- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
11 ta' April 2024.
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. L-informazzjoni li qed tasal ikkonfermat b’mod estensiv il-valutazzjoni preċedenti tal-Kunsill Governattiv tal-perspettiva tal-inflazzjoni fuq żmien medju. L-inflazzjoni kompliet tonqos, xprunata minn inflazzjoni iktar baxxa fil-prezzijiet tal-ikel u tal-oġġetti. Ħafna mill-miżuri tal-inflazzjoni prinċipali qegħdin jintreħew, it-tkabbir fil-pagi qiegħed jiġi mmoderat gradwalment, u d-ditti qegħdin jassorbu parti miż-żieda fil-kostijiet lavorattivi fil-profitti tagħhom. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament jibqgħu restrittivi u ż-żidiet fir-rati tal-imgħax fl-imgħoddi jibqgħu jagħmlu pressjoni fuq id-domanda, u dan qed jgħin biex titnaqqas l-inflazzjoni. Madankollu, il-pressjonijiet fuq il-prezzijiet domestiċi għadhom b’saħħithom u qegħdin iżommu l-inflazzjoni fil-prezzijiet tas-servizzi għolja.
Il-Kunsill Governattiv huwa determinat li jiżgura li l-inflazzjoni tirritorna għall-mira tiegħu fuq perjodu ta’ żmien medju ta’ 2 %, f’waqtha. Jikkunsidra li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE huma f’livelli li qegħdin jagħmlu kontribut sostanzjali lejn il-proċess ta’ disinflazzjoni kontinwu. Id-deċiżjonijiet futuri tal-Kunsill Governattiv se jiżguraw li r-rati tal-politika tagħna jibqgħu restrittivi biżżejjed għal sakemm ikun hemm bżonn. Li kieku l-valutazzjoni aġġornata tal-Kunsill Governattiv tal-ħarsa ġenerali dwar l-inflazzjoni, id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali u s-saħħa tat-trasmissjoni tal-politika monetarja kellha żżid ulterjorment il-fiduċja tagħha li l-inflazzjoni qiegħda tikkonverġi għall-mira b’mod sostnut, jidher li jkun xieraq li l-livell attwali ta’ restrizzjoni tal-politika monetarja jitnaqqas. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ dipendenti fuq id-dejta u bbażat fuq laqgħa-laqgħa biex jiddetermina l-livell xieraq u d-durata tar-restrizzjoni, u mhuwiex qed jikkommetti minn qabel għal direzzjoni ta’ rata partikolari.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati ta’ mgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u fuq il-faċilità tad-depożitu sejrin jibqgħu l-istess f’4.50%, 4.75% u 4.00% rispettivament.
Programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)
Il-portafoll tal-APP qiegħed jonqos b’pass meqjus u prevedibbli, hekk kif l-Eurosistema mhux qed tinvesti mill-ġdid il-pagamenti tal-kapital mit-titoli li jimmaturaw.
Il-Kunsill Governattiv beħsiebu jkompli jinvesti mill-ġdid, bis-sħiħ, il-pagamenti tal-kapital minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP matul l-ewwel nofs tal-2024. Matul it-tieni nofs tas-sena, beħsiebu jnaqqas il-portafoll tal-PEPP b’€7.5 biljun fix-xahar bħala medja. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024.
Il-Kunsill Governattiv se jkompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni relatati mal-pandemija.
Operazzjonijiet ta rifinanzjament
Hekk kif il-banek qegħdin iħallsu lura l-ammonti li sselfu taħt l-operazzjonijieti mmirati ta’ rifinanzjament għal żmien itwal, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolament kif l-operazzjonijiet ta’ self u r-ripagament kontinwu tagħhom qegħdin jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.
***
Il-Kunsill Governattiv huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju u li jippreżerva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni ta’ Trasmissjoni huwa disponibbli sabiex jiġġieled dinamiċi tas-suq mhux ġustifikati u mhux kif mixtieqa li joħolqu theddida serja għat-trasmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv jikseb riżultati b’mod effettiv fuq il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se jagħti l-fehmiet tiegħu fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja