Ħarsa ħafifa lejn il-politiki makroprudenzjali
24 ta' Mejju 2017
Xi tfisser il-kelma makroprudenzjali?
Il-prefiss ‘makro’ jindika li l-politika jew l-azzjonijiet ikollhom x’jaqsmu mas-sistema finanzjarja kollha jew ma’ partijiet sinifikanti minnha iktar milli ma’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali. Min-naħa l-oħra, il-politika superviżorja jew regolatorja għal istituzzjonijiet finanzjarji individwali hija magħrufa bħala politika mikroprudenzjali.
‘Prudenza’ hija kelma oħra għal attenzjoni u ħsieb minn qabel, u l-politika prudenzjali għandha x’taqsam ma’ azzjonijiet li jrawmu prattika soda u jillimitaw it-teħid ta’ riskji. Għalhekk il-politika makroprudenzjali qiegħda hemm biex tara li kulħadd joqgħod attent għal riskji li jistgħu jsiru sistemiċi, jiġifieri, riskji li jolqtu l-qasam finanzjarju kollu.
X’inhi l-politika makroprudenzjali u għaliex hija meħtieġa?
L-awtoritajiet makroprudenzjali josservaw is-sistema finanzjarja u jidentifikaw ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet. Joħolqu politika li tilqa’ għal riskji u vulnerabbiltajiet bħal dawn u trażżanhom biex ma jibqgħux jikbru u jinfirxu mas-sistema finanzjarja kollha.
Fi kliem ieħor, tista’ titfassal politika biex ir-riskji ma jolqtux is-sistema finanzjarja b’mod ġenerali, jiġifieri ma jsirux sistemiċi.
Riskju sistemiku jista’ mhux biss jagħmel ħsara lill-provediment ta’ prodotti u servizzi finanzjarji meħtieġa mis-sistema finanzjarja, iżda saħansitra jista’ jolqot b’mod sinifikanti t-tkabbir ekonomiku u l-benesseri tan-nies.
Dawn l-effetti nħassew fil-kriżi finanzjarja li bdiet fl-2007, meta r-reċessjoni laqtet għadd ta’ pajjiżi fl-Ewropa u ħafna banek kellhom bżonn l-għajnuna.
Għalhekk, il-politika makroprudenzjali qiegħda hemm qabelxejn biex issaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja. Jekk ikollna sistema finanzjarja stabbli u soda, inkunu f’pożizzjoni aħjar biex nilqgħu għall-iskossi u nevitaw l-agħar effetti tal-kriżijiet finanzjarji.
Eżempji ta’ riskji li jistgħu jwasslu għal riskju sistemiku
- Bżieżaq fil-prezzijiet tal-assi: il-prezzijiet ta’ assi, bħalma huma djar, jogħlew ħafna iżjed mill-valur intrinsiku tagħhom u dan iġib miegħu r-riskju li jorħsu f’daqqa u ssir ħsara fl-ekonomija
- Riskji żejda li jieħdu l-banek
- Dejn eċċessiv ta’ kumpaniji u individwi
X’jagħmlu l-awtoritajiet permezz ta’ din il-politika?
L-awtoritajiet (sikwit il-banek ċentrali) jistgħu jagħżlu minn fost bosta azzjonijiet imfasslin biex jilqgħu direttament għar-riskju.
Hekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji (tipikament il-banek) jistgħu jintalbu jwarrbu iżjed kapital biex jagħmlu tajjeb fil-każ ta’ ġrajjiet u skossi għal għarrieda.Dawn il-‘bafers’ tal-kapital jistgħu jinbidlu maż-żmien u skont id-daqs tal-istituzzjonijiet.
Dan jista’ jkun il-każ ta’ istituzzjonijiet li huma sistemikament importanti, i.e. jekk ifallu jistgħu joħolqu sensiela ta’ riperkussjonijiet fis-sistema finanzjarja kollha.
Il-politika makroprudenzjali tista’ wkoll timponi restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji billi, ngħidu aħna, tistabbilixxi kundizzjonijiet fuq is-self b’ipoteka.
Hekk, jista’ jiġi limitat l-ammont li kull min jixtri dar jista’ jissellef skont il-prezz tad-dar jew id-dħul tiegħu. Dawn il-limiti jistgħu jintużaw biex iberrdu s-suq tad-djar meta l-prezzijiet jisplodu u magħhom jogħla d-dejn marbut mas-self b’ipoteka.
Min huma l-awtoritajiet makroprudenzjali fl-UE?
- Il-Bank Ċentrali Ewropew
- Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku
- L-awtoritajiet nazzjonali nominati, jiġifieri l-banek ċentrali jew l-awtoritajiet finanzjarji superviżorji tat-28 Stat Membru tal-UE.
Daqqa t’għajn: x’inhi s-sistema finanzjarja?
Xibka ta’ interazzjonijiet
Is-sistema finanzjarja hija xibka kumplessa ta’ dipendenzi u interazzjonijiet bejn partijiet differenti.
Banek u kumpaniji tal-assigurazzjoni
Il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jaġixxu ta’ intermedjarji billi jmexxu fondi mingħand min ikun lest jislef jew jinvesti għal għand min ikun irid jissellef.
Swieq
Is-swieq finanzjarji, bħalma huma s-swieq tal-bonds u s-swieq monetarji, ukoll ilaqqgħu flimkien lil min jislef ma’ min jissellef.
Sistemi ta’ ħlas
Fl-istess waqt, is-sistemi ta’ ħlas u saldu ta’ titoli, il-vini tas-swieq finanzjarji, jiggarantixxu li l-flus u l-assi finanzjarji jiċċaqalqu b’sigurtà.