Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Diċembru 2014
Komunikazzjoni esterna
Rapporti pubbliċi tad-deliberazzjonijiet dwar il-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv
Fis-16 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jippubblika rapporti b’mod regolari fuq id-diskussjonijiet dwar il-politika monetarja mil-laqgħa tat-22 ta’ Jannar 2015. Aktar dettalji dwar ir-raġunijiet u l-istruttura ta’ dawn ir-rapporti jinsabu fi stqarrija għall-istampa li tinsab fil-websajt tal-BĊE. Sabiex jirrifletti ċ-ċiklu l-ġdid ta’ sitt ġimgħat tal-laqgħat dwar il-politika monetarja li jibda f’Jannar 2015, skont id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tat-3 ta’ Lulju 2014, il-BĊE ħabbar ukoll li minn issa ’l quddiem se jibda jiġi ppubblikat Bullettin Ekonomiku ġdid ġimagħtejn wara kull laqgħa. Il-Bullettin Ekonomiku se jieħu post il-Bullettin tax-Xahar tal-BĊE.
Operazzjonijiet tas-suq
Emendi għar-Regolamenti biex jirriflettu l-estensjoni tal-perjodu taż-żamma tar-riżervi għal sitt ġimgħat
Fl-10 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2014/52 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9) u r-Regolament BĊE/2014/51 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1071/2013 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/33). Ir-Regolamenti ġew emendati wara li fit-3 ta’ Lulju 2014 il-Kunsill Governattiv kien ħa d-deċiżjoni li mill-1 ta’ Jannar 2015 il-laqgħat tiegħu dwar il-politika monetarja jibdew isiru kull sitt ġimgħat minflok kull erba’ ġimgħat u li għalhekk il-perjodi taż-żamma tar-riżervi jiġu estiżi minn erba’ ġimgħat għal sitt ġimgħat. Iż-żewġ Regolamenti se jiġu ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Kalendarju tal-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal fl-2015
Fl-10 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-kalendarju tal-erba’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs) li għandhom isiru fl-2015. Il-kalendarju ġie ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.
Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq
Tagħrif aġġornat dwar il-correspondent central banking model (CCBM)
Fis-17 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv approva ktejjeb aġġornat bl-isem CCBM procedures for Eurosystem counterparties (Proċeduri tal-mudell korrispondenti tal-attività bankarja ċentrali għall-kontropartijiet tal-Eurosistema). L-aġġornament jirrifletti fost l-oħrajn it-tkabbir taż-żona tal-euro bis-sħubija tal-Litwanja. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll it-trasferiment tat-tagħrif tekniku dettaljat mill-ktejjeb tas-CCBM għal dokument ġdid bl-isem CCBM information for counterparties – summary of legal instruments used in the euro area (Tagħrif tas-CCBM għall-kontropartijiet – ġabra fil-qosor tal-istrumenti legali li jintużaw fiż-żona tal-euro). Dan id-dokument se jiġi aġġornat minn żmien għal żmien. Il-ktejjeb u d-dokument il-ġdid se jiġu ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fl-1 ta’ Jannar 2015.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani fir-rigward tal-għoti ta’ poteri ddelegati u implimentattivi lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri
Fil-5 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/84 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Opinjoni tal-BĊE dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratti ta’ self għall-konsumaturi fl-Ungerija
Fit-8 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/85 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-emendi għal-liġi dwar il-garanzija ta’ depożiti tal-banek fil-Bulgarija
Fid-9 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/86 wara talba minn Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija).
Opinjoni tal-BĊE dwar il-konverżjoni ta’ self f’munita barranija fl-Ungerija
Fis-16 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/87 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta’ kreditu fl-Estonja
Fis-17 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/88 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Estonja.
Statistika
Regolament tal-BĊE dwar l-istatistika tas-swieq monetarji
Fis-26 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2014/48 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji. Ir-Regolament, li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015, ġie ppubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinsab fil-websajt tal-BĊE.
