Għaliex bħalissa l-inflazzjoni hija daqshekk għolja?
16 ta’ Novembru 2021
Forsi innotajt li l-għoti ta’ fjuwil lill-karozza tiegħek, li tmur għand il-parrukkier u x-xiri għand tal-merċa saru aktar għaljin dan l-aħħar. Filwaqt li xi affarijiet huma irħas minn sena ilu, b’mod ġenerali aħna qed inħallsu aktar għal dak li nixtru. Din tissejjaħ inflazzjoni.
Għaliex il-prezzijiet qed jogħlew b’rata aktar mgħaġġla minn qabel?
Wara snin ta’ inflazzjoni baxxa ħafna, f’Awwissu, Settembru u Ottubru 2021, l-inflazzjoni laħqet l-ogħla livell tagħha fi 13-il sena. Dan qed jiġri għal tliet raġunijiet ewlenin: l-ekonomija tagħna qed terġa’ tinfetaħ malajr, prezzijiet ogħla tal-enerġija qed igħollu l-inflazzjoni, u xi ħaġa li l-istatistika jsejħu "l-effett bażi".
L-ekonomija tagħna qed terġa’ tinfetaħ malajr
L-ekonomija tagħna qed terġa’ tinfetaħ malajr hekk kif jitneħħew aktar u aktar restrizzjonijiet. In-nies bdew jivvjaġġaw mill-ġdid u jmorru fir-ristoranti. Huma qed jixtru aktar, jonfqu xi ftit mill-flus li ma setgħux jonfqu matul il-lockdowns. Meta ekonomija tkun qed tikber, in-negozji jsibuha aktar faċli li jgħollu l-prezzijiet mingħajr ma jitilfu l-klijenti. Dan hu dak li qed naraw illum. Madankollu, eventwalment, in-nies se jkunu laħħqu mal-konsum tal-oġġetti u s-servizzi li huma warrbu matul il-pandemija.
Imma mhux kollox qed jimxi bl-istess pass. Il-kumpaniji qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mad-domanda li qed tiżdied b’mod rapidu hekk kif jibnu mill-ġdid il-ktajjen tal-provvista li ntlaqtu ħażin mill-pandemija. Sfidi bħal nuqqas ta’ kontejners tat-trasport bil-baħar ifissru li t-trasport tal-merkanzija sar aktar diffiċli u aktar għali. Aktar ma jdumu dawn id-diffikultajiet, aktar ikun probabbli li l-kumpaniji jgħaddu dawn l-ispejjeż lill-klijenti tagħhom fil-forma ta’ prezzijiet ogħla.
Il-pandemija biddlet ukoll il-mod kif ngħixu u naħdmu, u għalhekk l-affarijiet li neħtieġu. Il-konsumaturi qed jixtru aktar minn ċerti prodotti, bħall-elettronika u l-provvisti ta’ titjib fid-dar, milli kienu ppjanaw il-kumpaniji li jbigħu dawn il-prodotti. Partijiet importanti bħas-semikondutturi huma f’daqqa waħda diffiċli biex jinkisbu. Meta l-kumpaniji ma jistgħux ilaħħqu mal-pass li bih in-nies jixtiequ jixtru l-affarijiet, il-prezzijiet jogħlew. Dan huwa dak li l-ekonomisti jsejħu l-“liġi tal-provvista u d-domanda”.
Se jieħu ftit taż-żmien, iżda dan l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda gradwalment se jispiċċa, hekk kif il-kumpaniji jipproduċu aktar mikroċipep u jibnu bastimenti ġodda.
Prezzijiet ogħla tal-enerġija qed jgħollu l-inflazzjoni
Iż-żejt, il-gass u l-elettriku saru aktar għaljin madwar id-dinja. Ħafna fatturi jinfluwenzaw il-prezzijiet tal-enerġija: inqas riħ fir-Renju Unit kien ifisser li l-imtieħen tar-riħ baqgħu wieqfa, in-nixfiet fil-Brażil wasslu għal inqas enerġija mid-digi, u x-xitwa kiesħa tas-sena li għaddiet ħallietna b’riżervi aktar baxxi taż-żejt u l-gass. Flimkien mad-domanda dejjem tikber, dan wassal biex il-prezzijiet jogħlew malajr. Minħabba li parti kbira mill-ispejjeż tal-kumpaniji u tan-nies huma relatati mal-enerġija, il-prezz taż-żejt, tal-gass u tal-elettriku dan huwa importanti ħafna għall-inflazzjoni ġenerali: nofs iż-żieda riċenti fl-inflazzjoni kienet dovuta għal prezzijiet ogħla tal-enerġija. Peress li huma influwenzati minn tant affarijiet, mhuwiex normali li l-prezzijiet tal-enerġija jimxu ‘l fuq u ‘l isfel ħafna.
L-inflazzjoni hija għolja llum minħabba li s-sena l-oħra kienet tant baxxa
Biex inkejlu l-inflazzjoni, inqabblu kif il-prezzijiet jinbidlu minn sena għall-oħra. Il-prezzijiet kienu eċċezzjonalment baxxi fl-ogħla livell tal-pandemija s-sena l-oħra, parzjalment minħabba tnaqqis fit-taxxa tal-bejgħ tal-Ġermanja. It-tqabbil tal-prezzijiet ogħla tal-lum ma’ dawk il-livelli baxxi ħafna jfisser li d-differenzi se jidhru kbar. Dan jissejjaħ bħala l-“effett bażi” u se jgħib pjuttost malajr.
Allura x’se jiġri mill-inflazzjoni sena d-dieħla?
Nistennew li l-inflazzjoni tonqos matul l-2022. Il-provvista se tlaħħaq gradwalment mad-domanda, is-swieq jantiċipaw li l-prezzijiet tal-enerġija se jonqsu s-sena d-dieħla, u l-effetti bażi se jonqsu mit-tqabbil annwali tal-prezzijiet użat biex titkejjel l-inflazzjoni.
Madankollu, minħabba li l-pandemija kienet bla preċedent fi żminijiet moderni, dan l-irkupru jista’ jkun ukoll differenti. Jista’ jieħu aktar fit-tul biex jissewwa t-tfixkil enormi fil-ktajjen tal-provvista. Il-prezzijiet tal-enerġija jistgħu jkomplu jiżdiedu, anki minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika.
Qegħdin inżommu wkoll għajnejna mill-qrib fuq il-pagi għax il-prezzijiet u l-pagi jinfluwenzaw lil xulxin. L-impjegati u l-unions bħalissa qed jitolbu għal żidiet fil-pagi biex jikkumpensaw għal spejjeż ogħla tal-ħajja. Dan hu normali. Iżda jekk il-pagi jkomplu jiżdiedu, in-negozji jistgħu jirkupraw l-ispejjeż ogħla tagħhom billi jgħollu l-prezzijiet, u dan jgħolli l-prezzijiet saħansitra aktar. Jekk in-nies u n-negozji jibdew jistennew li ddum iktar l-inflazzjoni ogħla, l-inflazzjoni attwali tista’ tiżdied ukoll. L-ekonomisti jsejħu dan “it-tieni effett”. Madankollu, s’issa għadna ma rajnax żieda kbira fil-pagi.
X’jista’ jagħmel il-BĊE dwar dan kollu?
Aħna fiduċjużi li l-inflazzjoni se tonqos matul l-2022. Peress li l-politika monetarja taħdem b’xi dewmien, ma tistax tgħin kontra żidiet għal ftit fil-prezzijiet. Li t-teħid ta’ self aktar għali fi żmien meta kontijiet ogħla tal-enerġija u tal-fjuwil qed jagħsru d-dħul tan-nies u l-profitti tal-kumpaniji joħoloq ostakoli mhux ġustifikati għall-irkupru.
U, rati tal-imgħax ogħla mhux se jsolvu l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda, il-prezzijiet tal-enerġija u l-effetti bażi li bħalissa qed iżidu l-prezzijiet: mhux se jagħmlu aktar kontenituri marittimi disponibbli jew jagħtu spinta lill-provvisti ta’ semikondutturi u fjuwil. Iżda l-politika monetarja tista’ tiżgura li l-prezzijiet ma jogħlewx b’mod permanenti b’pass daqshekk mgħaġġel. Għalhekk qed neżaminaw bir-reqqa l-prospetti għall-inflazzjoni matul is-snin li ġejjin.
Il-missjoni tagħna fil-BĊE hija li nżommu l-prezzijiet stabbli, li jfisser li qed nimmiraw lejn inflazzjoni ta’ 2% fuq perjodu medju ta’ żmien. Dan jibbenefika lin-nies fiż-żona tal-euro kollha: il-prezzijiet stabbli jgħinu biex jiġi żgurat li l-ekonomija qed tikber, l-impjiegi jkunu siguri u tista’ tħossok kunfidenti li l-flus f’butek se jkunu jiswew bejn wieħed u ieħor l-istess għada bħal-lum.