Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

17 ta' Ottubru 2024

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li titnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha l-Kunsill Governattiv jidderieġi l-pożizzjoni tal-politika monetarja – hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti u l-qawwa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. L-informazzjoni li daħlet dwar l-inflazzjoni turi li l-proċess diżinflazzjonarju miexi sew. Il-prospettiva tal-inflazzjoni hija affettwata wkoll minn sorpriżi ta’ tnaqqis reċenti fl-indikaturi tal-attività ekonomika. Sadanittant, il-kundizzjonijiet tal-finanzjament jibqgħu restrittivi.

L-inflazzjoni hija mistennija li tiżdied fix-xhur li ġejjin, qabel ma tonqos għall-mira matul is-sena d-dieħla. L-inflazzjoni domestika tibqa’ għolja hekk kif il-pagi għadhom jogħlew b’ritmu elevat. Fl-istess ħin, il-pressjonijiet tal-kost lavorattiv huma mistennija li jkomplu jbattu gradwalment, bil-profitti jtaffu parzjalment l-impatt tagħhom fuq l-inflazzjoni.

Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu fuq żmien medju ta’ 2% b’mod f’waqtu. Se jżomm ir-rati tal-politika restrittivi biżżejjed għal kemm ikun meħtieġ sabiex tinkiseb din il-mira. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ dipendenti mid-data u fuq bażi ta’ laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-livell xieraq u t-tul taż-żmien tat-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tiegħu dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u l-qawwa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qiegħed jintrabat bil-quddiem dwar xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità tas-self marġinali se jitnaqqsu għal 3.25%, 3.40% u 3.65% rispettivament, b'effett mit-23 ta’ Ottubru 2024.

Programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-portafoll tal-APP qiegħed jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, peress li l-Eurosistema m’għadhiex tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali kollha mit-titoli li jimmaturaw.

L-Eurosistema m’għadhiex tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali kollha mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP, biex b’hekk il-portafoll tal-PEPP qiegħed jonqos b’medja ta’ €7.5 biljun fix-xahar. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024.

Il-Kunsill Governattiv għalhekk se jkompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li jsiru dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Hekk kif il-banek qegħdin iħallsu lura l-ammonti li ssellfu taħt l-operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament għal żmien itwal, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet immirati ta’ self u l-ħlas lura kontinwu tagħhom qegħdin jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu għal żmien medju u li jippreżerva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument tal-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex ipatti għal dinamiċi tas-suq mhux ġustifikati u diżordinati li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, biex b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal- prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha dwar ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda llum fis-14:45 CET.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja