Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2006

8 ta' Marzu 2007

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2006.

Il-BĊE għamel qligħ ta’ €1,379 miljun fl-2006. Dan ir-riżultat jipparaguna ma’ qligħ ta' €992 miljun fl-2005. Bħall-2005, ammont ekwivalenti għall-qligħ twarrab bħala provvediment kontra r-riskji tar-rata tal-kambju barrani, tar-rata ta’ l-imgħax u tal-prezz tad-deheb, u ħalla qligħ nett dikjarat ta’ eżattament xejn. Il-provvediment se jintuża biex jagħmel tajjeb għal telf minħabba l-iskopertura għal dawn ir-riskji, b’mod partikolari t-telf minħabba valutazzjonijiet mhux kopert mill-kontijiet ta’ rivalutazzjoni. Id-daqs tal-provvediment se jiġi rivedut kull sena.

Id-dħul regolari tal-BĊE ġej primarjament minn qligħ fuq l-investimenti ta’ assi f’valuta barranija u l-kapital imħallas tiegħu ta’ €4.1 biljun, u minn dħul ta’ imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% tal-karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-2006, id-dħul mill-imgħax żdied, minħabba żieda fir-rata marġinali għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ l-Eurosistema, li tiddetermina r-remunerazzjoni li l-BĊE jirċievi fuq is-sehem tiegħu ta’ karti tal-flus ta’ l-euro fl-Eurosistema, u minħabba r-rati ogħla ta’ l-imgħax fuq assi denominati f’dollari Amerikani.

Il-BĊE kellu dħul totali nett mill-imgħax ta’ €1,972 miljun mis-sorsi kollha, mqabbel ma’ €1,270 miljun fl-2005. Id-dħul nett mill-imgħax ammonta għal €653 miljun, imqabbel ma’ €402 miljun fl-2005jekk wieħed jeskludi d-dħul mill-imgħax ta’ €1,319 miljun fuq is-sehem tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni. Il-BĊE ħallas remunerazzjoni ta’ €965 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) fuq il-krediti tagħhom fir-rigward ta’ l-assi ta’ riżervi barranin trasferiti minnhom lill-BĊE.

Fl-2006, l-apprezzament ta’ l-euro fil-konfront tal-yen Ġappuniż irriżulta fi tnaqqis fil-valur ta’ l-euro ta’ l-investimenti tal-BĊE ta’ assi denominati f’yen ta’ xi €0.6 biljun, li ddaħħlu bħala spiża fil-Kont tal-Qligħ u t-Telf. Meta wieħed jinkludi t-telf mhux realizzat fil-prezz tat-titoli, it-tnaqqis totali ta’ €0.7 biljun jidher bħala spiża f’dik is-sena.

L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE għall-istaff, kera tal-bini, drittijiet professjonali u prodotti u servizzi oħra ammontaw għal €332 miljun (€316 fl-2005). Fl-aħħar ta’ l-2006, il-BĊE impjega l-ekwivalenti ta’ 1,367 staff full-time b’kuntratti fissi jew permanenti (inklużi 138 f’livelli maniġerjali) meta mqabbla ma’ 1,351 fis-sena ta’ qabel. L-ispejjeż tad-deprezzament fuq l-assi fissi ammontaw għal €29 miljun.

Il-Kontijiet Annwali se jiġu ppubblikati, fir-Rapport Annwali tal-BĊE fit-23 ta’ April 2007, flimkien mar-rapport ta’ l-amministrazzjoni għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2006.

Noti għall-edituri

  1. Politika tal-kontabilità tal-BĊE: Ġiet stabbilita politika komuni ta’ kontabilità mill-Kunsill Governattiv għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skond l-Artikolu 26.4 ta’ l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), u ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. [1] Għalkemm ibbażata ġeneralment fuq prassi aċċettata internazzjonalment, din il-politika ġiet imfassla bi ħsieb speċjali dwar iċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali ta’ l-Eurosistema. Dawn jagħtu attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza minħabba li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-banek ċentrali għandhom riskji kbar mill-kambju. Dan l-atteġġament prudenti japplika b’mod partikolari għat-trattament differenti ta’ qligħ u telf mhux realizzati għal għanijiet ta’ għarfien ta’ dħul, u għall-projbizzjoni kontra l-kitba ta’ telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi kontra qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Qligħ mhux realizzat jiġi trasferit direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni, waqt li telf mhux realizzat fl-aħħar tas-sena li jkun ikbar mill-bilanċ tal-kont tar-rivalutazzjoni jitqies bħala spiża. Il-BĊN kollha għandhom jimxu fuq din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Eurosistema, li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ l-Eurosistema ta’ kull ġimgħa. B’mod volontarju, l-BĊN kollha japplikaw bejn wieħed u ieħor l-istess politika bħal ma jagħmel il-BĊE, meta jħejju r-rapporti finanzjarji annwali tagħhom.
  2. Remunerazzjoni ta’ assi ta’ riżervi barranin traferiti lill-BĊE: Kull BĊN akkwista kreditu remunerat kontra l-BĊE ekwivalenti għall-valur ta’ l-ammont ta’ assi ta’ riżervi barranin li ttrasferixxa lill-BĊE meta ngħaqad ma’ l-Eurosistema. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dawn il-krediti għandhom jiġu denominati f’euro, u għandhom jiġu remunerati kuljum bl-aħħar rata marġinali disponibbli għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament ta’ l-Eurosistema, aġġustati għar-rata ta’ qligħ li kienet żero fuq il-komponent tad-deheb. Fl-2006 din ir-remunerazzjoni tat spiża ta’ imgħax ta’ madwar €965 miljun, mqabbla mad-dħul nett ta’ imgħax ta’ €1,318 miljun li daħal fuq l-assi ta’ riżervi barranin.
  3. Distribuzzjoni tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni: Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, mill-2006, dan id-dħul ikun dovut lill-BĊN fis-sena finanzjarja meta jkun dovut, iżda għandu jiġi mqassam fit-tieni jum tax-xogħol tas-sena ta’ wara. [2] Dan jitqassam kollu kemm hu sakemm il-qligħ nett tal-BĊE għas-sena ma jkunx inqas mid-dħul fuq il-karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Dan ta’ l-aħħar kien il-każ fl-2006, minħabba d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jagħmel trasferimenti favur il-provvediment għar-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata ta’ l-imgħax u tal-prezz tad-deheb. Abbażi tar-riżultat finanzjarju stmat mill-BĊE għal dik is-sena, f’Diċembru 2006 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dan id-dħul kollu m’għandux jitqassam.
  1. [1] Deċiżjoni BĊE/2002/11 tal-5 ta’ Diċembru 2002 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew, ĠU L 58, 3.3.2003, p.38, kif emendata. B’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007, din id-Deċiżjoni ġiet revokata u sostitwita bid-Deċiżjoni BĊE/2006/17, ĠU L 348, 11.12.2006, p.38.

  2. [2] Deċiżjoni BĊE/2005/11 tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar id-distribuzzjoni tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri parteċipanti, ĠU L 311, 26.11.2005, p. 41. Din id-Deċiżjoni rrevokat id-Deċiżjoni BĊE/2002/9.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja