- Bi qbil mal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew, is-sistema tar-rotazzjoni tal-votazzjoni se tibda mill-1 ta’ Jannar 2015
- Il-Gvernatur tal-bank ċentrali ta’ Spanja se jkun tal-ewwel li jirrinunzja għad-dritt tal-vot fl-ewwel grupp
- Il-Gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Estonja, l-Irlanda u l-Greċja se jkunu tal-ewwel li jirrinunzjaw għad-dritt tal-vot fit-tieni grupp
- Il-punt tat-tluq tar-rotazzjoni tal-votazzjoni ġie deċiż permezz ta’ polza
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum iddeċieda, permezz ta’ polza, liema Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali se jkunu tal-ewwel li jirrinunzjaw għad-dritt tal-vot meta s-sistema ta’ rotazzjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015. Ir-riżultat tal-polza kien li l-Gvernatur tal-bank ċentrali ta’ Spanja fl-ewwel grupp u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Estonja, l-Irlanda u l-Greċja fit-tieni grupp se jirrinunzjaw għad-dritt tal-vot f’Jannar 2015. Fl-1 ta’ Frar 2015, fl-ewwel grupp, il-Gvernatur tal-bank ċentrali ta’ Spanja jerġa’ jikseb id-dritt tal-vot filwaqt li l-Gvernatur tal-bank ċentrali ta’ Franza jirrinunzja għad-dritt tiegħu. Fit-tieni grupp, il-Gvernatur tal-bank ċentrali tal-Estonja jerġa’ jikseb id-dritt tal-vot filwaqt li l-Gvernatur tal-bank ċentrali ta’ Ċipru tirrinunzja għad-dritt tagħha. Il-polza ttellgħet fil-preżenza tal-membri kollha tal-Kunsill Governattiv, bil-Gvernatur tal-bank ċentrali tal-Litwanja bħala osservatur.
Spjegazzjoni fil-qosor tas-sistema ta’ rotazzjoni
Sabiex jiġi żgurat li l-BĊE jkun jista’ jkompli jieħu deċiżjonijiet b’mod effiċjenti, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda fl-2003 li jintroduċi sistema ta’ rotazzjoni tal-votazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE meta l-għadd ta’ Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali fil-Kunsill Governattiv jaqbeż it-18. Dan se jkun il-każ meta l-Litwanja tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2015.
Minħabba r-rotazzjoni tad-dritt għall-vot, se jinħolqu żewġ gruppi ta’ pajjiżi skont id-daqs tal-ekonomiji tagħhom. Il-Gvernaturi fiż-żewġ gruppi se jżommu d-dritt tal-vot skont kif imisshom.
Il-Gvernaturi kollha se jkomplu jieħdu sehem fil-laqgħat u d-diskussjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
Għal spjegazzjoni b’iżjed dettalji tas-sistema ta’ rotazzjoni ara:
- L- artiklu relatat fil-Bullettin tax-Xahar tal-BĊE (en);
- Il- mistoqsijiet li jsiru sikwitu
- Ħarsa ġenerali lejn l-iskeda sħiħa għall-2015 (en)
Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ċempel lil William Lelieveldt (+49 69 1344 7316).