Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-Latvja tissieħeb fiż-żona tal-euro

1 ta' Jannar 2014
  • L-euro jidħol fil-Latvja
  • Latvijas Banka jsir membru tal-Eurosistema

Illum l-euro ġie introdott bla xkiel fil-Latvja. Għalhekk, l-għadd ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li qegħdin jużaw il-munita unika Ewropea issa żdied għal 18 u l-Ewropej li jużaw l-istess munita żdiedu għal madwar 333 miljun ruħ.

“F’isem il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, inħossni sodisfatt li ż-żona tal-euro kompliet tikber. Il-Latvja ħadmet bis-sħiħ biex issir parti integrali mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja”, qal il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi.

Wara l-adozzjoni tal-euro mil-Latvja, Latvijas Banka, il-bank ċentrali nazzjonali tal-Latvja, sar membru tal-Eurosistema, is-sistema ta’ banek ċentrali taż-żona tal-euro li tinkludi l-Bank Ċentrali Ewropew u, mil-lum, it-18-il bank ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li adottaw l-euro. Skont l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Latvijas Banka ħallas il-bqija tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-kapital tal-BĊE u ttrasferixxa l-kontribuzzjoni tiegħu lill-assi f’riżervi barranin tal-BĊE.

L-integrazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Latvjani fis-sistema bankarja taż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2014 kienet diġà tqieset fil-pubblikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-likwidità taż-żona tal-euro u fl-allokazzjoni ta’ referenza tas-27 ta’ Diċembru 2013. Il-kontropartijiet Latvjani fl-Eurosistema se jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tas-suq miftuħ tal-Bank Ċentrali Ewropew li jitħabbru wara l-1 ta’ Jannar 2014.

Il-lista tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li jinsabu fil-Latvja li huma suġġetti għar-rekwiżiti tar-riżervi se tixxandar fil-websajt tal-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-listi tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea li adottaw l-euro. Sar ukoll provediment għal perjodu ta’ manutenzjoni tranżizzjonali bejn l-1 u l-14 ta’ Jannar 2014 biex jiġu imposti rekwiżiti ta’ riżervi minimi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Latvjani. L-assi li jinsabu fil-Latvja u li huma eliġibbli biex jintużaw bħala kollateral fl-operazzjonijiet tal-kreditu tal-Eurosistema se jiżdiedu wkoll mal-lista taż-żona tal-euro ta’ assi negozjabbli eliġibbli li tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jċempel lil Niels Bünemann, tel. +49 69 1344 6594.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja