Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Luis de Guindos
Vice-President of the European Central Bank
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,

Frankfurt am Main, 8 ta’ Settembru 2022

Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax b’75 punt bażi. Dan il-pass ewlieni jmexxi t-tranżizzjoni mil-livell prevalenti akkomodanti ferm tar-rati tal-politika lejn livelli li jiżguraw ir-ritorn f’waqtu tal-inflazzjoni għall-mira ta’ tnejn fil-mija tal-BĊE fuq żmien medju. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni attwali tagħna, matul id-diversi laqgħat li jmiss aħna nistennew li ngħollu aktar ir-rati tal-imgħax biex innaqqsu id-domanda u nħarsu kontra r-riskju ta’ bidla persistenti 'l fuq fl-aspettattivi tal-inflazzjoni. Se nivvalutaw mill-ġdid regolarment it-triq tal-politika tagħna fid-dawl tal-informazzjoni li tidħol u l-prospetti tal-inflazzjoni li qed tevolvi Id-deċiżjonijiet futuri dwar ir-rati ta’ politika tagħna se jkomplu jiddependu mid-data u jsegwu approċċ ta’ laqgħa wara laqgħa.

Ħadna d-deċiżjoni tal-lum, u nistennew li ngħollu aktar ir-rati tal-imgħax, minħabba li l-inflazzjoni għadha għolja wisq u x'aktarx li tibqa’ fuq il-mira tagħna għal perijodu estiż. Skont l-istima preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni laħqet 9.1% f’Awwissu. Il-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel li qed jogħlew ħafna, il-pressjonijiet tad-domanda f'xi setturi minħabba l-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija, u l-ostakli fil-provvista għadhom qed iżidu l-inflazzjoni. Il-pressjonijiet tal-prezzijiet komplew jissaħħu u jitwessgħu fl-ekonomija kollha u l-inflazzjoni tista’ tiżdied aktar fiż-żmien qrib. Hekk kif il-muturi attwali tal-inflazzjoni jbattu maż-żmien u n-normalizzazzjoni tal-politika monetarja tgħaddi fuq l-ekonomija u l-iffissar tal-prezzijiet, l-inflazzjoni se tonqos. B'ħarsa 'l quddiem, il-persunal tal-BĊE irreveda ’l fuq b'mod sinifikanti l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni tagħhom u l-inflazzjoni issa hija mistennija li tilħaq medja ta' 8.1% fl-2022, 5.5% fl-2023 u 2.3% fl-2024.

Wara rpiljar fl-ewwel nofs tal-2022, data riċenti tindika tnaqqis sostanzjali fit-tkabbir ekonomiku taż-żona tal-euro, bl-ekonomija mistennija li tistaġna aktar tard fis-sena u fl-ewwel trimestru tal-2023. Prezzijiet għoljin ħafna tal-enerġija qed inaqqsu l-poter tal-akkwist tad-dħul tan-nies u, għalkemm il-konġestjonijiet fil-provvista qed jonqsu, għadhom qed jillimitaw l-attività ekonomika. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ġeopolitika negattiva, speċjalment l-aggressjoni mhux ġustifikata tar-Russja fuq l-Ukraina, qed tagħfas fuq il-fiduċja tan-negozji u l-konsumaturi. Din il-prospettiva hija riflessa fl-aħħar projezzjonijiet tal-persunal għat-tkabbir ekonomiku, li ġew riveduti 'l isfel sew għall-bqija tas-sena kurrenti u matul l-2023. Il-persunal issa jistenna li l-ekonomija tikber bi 3.1% fl-2022, 0.9% fl-2023 u 1.9% fl-2024.

Il-vulnerabbiltajiet dejjiema kkawżati mill-pandemija għadhom joħolqu riskju għat-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv għalhekk ser ikompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni relatati mal-pandemija

Id-deċiżjonijiet meħudin llum jidhru fl-istqarrija għall-istampa li tinsab fis-sit web tagħna. Stqarrija teknika separata għall-istampa dwar ir-remunerazzjoni tad-depożiti tal-gvern se tiġi ppubblikata fis-15:45 CET.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjegaw il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

L-ekonomija taż-żona tal-euro kibret b’0.8 fil-mija fit-tieni trimestru tal-2022, l-aktar minħabba n-nefqa qawwija tal-konsumatur fuq servizzi ta’ kuntatt intensiv, bħala riżultat tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija. Matul is-sajf, hekk kif in-nies vvjaġġaw aktar, pajjiżi b’setturi turistiċi kbar ibbenefikaw b’mod speċjali. Fl-istess ħin, in-negozji sofrew minn spejjeż għoljin tal-enerġija u konġestjonijiet kontinwi fil-provvista, għalkemm dawn tal-aħħar qed jonqsu gradwalment.

Filwaqt li turiżmu qawwi kien qed jappoġġa t-tkabbir ekonomiku matul it-tielet trimestru nistennew li l-ekonomija tonqos b’mod sostanzjali matul il-bqija ta’ din is-sena. Hemm erba’ raġunijiet ewlenin għal dan: Fl-ewwel lok, inflazzjoni għolja qed tnaqqas l-infiq u l-produzzjoni fl-ekonomija kollha, u dawn l-ostakoli huma msaħħa minn tfixkil fil-provvista tal-gass. Fit-tieni lok, l-irpiljar qawwi fid-domanda għas-servizzi li ġie mal-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija se jitlef ir-rankatura fix-xhur li ġejjin. Fit-tielet lok, id-dgħufija fid-domanda globali, anki fil-kuntest ta' politika monetarja aktar stretta f'ħafna ekonomiji ewlenin, u t-termini tal-kummerċ li jmorru għall-agħar se jfisser inqas appoġġ għall-ekonomija taż-żona tal-euro. Fir-raba’ lok, l-inċertezza għadha għolja u l-kunfidenza qed tonqos drastikament.

Fl-istess ħin, is-suq tax-xogħol baqa’ b’saħħtu, u appoġġja l-attività ekonomika. L-impjiegi żdiedu b’aktar minn 600,000 persuna fit-tieni trimestru tal-2022 u r-rata tal-qgħad kienet l-inqas storikament f’6.6 fil-mija f’Lulju. Is-sigħat totali maħduma żdiedu aktar, b’0.6 fil-mija, fit-tieni trimestru tal-2022 u qabżu l-livelli tagħhom ta’ qabel il-pandemija. B'ħarsa ’l quddiem, it-tnaqqis fl-ekonomija x'aktarx li jwassal għal xi żieda fir-rata tal-qgħad.

Miżuri ta’ appoġġ fiskali biex jittaffa l-impatt ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija għandhom ikunu temporanji u mmirati lejn l-aktar unitajiet domestiċi u impriżi vulnerabbli biex jillimitaw ir-riskju li jrawmu pressjonijiet inflazzjonarji, biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-infiq pubbliku u biex tiġi ppreservata s-sostenibbiltà tad-dejn. Il-politiki strutturali għandhom jimmiraw li jgħollu l-potenzjal tat-tkabbir taż-żona tal-euro u jappoġġaw ir-reżiljenza tagħha.

L-inflazzjoni

L-inflazzjoni żdiedet għal 9.1 fil-mija f’Awwissu. L-inflazzjoni tal-prezz tal-enerġija baqgħet estremament elevata, bi 38.3 fil-mija, u reġgħet kienet il-komponent dominanti tal-inflazzjoni ġenerali. Indikaturi bbażati fuq is-suq jissuġġerixxu li, fi żmien qrib, il-prezzijiet taż-żejt se jimmoderaw, filwaqt li l-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa se jibqgħu straordinarjament għoljin. L-inflazzjoni tal-prezz tal-ikel żdiedet ukoll f'Awwissu, għal 10.6 fil-mija u tirrifletti parzjalment spejjeż ogħla tal-input relatati mal-enerġija, tfixkil tal-kummerċ fi prodotti tal-ikel u kundizzjonijiet tat-temp ħżiena.

Filwaqt li l-konġestjonijiet fil-provvista qed jonqsu, dawn ikomplu jgħaddu gradwalment fuq il-prezzijiet tal-konsumatur u qed jagħmlu pressjoni 'l fuq fuq l-inflazzjoni, kif hi d-domanda li qed tirkupra fis-settur tas-servizzi. Id-deprezzament tal-euro żied ukoll mal-akkumulazzjoni tal-pressjonijiet inflazzjonarji.

Il-pressjonijiet tal-prezzijiet qed jinfirxu f'aktar u aktar setturi, parzjalment minħabba l-impatt ta' spejjeż għoljin tal-enerġija fl-ekonomija kollha. Għaldaqstant, miżuri ta’ inflazzjoni sottostanti jibqgħu f'livelli elevati u l-aħħar projezzjonijiet tal-persunal jaraw l-inflazzjoni esklużi l-ikel u l-enerġija tilħaq 3.9 fil-mija fl-2022, 3.4 fil-mija fl-2023 u 2.3 fil-mija fl-2024.

Swieq tax-xogħol reżiljenti u xi rkupru biex jikkumpensa għal inflazzjoni ogħla x'aktarx li jappoġġaw it-tkabbir fil-pagi. Fl-istess ħin, id-data li tidħol u l-ftehimiet riċenti dwar il-pagi jindikaw li d-dinamika tal-pagi tibqa’ taħt kontroll, b’mod ġenerali. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fit-tul bħalissa huma madwar tnejn fil-mija, għalkemm reviżjonijiet riċenti 'l fuq mill-mira għal xi indikaturi jiġġustifikaw monitoraġġ kontinwu.

Il-valutazzjoni tar-riskji

Fil-kuntest tal-ekonomija globali li qed tonqos, ir-riskji għat-tkabbir huma primarjament negattivi, b'mod partikolari fi żmien qrib. Kif rifless fix-xenarju ta' tnaqqis fil-projezzjonijiet tal-persunal, gwerra fit-tul fl-Ukraina tibqa' riskju sinifikanti għat-tkabbir, speċjalment jekk l-impriżi u l-unitajiet domestiċi jiffaċċjaw ir-razzjonament tal-provvisti tal-enerġija. F'sitwazzjoni bħal din, il-fiduċja tista' tiddeterjora aktar u r-restrizzjonijiet min-naħa tal-provvista jistgħu jerġgħu jmorru għall-agħar. L-ispejjeż tal-enerġija u tal-ikel jistgħu wkoll jibqgħu b'mod persistenti ogħla milli mistenni. Deterjorament ulterjuri fil-prospetti ekonomiċi globali jista' jkun tfixkil addizzjonali fuq id-domanda esterna taż-żona tal-euro.

Ir-riskji għall-prospetti tal-inflazzjoni qegħdin primarjament b’xejra ta’ żieda. Bl-istess mod bħat-tkabbir, ir-riskju ewlieni fi żmien qasir huwa tfixkil ulterjuri tal-provvisti tal-enerġija. Fuq medda medja ta’ żmien, l-inflazzjoni tista’ tirriżulta li tkun ogħla milli mistenni minħabba deterjorament persistenti tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-ekonomija taż-żona tal-euro, aktar żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, żieda fl-aspettattivi tal-inflazzjoni ogħla mill-mira tagħna, jew żidiet fil-pagi ogħla milli mistennija. Madankollu, kieku l-ispejjeż tal-enerġija kellhom jonqsu jew id-domanda kellha tiddgħajjef fuq medda medja ta’ żmien, dan inaqqas il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

Ir-rati tal-imgħax tas-suq żdiedu b'antiċipazzjoni ta' normalizzazzjoni ulterjuri tal-politika monetarja b'reazzjoni għall-prospetti tal-inflazzjoni. Il-kreditu lill-impriżi sar aktar għali matul dawn l-aħħar xhur, u r-rati tas-self bankarju għall-unitajiet domestiċi issa qegħdin fl-ogħla livelli tagħhom f'aktar minn ħames snin. F'termini ta' volumi, is-self bankarju lill-impriżi s'issa baqa' b'saħħtu, parzjalment jirrifletti l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati spejjeż għoljin ta' produzzjoni u bini ta' inventarju. Is-self b'ipoteka lill-unitajiet domestiċi qed jimmodera minħabba standards ta' kreditu aktar stretti, spejjeż ta' self li qed jogħlew u kunfidenza dgħajfa tal-konsumatur.

Konklużjoni

Fil-qosor, illum għollejna t-tliet rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE b'75 punt bażi, u nistennew li ngħollu aktar ir-rati tal-imgħax, minħabba li l-inflazzjoni għadha għolja wisq u x'aktarx li tibqa' 'l fuq mill-mira tagħna għal perijodu estiż. Dan il-pass ewlieni jmexxi t-tranżizzjoni mil-livell prevalenti ferm akkomodanti tar-rati tal-politika għal livelli li jappoġġaw ritorn f'waqtu tal-inflazzjoni għall-mira tagħna fi żmien medju ta' tnejn fil-mija.

Id-deċiżjonijiet futuri dwar ir-rati ta’ politika tagħna se jkomplu jiddependu mid-data u jsegwu approċċ ta’ laqgħa wara laqgħa. Aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fil-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna tal-inflazzjoni fuq żmien medju.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja