31 ta’ Jannar 2025
- Motifi magħżula mill-BĊE bbażati fuq iż-żewġ temi possibbli għall-karti tal-flus il-ġodda: “Il-kultura Ewropea: spazji kulturali kondiviżi" u "Xmajjar u għasafar: ir-reżiljenza fid-diversità"
- Id-deċiżjoni hija msawra fuq proċess inklussiv li jinvolvi l-feedback minn stħarriġ pubbliku u minn gruppi ta’ esperti.
- Fl-2025, il-BĊE se jniedi konkors għad-disinji li se jippermetti lill-Kunsill Governattiv jagħżel id-disinji finali fl-2026
- L-ewwel karti tal-flus ġodda se jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni diversi snin wara d-deċiżjoni finali dwar id-disinji u wara l-proċess tal-produzzjoni
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għażel motifi biex juri ż-żewġ temi possibbli għall-karti tal-flus tal-euro futuri. “Il-kultura Ewropea” tiffoka fuq spazji kulturali komuni u Ewropej prominenti. “Xmajjar u għasafar” tiffoka fuq ir-reżiljenza u d-diversità tad-dinja naturali, ikkomplementata mill-istituzzjonijiet Ewropej.
Id-deċiżjoni bbenefikat mis-suġġerimenti pprovduti minn żewġ gruppi konsultattivi multidixxiplinari minn madwar iż-żona tal-euro u hija konsistenti mal-preferenzi fuq it-temi espressi minn aktar minn 365,000 Ewropew fi stħarriġiet pubbliċi li saru fis-sajf tal-2023 u fi gruppi ta’ fokus li saru bejn Diċembru 2021 u Marzu 2022.
“Aħna eċċitati li qegħdin nippreżentaw dawn il-motifi ta’ ħajja reali li jirriflettu l-impenn tagħna lejn l-Ewropa u li jfakkru fil-wirt kulturali u fl-ambjent naturali tagħha,” qalet il-President tal-BĊE, Christine Lagarde. “Il-karti tal-flus il-ġodda se jissimbolizzaw l-identità Ewropea komuni tagħna u d-diversità li tagħmilna b’saħħitna.”
Il-kultura Ewropea: spazji kulturali kondiviżi
“Il-kultura Ewropea” tiċċelebra l-ispazji kulturali kondiviżi li sawru l-identità Ewropea matul is-sekli. Il-motifi għal din it-tema juru diversi attivitajiet u spazji kulturali, u personalitajiet Ewropej ikoniċi li kkontribwew għall-bini tal-wirt kulturali tal-Ewropa. Il-ħajjiet tagħhom ikopru sitt sekli, li matulhom għexu, vjaġġaw u ħadmu madwar il-kontinent tagħna, u dak li wettqu baqa’ jidwi madwar id-dinja.
Tabella 1
Il-kultura Ewropea
Xmajjar u għasafar: ir-reżiljenza fid-diversità
“Xmajjar u għasafar” tenfasizza r-reżiljenza u d-diversità tal-ekosistemi naturali tal-Ewropa billi turi stadji differenti ta’ xmajjar u diversi speċijiet ta’ għasafar, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tan-natura u tal-ambjent. L-istituzzjonijiet Ewropej li jidhru fuq il-karti tal-flus ifakkruna fil-valuri fundamentali tal-proġett Ewropew, li jħaddan ukoll il-ħarsien tal-ambjent.
Il-motifi magħżula huma:
Tabella 2
Xmajjar u għasafar
Il-passi li jmiss
Fl-2025, il-BĊE se jistabbilixxi ġurija u se jniedi konkors tad-disinn, li se jkun miftuħ għal disinjaturi minn madwar l-Unjoni Ewropea. Il-BĊE se jibqa’ jinvolvi lill-pubbliku u lill-esperti biex jiżgura li l-Ewropej ta’ kull età jkunu jistgħu jirrelataw mad-disinji magħżula. Fl-2026, il-BĊE se jistaqsi lill-pubbliku dwar liema disinji jippreferu abbażi ta' lista qasira.
“Qed niżviluppaw karti tal-flus ġodda għaliex aħna għandna impenn għall-flus kontanti issa u fil-futur. Il-karti tal-flus huma simbolu tal-għaqda Ewropea tagħna u bil-motifi l-ġodda, niċċelebraw l-istorja komuni tagħna u l-impenn għal futur sostenibbli,” qal il-membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, Piero Cipollone.
Il-Kunsill Governattiv huwa mistenni jieħu d-deċiżjoni finali dwar id-disinji fl-2026. Il-karti tal-flus il-ġodda se jkunu lesti biex jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni xi snin wara din id-deċiżjoni u wara l-proċess tal-produzzjoni.
Għal mistoqsijiet mill-media, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Belén Pérez Esteve, tel.: +49 173 533 4269 jew lil Alessandro Speciale, tel. +49 172 167 0791.
Noti
- Huwa d-dmir tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro li jiżguraw li l-karti tal-flus tal-euro jibqgħu mezz ta' ħlas innovattiv, sigur u effiċjenti. L-iżvilupp regolari ta' serje ġdida ta' karti tal-flus hija prattika standard għall-banek ċentrali kollha. F'dinja fejn it-teknoloġiji tar-riproduzzjoni tal-karti tal-flus qed jevolvu b'mod rapidu u l-falsifikaturi jistgħu jaċċessaw faċilment l-informazzjoni u l-materjali, huwa meħtieġ li jinħarġu karti tal-flus ġodda fuq bażi regolari. Lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà, il-BĊE huwa impenjat li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, filwaqt li jagħmilhom aktar relatabbli u inklużivi għall-Ewropej ta' kull età u sfond, inklużi gruppi vulnerabbli bħall-persuni b'vista batuta. Għal aktar informazzjoni, ara l-paġna tal-karti tal-flus futuri.
- It-tema attwali tal-karti tal-flus tal-euro hija “Żminijiet u stili” u l-motifi ewlenin fuq kull karta tal-flus huma twieqi, bibien u pontijiet ibbażati fuq stili arkitettoniċi minn diversi perjodi fl-istorja tal-Ewropa. Għal aktar informazzjoni, ara l-paġna tal-elementi tad-disinn tal-karti tal-flus.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja