’din l-intestatura kien jikkonsisti primarjament f’tariffi superviżorji. l-ispejjeż irriżultaw l-aktar mit-tariffi tal-kustodja.
Dħul u spejjeż relatati mal-kompiti superviżorji
Il-BĊE jimponi tariffi annwali fuq entitajiet taħt superviżjoni biex jirkupra l-ispiża mġarrba fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu. It-tariffi huma bbażati fuq l-ispejjeż annwali reali għall-kompiti superviżorji mġarrba fil-perjodu rispettiv tat-tariffi aġġustati għall-ammonti rimborsati lil/irċevuti minn banek individwali għal perjodi ta’ tariffi preċedenti u aġġustamenti oħra, inkluż l-imgħax li wasal fuq ħlasijiet tard.[44]
Abbażi tal-ispiża attwali tal-BĊE għat-twettiq tal-kompiti ta’ superviżjoni bankarji tiegħu, id-dħul mit-tariffi superviżorji għall-2021 kien ta’ €578 miljun. Wara aġġustament għall-imgħax riċevut fuq ħlasijiet tard, it-tariffi superviżorji annwali li għandhom jiġu imposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni għall-perjodu tat-tariffa 2021 jammontaw għal €577 miljun[45] (ara n-nota 7.4 “Dovuti u spejjeż imħallsa minn qabel”). It-tariffi superviżorji individwali se jiġu ffaturati fit-tieni trimestru tal-2022.[46]
Il-BĊE hu intitolat ukoll li jimponi penali amministrattivi fuq entitajiet taħt superviżjoni għal nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti bankarji tal-UE dwar rekwiżiti prudenzjali (inklużi d-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE). Id-dħul relatat ma jitqiesx fil-kalkolu tat-tariffi superviżorju annwali. Minflok, dan jiġi reġistrat bħala dħul fil-kont tal-profitt u t-Telf tal-BĊE u jitqassam lill-BĊN taż-żona tal-euro bħala parti mir-reġim tal-BĊE għat-tqassim tal-qligħ. Fl-2021 id-dħul li jirriżulta minn penali fuq entitjiet taħt superviżjoni ammontaw għal €1 miljun.
B’hekk, id-dħul tal-BĊE għal kompiti superviżorji fl-2020 kien kif ġej:
L-ispejjeż relatati mas-superviżjoni bankarja jirriżultaw mis-superviżjoni diretta ta’ entitajiet sinifikanti, is-sorveljanza tas-superviżjoni ta’ entitajiet anqas sinifikanti u t-twettiq ta’ kompiti orizzontali u servizzi speċjalizzati. Dawn jikkonsistu fl-ispejjeż diretti tal-funzjoni superviżorja tal-BĊE u l-ispejjeż rilevanti li jirriżultaw minn oqsma ta’ appoġġ meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-responsabbiltajiet superviżorji tal-BĊE, li jirriflettu s-servizzi tagħhom fir-rigward ta’ bini u faċilitajiet; riżorsi umani; teknoloġija ta’ l-informatika (IT); legali, verifika u amministrazzjoni; komunikazzjoni u traduzzjoni; kif ukoll attivitajiet oħra.
L-ispejjeż totali attwali relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE, li jiġu rkuprati permezz tat-tariffi superviżorji annwali ammontaw għal €578 miljun (2020: €535 miljun). Iż-żieda ġenerali kienet immexxija mill-iżviluppi kontinwi tas-sistemi tal-IT iddedikati għas-superviżjoni bankarja u spejjeż ogħla tal-persunal.
Il-BĊE jirrifondi wkoll lill-entitajiet taħt superviżjoni fil-każ li l-qorti tannulla l-penali amministrattivi imposti fuqhom f’xi żmien qabel. Fl-2021, ir-rimborsi relatati ammontaw għal €5 miljun (ara n-nota 31 “Spejjeż oħra”). Dawn l-ispejjeż mhumiex ikkunsidrati fil-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali, iżda huma rreġistrati fil-Kont tal-Profitt u t-Telf tal-BĊE u tnaqqas ir-riżultat nett tiegħu.
Nota 26 - Dħul mill-ishma u l-parteċipazzjoni azzjonarja
Id-dividendi li daħlu mill-ishma li l-BĊE għandu fil-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) (ara n-nota 7.2 “Assi finanzjarji oħra”) jidhru f’din l-intestatura. Fl-2021 dan l-ammont kien jinkludi dividend supplimentari approvat mil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-BIS biex jikkumpensa għaż-żamma ta’ dividend għall-perjodu 2019/2020.[47]
Nota 27 - Dħul ieħor
Dħul mixxellanju ieħor matul l-2021 ħareġ prinċipalment minn (i) kontribuzzjonijiet tal-BĊN taż-żona tal-euro għall-ispejjeż imġarrba mill-BĊE b’rabta ma’ proġetti konġunti tal-Eurosistema; u (ii) ħlasijiet ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ xogħlijiet ta’ rimedju fl-infrastruttura tal-bini prinċipali (ara n-nota 29 “Spejjeż amministrattivi”).
Nota 28 - Spejjeż tal-persunal
L-ispejjeż tal-persunal kienu kif ġej:
L-għadd medju ta’ impjegati, espress bħala ekwivalenti full-time (FTEs)[48], ammonta għal 4,038 (2020: 3,923), li minnhom 362 kien persunal maniġerjali (2020: 356).
L-ispejjeż tal-persunal żdiedu fl-2021 prinċipalment minħabba spejjeż ogħla fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg, li rriżultaw prinċipalment minn rata ogħla ta’ żieda fil-pensjoni fil-futur u rata ta’ skont aktar baxxa użata fil-valutazzjoni attwarjali biex tiġi derivata l-ispiża tas-servizz kurrenti għall-2021[49] (ara n-nota 13.3 “Varji”). In-numru medju ogħla ta’ persunal impjegat mill-BĊE kkontribwixxa wkoll għal dik iż-żieda.
Remunerazzjoni għall-Bordijiet Eżekuttiv u Superviżorju
Membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE jirċievu salarju bażiku u benefiċċji għar-residenza. Fil-każ tal-President, minflok il-benefiċċju għar-residenza tiġi provduta residenza. Membri tal-Bord Eżekuttiv u l-President tal-Bord Superviżorju jirċievu wkoll allowance ta’ rappreżentanza. Bla ħsara għall-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-membri taż-żewġ bordijiet huma intitolati għal benefiċċji tal-familja, tat-tfal u tal-edukazzjoni u oħrajn, skont iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom. Is-salarji huma suġġetti għat-taxxa li tmur għall-benefiċċju tal-UE kif ukoll għal tnaqqis fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għall-iskemi tal-pensjoni, tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti. L-allowances la huma taxxabbli u lanqas pensjonabbli.
Fl-2021 is-salarji bażiċi tal-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE (i.e. barra r-rappreżentanti tas-superviżuri nazzjonali) kienu dawn:[50]
Il-benefiċċji totali li tħallsu lill-membri taż-żewġ bordijiet u l-kontribuzzjonijiet tal-BĊE għall-iskemi tal-assigurazzjoni medika, il-kura fit-tul u kontra l-inċidenti mħallsa f’isimhom ammontaw għal €1,097,128 (2020: €1,201,810).
Jistgħu jsiru pagamenti tranżitorji lil dawk li kienu membri taż-żewġ bordijiet għal perjodu limitat wara tmiem il-mandat tagħhom. Fl-2021 dawn il-ħlasijiet, il-benefiċċji relatati mal-familja u l-kontribuzzjonijiet tal-BĊE għall-iskemi tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u kontra l-inċidenti għal dawk li kienu membri taż-żewġ bordijiet ammontaw għal €977,547 (2020: €1,555,042). It-tnaqqis f’dawn il-pagamenti kien dovut għal anqas membri preċedenti tal-bord li kienu qed jirċievuhom fl-2021, filwaqt li dawk li kienu għadhom intitolati għalihom irċevew anqas, hekk kif marru lejn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni tagħhom.
Ħlasijiet tal-pensjoni relatati, inklużi benefiċċji ta’ wara l-impjieg, u kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u kontra l-inċidenti għal eks membri tal-bord u d-dipendenti tagħhom, ammontaw għal €4,047,008 (2020: €928,149).[51] Fl-2021 dan l-ammont kien jinkludi ħlas ta’ somma f’daqqa mal-irtirar lil membru preċedenti tal-bord minflok ħlasijiet futuri tal-pensjoni.
Nota 29 - Spejjeż amministrattivi
L-ispejjeż amministrattivi kienu kif ġej:
L-ispejjeż amministrattivi żdiedu bi ftit fl-2021. Iż-żieda fl-ispejjeż tal-kera, il-manutenzjoni tal-proprjetà u l-utilitajiet kienet prinċipalment b’rabta mar-rimedju meħtieġ ta’ difetti fl-infrastruttura tal-bini prinċipali li kien fadal mill-fażi ta’ kostruzzjoni. L-ispejjeż relatati ġew irkuprati permezz ta’ ħlasijiet ta’ assigurazzjoni (ara n-nota 27 “Dħul ieħor”).
Nota 30 - Servizzi tal-produzzjoni tal-karti tal-flus
Din l-ispiża tirriżulta l-aktar mill-ġarr transkonfinali ta’ karti tal-euro bejn l-istamperiji tal-karti tal-flus u l-banek ċentrali nazzjonali għall-kunsinna ta’ karti tal-flus ġodda, u bejn il-banek ċentrali nazzjonali, biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ provvista b’ħażniet ġodda. Dawn l-ispejjeż jitħallsu ċentralment mill-BĊE.
Nota 31 - Spejjeż oħrajn
Fl-2021 din il-partita kienet timmompendi r-rimbors ta’ penali amministrattivi imposti aktar kmieni mill-BĊE fuq tliet entitajiet taħt superviżjoni fi ħdan l-istess grupp li għalihom id-deċiżjonijiet rilevanti ġew parzjalment annullati mill-qorti (ara n-nota 25 “Dħul/ispiża netti minn tariffi u kummissjonijiet” ).
3 Rapport tal-awditur indipendenti
Lill-President u lill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
Frankfurt am Main
Rapport dwar il-Verifika tar-Rapporti Finanzjarji 2021 tal-BĊE
Opinjoni
Aħna vverifikajna r-Rapporti Finanzjarji tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li spiċċat fil-31 ta’ Diċembru 2021 – inklużi fil-Kontijiet Annwali tal-BĊE – li jikkonsistu mill-karta tal-bilanċ, il-kont tal-profitt u t-telf, u ġabra fil-qosor tal-politika sinifikanti tal-kontabilità u noti oħra ta’ tifsir.
Fl-opinjoni tagħna, dawn ir-Rapporti Finanzjarji tal-Bank Ċentrali Ewropew jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Bank Ċentrali Ewropew sal-31 ta’ Diċembru 2021 u tar-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu għas-sena li għalqet dakinhar, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Governattiv, li huma stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35), kif emendata, li hija bbażata fuq il-Linja Gwida (UE) 2016/2249 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016, dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (BĊE/2016/34), kif emendata.
Bażi għall-Opinjoni
Aħna għamilna l-verifika tagħna skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika (“ISAs”). Ir-responsabbiltajiet tagħna skont dawn l-istandards huma mfissrin bir-reqqa fit-taqsima Responsabbiltajiet tal-Awditur għall-Verifika tar-Rapporti Finanzjarji tar-rapport tagħna. Aħna indipendenti mill-BĊE skont ir-rekwiżiti etiċi Ġermaniżi li huma rilevanti għall-verifika tagħna tar-Rapporti Finanzjarji, li huma konsistenti mal-International Ethics Standards Board for Accountants’ Code of Ethics for Professional Accountants (il-“Kodiċi IESBA”), u ssodisfajna r-responsabbiltajiet etiċi l-oħra tagħna skont dawn ir-rekwiżiti. Aħna tal-fehma li l-evidenza tal-verifika li ksibna hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna.
Tagħrif ieħor
Il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (“Bord Eżekuttiv”) huwa responsabbli għall-informazzjoni l-oħra inkluża fil-Kontijiet Annwali tal-BĊE. It-tagħrif l-ieħor jinkludi informazzjoni inkluża fil-Kontijiet Annwali tal-BĊE ħlief għar-Rapporti Finanzjarji tal-BĊE u r-rapport tal-awditur tagħna.
L-opinjoni tagħna dwar ir-Rapporti Finanzjarji ma tkoprix it-tagħrif l-ieħor u aħna ma nesprimu ebda forma ta’ konklużjoni assigurattiva dwarhom.
Fir-rigward tal-verifika li għamilna tar-Rapporti Finanzjarji, ir-responsabbiltà tagħna hi li naqraw it-tagħrif l-ieħor u, waqt li nagħmlu dan, inqisu jekk it-tagħrif l-ieħor huwiex materjalment inkonsistenti mar-rapporti finanzjarji jew mal-għarfien li ksibna waqt il-verifika jew jekk jidhirx b’xi mod ieħor li jkun dikjarat b’mod falz.
Responsabbiltajiet tal-Bord Eżekuttiv u ta’ dawk inkarigati mill-Governanza għar-Rapporti Finanzjarji
Il-Bord Eżekuttiv hu responsabbli għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tar-Rapporti Finanzjarji skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Governattiv, li huma stabbilti fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35), kif emendata, li hija bbażata fuq il-Linja Gwida (UE) 2016/2249 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016, dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (BĊE/2016/34), kif emendata, u għall-kontroll intern li l-Bord Eżekuttiv iqis bħala meħtieġ biex tkun tista’ ssir it-tħejjija ta’ Rapporti Finanzjarji li jkunu ħielsa minn kull dikjarazzjoni materjali falza, kemm minħabba frodi jew żbalji.
Fit-tħejjija tar-Rapporti Finanzjarji, il-Bord Eżekuttiv hu responsabbli għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-Bank Ċentrali Ewropew li jkompli jopera bħala negozju avvjat, waqt li jiżvela, fejn applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża n-negozju avvjat bħala bażi tal-kontabilità.
Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli għas-sorveljanza tal-proċess tar-rappurtar finanzjarju tal-BĊE.
Responsabbiltajiet tal-Awditur għall-Verifika tar-Rapporti finanzjarji
L-għanijiet tagħna huma li niksbu ċertezza raġonevoli fuq jekk ir-Rapporti Finanzjarji kollha humiex ħielsa minn kull dikjarazzjoni materjali falza, kemm minħabba frodi jew żbalji, u li noħorġu rapport tal-awditur li jkun fih l-opinjoni tagħna. Iċ-ċertezza raġonevoli hija livell għoli ta’ ċertezza, iżda mhijiex garanzija li verifika li ssir skont l-ISAs dejjem se tidentifika dikjarazzjoni materjali falza meta din teżisti. Id-dikjarazzjonijiet foloz jistgħu joriġinaw minn frodi jew żbalji u jitqiesu li jkunu materjali jekk, individwalment jew flimkien, ikunu mistennijin b’mod raġonevoli li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-utenti li jsiru abbażi ta’ dawn ir-Rapporti Finanzjarji.
Bħala parti minn verifika skont l-ISAs, aħna neżerċitaw ġudizzju professjonali u nżommu xettiċiżmu professjonali matul l-ippjanar u twettiq kollu tal-verifika. Aħna wkoll:
- Nidentifikaw u nivvalutaw ir-riskji ta’ kull dikjarazzjoni materjali falza tar-Rapporti Finanzjarji, kemm minħabba frodi jew żbalji, infasslu u nwettqu proċeduri tal-verifika li jwieġbu għal dawn ir-riskji, u niksbu evidenza tal-verifika li tkun biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna. Ir-riskju li ma tiġix identifikata dikjarazzjoni materjali falza li tirriżulta minn frodi huwa ogħla minn waħda li tirriżulta minn żbalji, billi frodi tista’ tinvolvi kollużjoni, falsifikazzjoni, ommissjonijiet intenzjonati, rappreżentazzjonijiet ħżiena, jew it-twarrib tal-kontroll intern.
- Naslu biex nifhmu aħjar x’inhu l-kontroll intern rilevanti għall-verifika sabiex infasslu proċeduri tal-verifika li jkunu xierqa fiċ-ċirkostanzi, iżda mhux biex nesprimu opinjoni fuq l-effikaċja tal-kontroll intern tal-BĊE.
- Nivvalutaw kemm tkun xierqa l-politika tal-kontabilità li tintuża u kemm ikunu raġonevoli l-kalkoli tal-kontabilità u d-divulgazzjonijiet relatati li jsiru mill-maniġment.
- Nikkonkludu fuq kemm ikun xieraq l-użu min-naħa tal-maniġment tal-bażi ta’ negozju avvjat tal-kontabilità u, abbażi tal-evidenza tal-verifika miksuba, jekk ikunx jeżisti nuqqas ta’ ċertezza materjali relatat mal-avvenimenti jew il-kundizzjonijiet li jista’ jixħet dubju sinifikanti fuq il-kapaċità tal-BĊE li tkompli bħala negozju avvjat. Jekk nikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ċertezza materjali, aħna nkunu obbligati niġbdu l-attenzjoni fir-rapport tagħna tal-awditur għad-divulgazzjonijiet relatati fir-Rapporti Finanzjarji jew, jekk dawn id-divulgazzjonijiet ma jkunux adegwati, li nimmodifikaw l-opinjoni tagħna. Il-konklużjonijiet tagħna huma bażati fuq l-evidenza tal-verifika miksuba sad-data tar-rapport tagħna tal-awditur.
- Nivvalutaw il-preżentazzjoni, l-istruttura u l-kontenut ġenerali tar-Rapporti Finanzjarji, fosthom id-divulgazzjonijiet, u jekk ir-Rapporti Finanzjarji jirrappreżentawx it-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti bażi b’mod li jwassal għal preżentazzjoni ġusta.
Aħna obbligati nikkomunikaw ma’ dawk inkarigati mill-governanza fir-rigward ta’, fost affarijiet oħra, l-ambitu u ż-żmien ippjanat tal-verifika u l-konklużjonijiet sinifikanti tal-verifika, inklużi xi nuqqasijiet sinifikanti fil-kontroll intern li nidentifikaw matul il-verifika tagħna.
Frankfurt am Main, 9 ta’ Frar 2022
Baker Tilly GmbH & Co. KG
Wirtschaftsprüfungsgesellschaft
(Düsseldorf)
4 Nota fuq it-tqassim tal-profitt/l-allokazzjoni tat-telf
Din in-nota mhijiex parti mir-rapporti finanzjarji tal-BĊE għas-sena 2021.
Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-profitt nett tal-BĊE għandu jiġi trasferit f’din l-ordni:
- ammont li għad irid jiġi deċiż mill-Kunsill Governattiv, li m’għandux jaqbeż 20% tal-profitt nett, għandu jiġi trasferit fil-fond ġenerali tar-riżervi, sa limitu ekwivalenti għal 100% tal-kapital; u
- il-bqija tal-profitt nett għandu jitqassam lill-azzjonisti tal-BĊE fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom.[52]
Fil-każ ta’ telf imġarrab mill-BĊE, l-iżbilanċ jista’ jitpaċa mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, mid-dħul monetarju tas-sena finanzjarja rilevanti fil-proporzjon u mhux iżjed mill-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ.[53]
Il-profitt nett tal-BĊE għall-2021 kien ta’ €192 miljun. Wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, it-tqassim tal-profitt interim ta’ €150 miljun tħallas lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-31 ta’ Jannar 2022. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam il-bqija tal-profitt ta’ €42 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro.
© Bank Ċentrali Ewropew, 2022
Indirizz postali 60640 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
Telefon +49 69 1344 0
Websajt www.ecb.europa.eu
Id-drittijiet kollha miżmumin. Ir-riproduzzjoni għal għanijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Għat-terminoloġija speċifka, jekk jogħġbok irreferi għall-glossarju BĊE (disponibbli bl-Ingliż biss).
HTML ISBN 978-92-899-5104-3, ISSN 2443-4914, doi:10.2866/683272, QB-BS-22-001-MT-Q
- F’dan id-dokument, iċ-ċifri ppreżentati jistgħu ma jammontawx b'mod preċiż għat-totali, u l-perċentwali jistgħu ma jirriflettux b'mod preċiż iċ-ċifri assoluti minħabba żieda/tnaqqis sal-eqreb ċifra sħiħa.
- Ir-“rapporti finanzjarji” jinkludu l-Karta tal-Bilanċ, il-Kont tal-Profitt u t-Telf u n-noti relatati. Il-“Kontijiet Annwali” jinkludu r-rapporti finanzjarji, ir-rapport amministrattiv, ir-rapport tal-awditur indipendenti u n-nota dwar it-tqassim tal-profitt/l-allokazzjoni tat-telf. Aktar dettalji dwar il-proċess ta’ preparazzjoni u approvazzjoni relatati jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-BĊE.
- Dettalji dwar ir-reviżjoni tal-istrateġija li saret fl-2021 jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-BĊE
- Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 202, 7.6.2016, p. 47., kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
- Il-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 230). Is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) tinkludi l-BĊE u l-BĊN tas-27 Stat Membru tal-UE kollha.
- L-APP jikkonsisti mit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP3), il-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP), il-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP). Il-BĊE ma jakkwistax titoli fis-CSPP. Dettalji oħra fuq l-APP jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
- Dettalji oħra dwar il-PEPP jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
- Ara l-istqarrija għall-istampa tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
- Aktar informazzjoni dwar restrizzjonijiet tal-maturità kemm għall-APP u l-PEPP tista’ ssibha fuq il-websajt tal-BĊE.
- Dawn l-investimenti jikkonsistu f’assi inklużi taħt il-partiti tal-karta tal-bilanċ “Klejms fuq residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’munita barranija – Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra u “Klejms fuq residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”.
- L-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu jiġu rkuprati permezz ta’ tariffi annwali imposti fuq entitajiet taħt superviżjoni. Aktar dettalji jinsabu fil-websajt tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.
- Iż-żieda fil-provvediment għal riskji finanzjarji rriżultat fi tnaqqis korrispondenti tal-profitt tal-2021.
- Il-partita tal-karta tal-bilanċ “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” tinkludi wkoll il-kalkoli ġodda fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg.
- Ara l-istqarrija għall-istampa tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-kapital sottoskritt tal-BĊE wara l-irtirar mill-Bank of England mis-SEBĊ.
- It-tariffi superviżorji huma inklużi fi “Dħul u spejjeż oħra” (Ċart 13).
- L-ES huwa definit bħala telf medju tal-probabbiltà peżat li jseħħ fl-agħar (1-p)% tax-xenarji, fejn p jindika l-livell ta’ fiduċja.
- Aktar dettalji dwar il-metodu tal-mudelli tar-riskju jinsabu fi “The financial risk management of the Eurosystem’s monetary policy operations”, BĊE, Lulju 2015.
- Ir-riskju operattiv jinkludi r-riskji mhux finanzjarji kollha u huwa definit bħala r-riskju ta’ impatt negattiv fuq in-negozju, ir-reputazzjoni jew finanzjarju fuq il-BĊE li jirriżulta minn nies, l-implimentazzjoni inadegwata jew il-falliment tal-governanza interna u l-proċessi tan-negozju, il-falliment tas-sistemi li fuqhom jiġu proċessati jiddependu, jew avvenimenti esterni (eż. diżastri naturali jew attakki esterni).
- Aktar tagħrif dwar l-istruttura tal-governanza tal-BĊE jinsab fil-websajt tal-BĊE.
- Il-ġestjoni tar-riskju t’ mġiba kisbet dejjem aktar attenzjoni fis-settur korporattiv u pubbliku. Dan jikkumplimenta l-ġestjoni tar-riskji finanzjarji u operattivi u għall-BĊE tista’ tiġi definita bħala r-riskju li jsofri dannu ta’ reputazzjoni jew dannu ieħor ikkawżat minn uffiċjali tal-BĊE ta’ livell għoli jew persunal li ma jaġixxix f’konformità mar-regoli tal-Bank dwar l-etika u l-integrità u/jew governanza tajba u standards ta’ amministrazzjoni tajba.
- Il-politika dettaljata tal-kontabilità tal-BĊE hi stabbilita fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35), (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 1), kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
Biex jiġi żgurat ir-rappurtar armonizzat tal-kontabilità u l-finanzi tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema, id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq hi bbażata fuq Linja Gwida (EU) 2016/2249 tal-BĊE tat-3 ta' Novembru 2016 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (BĊE/2016/34) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 37 kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
Din il-politika, li tiġi eżaminata u aġġornata regolarment skont kif jixraq, hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-SEBĊ, li jitolbu approċċ armonizzat għar-regoli tar-rappurtar kontabilistiku u finanzjarju tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema. - Limitu minimu ta’ €100,000 japplika għad-dovuti u l-provvedimenti amministrattivi.
- Il-fondi akkumulati minn membru tal-persunal permezz tal-kontribuzzjonijiet volontarji jistgħu jintużaw biex tinxtara pensjoni supplimentari fid-data tal-irtirar. Din il-pensjoni tiġi inkluża fl-obbligu tal-benefiċċji definiti minn dak il-mument ’il quddiem.
- Fil-31 ta’ Diċembru 2020 il-BĊN barra ż-żona tal-euro li kienu qegħdin jipparteċipaw fit-TARGET2 kienu Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru), Danmarks Nationalbank, Hrvatska narodna banka, Narodowy Bank Polski u Banca Naţională a României.
- Deċiżjoni tal-BĊE tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro (BĊE/2010/29) (2011/67/UE) (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 26), kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
- “Skema tal-allokazzjoni tal-karti tal-flus” tfisser il-perċentwali li jirriżulta meta jitqies is-sehem tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-euro u tiġi applikata l-iskema tal-kapital sottoskritt għas-sehem tal-banek ċentrali nazzjonali minn dak it-total.
- Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (BĊE/2016/36) (riformulazzjoni) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 26), kif emendat. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
- Deċiżjoni (UE) 2015/298 tal-BĊE tal-15 ta’ Diċembru 2014 dwar it-tqassim interim tad-dħul tal-BĊE (BĊE/2014/57), ĠU L 53, 25.2.2015, p. 24, kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
- Dan jikkorrispondi għal 504.8 tunnellata.
- Dawn l-investimenti jikkonsistu f’assi li minnhom jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet denominati fil-munita barranija partikolari li huma soġġetti għal rivalutazzjoni tal-munita barranija. Jidħlu taħt l-intestaturi “Klejms fuq residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, “Klejms fuq residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, “Dovuti u spejjeż imħallsin bil-quddiem”, “Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” (in-naħa tal-obbligazzjonijiet) u “Dovuti u dħul miġbura bil-quddiem” u jinkludu t-tranżazzjonijiet forward u swap tal-kambju barrani inklużi f’partiti esklużi mill-karta tal-bilanċ. Il-qligħ fuq il-prezz ta’ strumenti finanzjarji denominati f’munita barranija li jkun ġej minn rivalutazzjonijiet mhuwiex inkluż.
- Aktar dettalji dwar l-operazzjonijiet ta’ likwidità f’euro tal-Eurosistema kontra kollateral eliġibbli jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
- Dettalji oħra dwar il-APP jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
- Ara l-istqarrija għall-istampa tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
- Dettalji oħra dwar il-PEPP jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
- Jekk jistgħu jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament bi flussi ta’ xiri ta’ assi li ma jeżawrixxux il-pakkett fuq l-orizzont ta' xiri nett tal-PEPP, il-pakkett m'għandux għalfejn jintuża għalkollox.
- Il-valuri tas-suq huma indikattivi u jinħadmu abbażi ta’ kwotazzjonijiet tas-suq. Meta l-kwotazzjonijiet tas-suq ma jkunux disponibbli, il-prezzijiet tas-suq jiġu kalkulati bl-użu ta’ mudelli interni tal-Eurosistema.
- Mis-16 ta’ Marzu 2016 ir-rata tal-imgħax użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament kienet 0%.
- Aktar dettalji jinsabu fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
- It-tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli li ma jirriżultawx f’kollateral ta’ flus kontanti mhux investit fi tmiem is-sena jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara n-nota 17 “Programmi ta’ self ta’ titoli”).
- Il-pilastru tal-benefiċċju definit tal-pjan jirrifletti biss il-kontribuzzjonijiet obbligatorji magħmula mill-BĊE u l-persunal. Il-kontribuzzjonijiet volontarji li saru mill-persunal fi struttura ta' kontribuzzjonijiet definiti fl-2021 ammontaw għal €220 miljun (2020: €186 miljun). Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu investiti fl-assi tal-iskema u jwasslu għal obbligu korrispondenti b’valur ekwivalenti.
- L-ispiża kurrenti tas-servizz tiġi kalkulata bir-rati li kienu japplikaw fis-sena ta’ qabel.
- Il-BĊE ma jixtrix titoli tas-settur korporattiv taħt is-CSPP u l-PEPP u konsegwentement m’għandux investimenti relatati disponibbli għas-self. Dettalji oħra dwar self ta’ titoli jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
- Jekk kollateral fi flus kontanti jibqa’ mhux investit fi tmiem is-sena, dawn it-tranżazzjonijiet jidħlu f’kontijiet inklużi fil-karti tal-bilanċ (ara n-nota 9 “Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro” u n-nota 11 “Obbligazzjonijiet ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”).
- Ara l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-BĊE tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23) kif emendat. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
- Id-deċiżjoni tal-BĊE dwar l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali għall-2021 se tiġi adottata u sussegwentement ippubblikata sal-aħħar ta’ April 2022.
- Aktar dettalji jinsabu fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
- Ara r-Rapport Annwali 2020/21, BIS.
- Ekwivalenti full-time (FTE) huwa unità ekwivalenti għal impjegat wieħed li jaħdem full-time għal sena. Persunal b’kuntratti permanenti, fissi jew għal żmien qasir u parteċipanti fil-Programm tal-Gradwati tal-BĊE huma inklużi proporzjonalment mas-sigħat li jaħdmu. Staff fuq lif tal-maternità jew tal-liv għal żmien twil hu inkluż wkoll, waqt li staff fuq lif mhux imħallas hu eskluż.
- L-ispiża kurrenti tas-servizz tiġi kalkulata bir-rati li kienu japplikaw fis-sena ta’ qabel.
- L-ammonti huma moghtija gross, i.e. qabel it-tnaqqis ta’ taxxi għall-benefiċċju tal-UE.
- Għall-ammont nett li għandu jitħallas mill-Kont tal-Profitt u t-Telf fir-rigward tal-arranġamenti tal-pensjoni għall-membri attwali tal-Bord Eżekuttiv u l-membri attwali tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE ara n-nota 13.3, “Varji”.
- Il-BĊN barra ż-żona tal-euro ma huma intitolati jirċievu ebda sehem mill-profitt tal-BĊE li jista’ jitqassam u lanqas ma huma obbligati jagħmlu tajjeb għal xi telf tal-BĊE.
- Skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ, is-somma tad-dħul monetarju tal-BĊN għandha tiġi allokata lill-BĊN fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom fil-kapital tal-BĊE.