Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Ġunju 2025
Komunikazzjoni esterna
Rapport tal-BĊE dwar il-Konverġenza Mejju 2025,
Fl-4 ta’ Ġunju 2025 l-BĊE ppubblika r-Rapport dwar il-Konverġenza tiegħu, imħejji wara talba mill-Bulgarija fil-25 ta’ Frar 2025. Ir- rapport jeżamina l-istat tal-konverġenza ekonomika tal-Bulgarija u l-kumpatibbiltà tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħha mat-Trattati. Ġie approvat mill-Kunsill Ġenerali u ppubblikat simultanjament mar-rapport imħejji mill-Kummissjoni Ewropea kif previst mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ Memoranda ta’ Ftehim huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.
Il-politika monetarja
Divulgazzjonijiet relatati mal-klima tal-investimenti tal-Eurosistema f’bonds korporattivi
Fit-30 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tat-tielet rapport tal-BĊE dwar id-divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal-klima tal-assi tal-Eurosistema miżmumin għall-finijiet tal-politika monetarja u r-riżervi barranin tal-BĊE. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju tal-portafolji tal-Eurosistema u kemm dawn huma esposti għal riskji klimatiċi, kif ukoll dwar il-governanza, l-istrateġija u l-ġestjoni tar-riskju relatati mal-klima. It-tieni rapport jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-portafolji tal-politika mhux monetarja tal-BĊE ddenominati f’euro, inkluż il-portafoll tal-fondi proprji tiegħu u l-fond tiegħu dwar il-pensjonijiet tal-persunal. Iż-żewġ rapporti, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, ġew ppubblikati fis-sit web tal-BĊE fit-12 ta’ Ġunju 2025.
Operazzjonijiet tas-suq
Posponiment tar-rekwiżiti tar-rappurtar tal-kontropartijiet tal-politika monetarja għall-ewwel trimestru tal-2025
Fis-6 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jipposponi, fuq bażi ta’ darba biss, ir-rekwiżiti tar-rapport tal-kontropartijiet għall-ewwel trimestru tal-2025 kif stipulat fl-Artikolu 158(3) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (Linja Gwida dwar id-Dokumentazzjoni Ġenerali) bil-perjodi transizzjonali tar-reġim ta’ rapportar superviżorju ġdid li ddaħħal permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3117. B’mod aktar speċfiku, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi d-data għal sospensjoni awtomatika abbażi tar-raġunijiet ta’ prudenza msemmija fl-Artikolu 158(3) sas-7 ta’ Ottubru 2025. Ir-rekwiżiti tar-rapport ikkonċernati huma relatati mat-trażmissjoni ta’ fondi proprji u d-data dwar il-proporzjon tal-ingranaġġ mill-kontropartijiet eliġibbli. Avviż dwar dan jinsab fuq is-sit web tal-BĊE.
Emendi għad-Deċiżjonijiet dwar it-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP3) u l-programm ta' xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)
Fil-11 ta’ Ġunju 2025 l-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2025/20 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2020/8 dwar l-implimentazzjon tas-CBPP3, u adotta d-Deċiżjoni BĊE/2025/21 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2020/17 dwar PEPP temporanju. L-emendi jirriflettu d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill Governattiv f’April 2025 biex jemenda, l-ewwel, id-dispożizzjonijiet dwar il-kontropartijiet eliġibbli għas-CBPP3 biex jippermetti lil-banek ċentrali tal-Eurosistema jipparteċipaw fi tranżazzjonijiet standard tas-suq bħal tranżazzjonijiet ta’ riakkwist minn emittenti ta’ bonds garantiti (“buybacks”), u, it-tieni, ir-regoli applikabbli għal tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli ta’ bonds garantiti miżmuma mill-Eurosistema taħt is-CBPP3 u l-PEPP temporanju biex jiġu riflessi l-kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju.
Infrastruttura tas-suq u pagamenti
Deċiżjoni li tikkonferma d-data tat-tnedija tas-Sistema tal-Eurosistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral (ECMS)
Fis-16 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv ikkonferma, wara valutazzjoni pożittiva mwettqa mill-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq, li l-ECMS se titnieda fis-16 ta’ Ġunju 2025. Avviż relatat ġie ppubblikat dakinhar stess fuq is-sit web tal-BĊE. Il-BĊE ħareġ ukoll stqarrija għall-istampa fis-17 ta’ Ġunju 2025 li tikkonferma t-tnedija b’suċċess fi tmiem il-ġimgħa tat-13-15 ta’ Ġunju 2025.
Tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-estensjoni possibbli tas-siegħat operattivi ta’ T2
Fit-30 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi konsultazzjoni pubblika dwar l-estensjoni possibbli tas-siegħat operattivi ta’ T2 u approva d-dokument ta’ konsultazzjoni relatat u l-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit web tal-BĊE. L-għan ewlieni ta’ din il-konsultazzjoni, li se tibqa’ għaddejja sat-30 ta’ Settembru 2025, huwa sabiex l-Eurosistema tifhem il-ħtiġijiet attwali u li ġejjin tas-suq u tidentifika kwalunkwe restrizzjoni li tista’ tinqala’ jekk is-siegħat operattivi ta’ T2 jiġu estiżi. Abbażi ta’ dan il-feedback u analiżi rigoruża tar-risposti riċevuti, matul l-2026 il-Kunsill Governattiv se jiddiskuti azzjonijiet ta’ segwitu possibbli.
Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2025/222 dwar l-aċċess minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarji għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali tal-Eurosistema u kontijiet tal-bank ċentrali (BĊE/2025/2)
Fit-2 ta’ Ġunju 2025 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2025/1148 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2025/222 dwar l-aċċess minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarji għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali tal-Eurosistema u kontijiet tal-bank ċentrali (BĊE/2025/2) (ECB/2025/18). L-emenda ssegwi mid-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Governatti biex jipposponi l-emendi għal-Linja Gwida dwar TARGET sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali li kienet se tirriżulta fir-rigward tal-aċċess minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li mhumiex banek għal sistemi ta’ pagament imħaddma mill-banek ċentrali tal-Eurosistema, inklużi komponenti ta’ TARGET, bħala riżultat ta’ dewmien f’xi Stati Membri taż-żona tal-euro meta jittrasponu emendi relevanti għad- Direttiva 98/26/KE dwar il-finalità tas-saldu fis-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli u d-Direttiva (UE) 2015/2366 dwar servizzi ta’ pagament fis-suq intern fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Rapport tal-progress dwar il-proġett dwar l-euro diġitali
Fit-3 ta’ Ġunju 2025 il-Kunsill Governattiv iddiskuta l-progress li sar fir-rigward ta’ aspetti importanti tad-disinn tal-euro diġitali (eż. li jinstabu l-fornituri potenzjali, it-tħejjija tal-ktieb ta’ regoli, esperimentazzjoni u analiżi ulterjuri) u ħa nota tal-passi li jmiss previsti, filwaqt li kkonkluda li l-proġett baqa’ miexi skont il-pjan kemm f’termini ta’ baġit kif ukoll taż-żmien. Informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proġett tal-euro diġitali hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.
Pjan direzzjonali tal-Eurosistema dwar teknoloġija tar-reġistru distribwit (DLT) għas-saldu bl-ingrossa tal-flus tal-bank ċentrali
Fit-23 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill Governattiv approva pjan direzzjonali ta’ livell għoli għall-approċċ tiegħu fuq żewġ binarji dwar id-DLT għas-saldu bl-ingrossa tal-flus tal-bank ċentrali li l-Eurosistema bdiet taħdem fuqu fil-ħidma esploratorja tagħha fl-2024. Taħt l-ewwel binarju, imsejjaħ Pontes, il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq ingħata l-mandat li li jipprovdi offerta operazzjonali fuq żmien qasir għas-saldu ta’ tranżazzjonijiet ibbażati fuq id-DLT fi flus tal-bank ċentrali, li għalih huwa mistenna li jitnieda proġett pilota sat-tmiem tat-tielet trimestru tal-2026. It-tieni binarju, imsejjaħ Appia, se jiffoka fuq l-identifikazzjoni ta’ approċċ potenzjali fit-tul għal ekosistema innovattiva u integrata fl-Ewropa li tinkludi wkoll operazzjonijiet internazzjonali. Stqarrija għall-istampa b’informazzjoni aktar dettaljata se tiġi ppubblikata meta jasal il-waqt fuq is-sit web tal-BĊE.
Rapport dwar il-ħidma preparatorja tal-BĊE dwar teknoloġiji ġodda għal servizzi tas-saldu tal-flus tal-banek ċentrali bl-ingrossa
Fil-25 ta’ Ġunju 2025 il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ rapport, imħejji mill-Kumitat għall-Infrastruttura tas-Suq u l-Pagamenti, dwar il-ħidma esploratorja tal-Eurosistema fuq teknoloġiji ġodda għas-saldu tal-flus tal-banek ċentrali bl-ingrossa. Ir-rapport jikkonsolida s-sejbiet ewlenin ta’ din l-inizjattiva, li attirat interess għoli b’total ta’ 64 parteċipant eliġibbli, mifruxin f’disa’ ġuriżdizzjonijiet, u kważi €1.6 biljun saldati f’27 prova, u juri d-diversi każijiet ta’ użu identifikati. Ir-rapport se jiġi ppubblkat meta jasal il-waqt fuq is-sit web tal-BĊE.
Parir dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar il-kompożizzjoni tal-korpi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Magyar Nemzeti Bank, il-kontijiet tat-teżor immaniġġjati mill-Magyar Nemzeti Bank u l-attivitajiet permessi ta’ fondazzjonijiet stabbiliti mill-Magyar Nemzeti Bank
Fis-27 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/12 imħejjija fuq inizjattiva proprja tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-pensjonijiet tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique
Fl-10 ta’ Ġunju 2025 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/13 fuq talba tal-Viċi Prim Ministru u l-Ministru għall-Finanzi u l-Pensjonijiet tal-Belġju.
Opinjoni tal-BĊE dwar aċċess għal flus kontanti u dritt kostituzzjonali għal pagament bi flus kontanti
Fil-25 ta’ Ġunju 2025 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/14 fuq talba mill-Magyar Nemzeti Bank. L-Opinjoni se tkun disponibbli meta jasal il-waqt fuq EUR-Lex.
Governanza korporattiva
Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tad-Deutsche Bundesbank
Fit-2 ta’ Ġunju 2025 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2025/19 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Deutsche Bundesbank.
Sħubja tal-Kumitat tal-Awditu tal-BĊE u l-Kumitat tal-Etika tal-BĊE
Fl-4 ta’ Ġunju 2025 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Gaston Reinesch bħala membru tal-Kunsill Governattiv fil-Kumitat tal-Awditu tal-BĊE biex jieħu post Klaas Knot, li l-mandt tiegħu jintemm fl-1 ta’ Lulju 2025. Il-Kunsill Governattiv ħatar ukoll lil Federica Mogherini, ir-Rettur Attwali tal-Kulleġġ tal-Ewropa, Direttur tal-Akkademja Diplomatika tal-Unjon Ewropea u eks Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, bħala membru ġdid tal-Kumitat tal-Etikatal-BĊE, biex tieħu post Virginia R. Canter, li l-mandat tagħha jintemm fil-bidu ta’ Awwissu 2025. Dawn il-ħatriet, li jibdew fl-1 ta’ Lulju u fl-1 ta’ Awwissu 2025, rispettivament, huma għal terminu inizjali ta’ tliet snin, li jiġġedded darba.
Statistika
Rakkomandazzjoni għal emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-BĊE
Fit-22 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2025/17 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-għan ewlieni biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 huwa biex jiġu indirizzati l-bidliet sinifikanti fil-ġbir, il-kompilazzjoni, id-disseminazzjoni u l-użu ta’ informazzjoni statistika mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) minħabba t-trasformazzjoni diġitali. Dawn il-bidliet wasslu għal talbiet għal informazzjoni statistika aktar tempestivi, aktar frekwenti u aktar dettaljati iżda offrew ukoll possibbiltajiet ġodda għall-ġbir aktar effiċjenti ta’ informazzjoni statistika, biex b'hekk tjiebet il-kosteffettività u ġie mminimizzat il-piż tar-rapportar.
Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea
Rapport dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro
Fil-15 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv approva l-edizzjoni ta’ Ġunju 2025 tar-rapport dwar ir-rwol internazzjonali tal-euro u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-BĊE. Ir-rapport, li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi fl-użu tal-euro minn residenti barra ż-żona tal-euro fl-2024, huwa disponibbli, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, fuq is-sit web tal-BĊE.
Risposta tal-BĊE għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-UE
Fl-4 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill Governattiv, bil-benefiċċju tal-osservazzjonijiet li rċieva minn membri tal-Kunsill Ġenerali, approva risposta tas-SEBĊ għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-integrazzjoni tas-swieq kapitali tal-UE. Ir-risposta tas-SEBĊ, li tipprovdi perspettivi dettaljati tas-SEBĊ dwar aspetti speċifiċi li jirrigwardaw is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet, in-negozjar, il-postnegozjar, l-ostakli orizzontali għall-kummerċ u l-infrastruturi tal-postnegozjar, il-ġestjoni ta’ assi u fondi, suġġetti għal konsultazzjoni dwar is-superviżjoni, kif ukoll domandi orizzontali dwar il-qafas superviżorju, hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Konformità mal-Linji Gwida Konġunti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) għall-iskambju ta’ informazzjoni relevanti għall-evalwazzjonijiet tal-kompetenza u l-idoneità
Fis-16 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex tiġi nnotifikata l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE diġà jikkonforma mal-Linji Gwida Konġunti dwar is-sistema stabbilita mill-ESAs għall-iskambju ta’ informazzjoni relevanti għall-evalwazzjoni tal-kompetenza u l-idoneità tad-detenturi ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti, diretturi u detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u parteċipanti fis-suq finanzjarju mill-awtoritajiet kompetenti (JC/GL/2024/88). Il-Linji Gwida Konġunti huma mmirati biex jistabbilixxu prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja, u biex jiżguraw l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-użu tas-sistema stabbilita mill-ESAs għall-iskambju ta’ informazzjoni msemmi qabel.
Konformità mal-Linji Gwida Konġunti tal-ESA dwar l-istima ta’ kostijiet u telf annwali aggregati kkwawżati minn inċidenti maġġuri relatati mal-ICT taħt ir-Regolament (UE) 2022/2554
Fid-19 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE għandu l-ħsieb li jikkonforma, sat-30 ta’ Novembru 2025 mal-Linji Gwida tal-EBA dwar l-istima tal-kostijiet u t-telf annwali kkawżati minn inċidenti maġġuri relatati mal-ICT taħt ir-Regolament (UE) 2022/2554 (EB/GL/2024/34).
Konformità mal-Linji Gwida tal-EBA dwar riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG)
Fit-28 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord ta' Sorveljanza biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE biħsiebu jikkonforma sal-11 ta’ Jannar 2026 mal-Linji Gwida dwar il-ġestjoni tar-riskji ESG (EBA/GL/2025/01). Dawn il-linji gwida huma mmirati biex itejbu l-identifikazzjoni, il-kejl, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tar-riskji ESG mill-istituzzjonijiet, u biex jappoġġaw is-sikurezza u s-sodezza tagħhom hekk kif ikunu kkonfrontati bl-impatt fuq żmien qasir, medju u twil tal-fatturi ESG. Dawn jinkludu rekwiżiti dwar il-proċessi interni u l-arranġamenti ta’ ġestjoni tar-riskju tal-ESH li l-istituzzjonijiet għandu jkollhom fis-seħħ, inklużi pjanijiet speċifiċi biex jiġu indirizzati r-riskji li jirriżultaw mit-tranżizzjoni u l-proċess ta’ aġġustament għall-objettivi relevanti dwar is-sostenibbiltà kif ukoll dawk legali u regolatorji.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja