X'inhu s-self ta' titoli?
8 ta' Diċembru 2016
Is-self ta’ titoli jseħħ meta ishma jew bonds jgħaddu b’self għal ftit żmien mingħand is-sid għal għand ħaddieħor. Bi tpattija, min jissellifhom jittrasferixxi ishma, bonds jew flus kontanti lis-sid bħala kollateral u jħallas tariffa tas-self.
Għaliex l-Eurosistema tislef it-titoli tagħha?
L-għan tagħna meta nisilfu titoli huwa biex ngħinu lis-swieq finanzjarji jkomplu jiffunzjonaw bla xkiel. Dan huwa importanti partikolarment fil-programm estiż tagħna tal-akkwist ta’ assi (asset purchase programme – APP). L-Eurosistema, jiġifieri l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, qiegħda tixtri ammonti kbar ta’ titoli mingħand il-banek biex tagħmel tajjeb għar-riskji ta’ inflazzjoni baxxa ferm għal żmien twil wisq. Meta bank ċentrali jixtri ammonti kbar ħafna ta’ titoli, dan aktarx iwassal biex ikun hemm inqas titoli disponibbli fis-suq. Għalhekk meta nisilfu t-titoli investiti tagħna lura lis-suq, inkunu qegħdin nippermettu li jkomplu jintużaw minn oħrajn fit-tranżazzjonijiet tagħhom.
Tagħrif ieħor fuq is-self ta’ titoli fl-APPGħaliex ikun hemm min irid jissellef titoli? Għaliex ma jixtrihomx mill-ewwel?
Xi drabi dak li jkun ikollu bżonn it-titoli għal ftit żmien, ġieli għal ġurnata biss jew għal ftit ġimgħat. Hekk, sikwit toħroġ b’orħos u tinqeda iżjed malajr u/jew b’inqas riskju meta tissellef titoli flok ma tixtrihom definittivament. Hemm bosta raġunijiet għala wieħed ikollu bżonn titoli għal ftit żmien:
- Xi banek ikollhom ftehim biex “joħolqu swieq” għal ċerti titoli. Dan ifisser li jridu jkunu lesti jixtru u jbigħu dawn it-titoli lill-kontropartijiet tagħhom, bħal fondi tal-pensjoni jew maniġers tal-assi, f’kull ħin. Jekk jintalbu jbigħu titoli li ma jkollhomx f’dak il-mument, ikunu jistgħu jissellfuhom ħin bla waqt biex imbagħad ibigħuhom.
- Normalment, it-titoli jiġu trasferiti jumejn tan-negozju wara li jkun sar il-ftehim ta’ bejgħ. Xi drabi għal min jixtri jkun importanti ferm li jirċievi t-titoli sa data speċifika. Biex it-titoli ma jaslux tard għal xi raġuni jew oħra, is-self ta’ malajr jista’ jkun mod biex dak li jkun jakkwista t-titoli li jkun irid fil-ħin.
- Fis-swieq finanzjarji jintużaw bosta strateġiji differenti li jiddependu mis-self temporanju ta’ titoli. Is-self jista’ jintuża għal skop ta’ negozju (tieħu riskju biex tagħmel qligħ), arbitraġġ (tagħmel qligħ bla riskju bis-saħħa ta’ differenzi mhux ġustifikati fil-prezzijiet) jew iħħeġġjar (tnaqqas ir-riskju).
Kif jidħol il-kollateral?
Min jislef assi ta’ valur aktarx jitlob kollateral, li jservi bħala assigurazzjoni għal min jislef. Għas-self ta’ titoli, il-kollateral jista’ jkun flus kontanti jew aktarx titoli oħra. Sabiex jiġi evitat kull riskju fl-operazzjoni, it-titoli mislufin u dawk provduti bħala kollateral jiġu trasferiti fl-istess ħin. Li tpartat titolu ma’ ieħor fl-istess ħin mhijiex ħaġa faċli teknikament, u għalhekk is-self sikwit jinqasam f’żewġ passi. Fl-ewwel pass, it-titoli mitlubin jgħaddu għand min irid jissellifhom, u dan jittrasferixxi kollateral f’kontanti lil min jislifhomlu. It-tieni, il-kollateral f’kontanti jgħaddi lura għand min jissellef, u dan ipartu ma’ kollateral f’titoli. Ir-riżultat aħħari huwa newtrali għall-flus kontanti: min jissellef jibqagħlu biss it-titoli li jkollu bżonn filwaqt li min jislef jibqagħlu biss il-kollateral f’titoli.
Niċċaraw: X’inhu kollateral?Kif issir tranżazzjoni tas-self ta’ titoli?
Il-grafika ta’ hawn taħt turi x’jiġri fi tranżazzjoni tipika tas-self ta’ titoli. Il-Bond A tgħaddi għand min jissellef, u dan jipprovdi kollateral fi flus kontanti. Imbagħad il-kollateral f’kontanti jerġa’ jinsilef jew “jiġi investit mill-ġdid” lil min jissellef bi tpartit ma’ kollateral f’titoli. Meta l-Bond A terġa’ lura għand min jislef, il-partijiet l-oħra kollha tat-tranżazzjoni jiġu riversjati wkoll u min jissellef iħallas ukoll it-tariffa miftiehma fi flus kontanti lil min jislef.
X’inhuma l-ispejjeż għal min jissellef?
Min jissellef iħallas tariffa, li tista’ tvarja ħafna skont liema titoli jinsilfu, min jislifhom lil min, għal kemm żmien u l-bqija. Barra dan, min jissellef xi drabi jkollu jħallas biex jakkwista l-kollateral meħtieġ għat-tranżazzjoni tas-self ta’ titoli, u dan jista’ jfisser li titoli “normali” jittejbu f’titoli ta’ kwalità tajba ħafna jew li jinġabru iżjed flus kontanti. Fl-aħħar, min jissellef xi drabi jħabbat wiċċu ma’ spejjeż legali u amministrattivi kull darba li jkun jixtieq jissellef mingħand xi ħadd ġdid.