Regolament tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-istatistika għall-korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni
Fit-28 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2014/50 dwar ir-rekwiżiti ta’ rappurtar statistiku għal korporazzjonijiet tal-assigurazzjoni. Dan ir-Regolament se jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinsab fil-websajt tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Qafas tal-etika rivedut għall-istaff tal-BĊE u twaqqif ta’ Uffiċċju tal-BĊE għall-Konformità u l-Governanza
Fis-27 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/NP24 li temenda l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Żmien Qasir fir-rigward tal-qafas tal-etika. Id-Deċiżjoni ttejjeb id-dispożizzjonijiet tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg li għandhom x’jaqsmu mal-etika sabiex jitqiesu l-kompiti superviżorji ġodda mwettqin mill-BĊE. Fl-istess jum, il-Kunsill Governattiv ħa nota wkoll tat-twaqqif ta’ Uffiċċju tal-BĊE għall-Konformità u l-Governanza li se jgħin il-Bord Eżekuttiv fil-ħarsien tal-integrità u r-reputazzjoni tal-BĊE, iħeġġeġ standards etiċi ta’ mġiba u jsaħħaħ ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-BĊE. L-Uffiċċju għall-Konformità u l-Governanza ( Compliance and Governance Office – CGO) se jibda jaħdem mill-1 ta’ Jannar 2015, id-data li fiha jidħol fis-seħħ il-qafas tal-etika rivedut għall-istaff tal-BĊE. Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg emendati ma jdumux ma jiġu ppubblikati fil-websajt tal-BĊE.
President tal-Kumitat tas-Sistemi ta’ Ħlas u Saldu fil-kompożizzjoni tiegħu ta’ non-sorveljanza
Fit-3 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Marc Bayle, Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-BĊE għall-Infrastruttura tas-Suq u Ħlasijiet, bħala President tal-Kumitat tal-Eurosistema/SEBĊ tas-Sistemi ta’ Ħlas u Saldu (PSSC) fil-kompożizzjoni tiegħu ta’ non-sorveljanza mill-1 ta’ Jannar 2015. Il-mandat ta’ Bayle bħala President tal-PSSC jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2016, biex jaqbel ma’ tmiem il-mandati tal-presidenti tal-kumitati l-oħra kollha tal-Eurosistema/SEBĊ li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fis-17 ta’ Lulju 2013. Bayle se jaġixxi wkoll bħala President interim tal-Bord T2S għax-xahar ta’ Jannar 2015.
Affarijiet dwar kontabilità, rappurtar finanzjarju u dħul monetarju
Fil-15 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li t-titoli mixtrija fl-ewwel u t-tieni programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP1 u CBPP2) u l-Programm tas-Swieq tat-Titoli għandhom jibqgħu jidħlu fil-kontijiet b’kost amortizzat (suġġett għal indeboliment) iżda se jiddaħħlu f’kategorija ġdida ta’ assi li għaliha tapplika l-iskema b’kost amortizzat (suġġett għal indeboliment) hu x’inhu l-għan li għalih jinżammu t-titoli. Il-Kunsill Governattiv ikkonferma wkoll li jekk isiru Operazzjonijiet Monetarji Definittivi (OMTs), il-portafoll tat-titoli tal-OMTs għandu jiġi vvalutat bil-prezzijiet tas-suq. Portafolli oħra tat-titoli marbutin mal-politika monetarja li jistgħu jinħolqu fil-ġejjieni għandhom jiġu inklużi fil-kategorija l-ġdida tal-assi li għaliha tapplika l-iskema b’kost amortizzat (suġġett għal indeboliment) hu x’inhu l-għan li għalih jinżammu t-titoli. Barra dan, il-Kunsill Governattiv approva l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu korrettiv li bih l-imgħax kollu dovut mill-assi u l-obbligazzjonijiet tal-politika monetarja b’perjodu ta’ ġbir li jkun ekwivalenti għal sena jew aktar se jintuża għall-għanijiet ta’ kalkolu tad-dħul monetarju.
Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv adotta: (i) il-Linja Gwida BĊE/2014/54 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2010/20 dwar il-qafas legali għar-rappurtar kontabilistiku u finanzjarju fis-SEBĊ; (ii) id-Deċiżjoni BĊE/2014/55 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/21 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE; (iii) id-Deċiżjoni BĊE/2014/56 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/23 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro; (iv) id-Deċiżjoni BĊE/2014/57 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-BĊE (riformulazzjoni). L-atti legali se jiġu ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Lietuvos bankas
Fis-16 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2014/58 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Lietuvos bankas. Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Twaqqif ta’ Kumitat tal-BĊE dwar l-Etika
Fis-17 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/59 dwar it-twaqqif ta’ Kumitat tal-Etika u r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.
Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti
Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/46 dwar l-approvazzjoni tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2014
Fl-24 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/47 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/46 dwar l-approvazzjoni tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2014. Id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/29 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-euro
Fis-27 ta’ Novembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/49 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/29 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro. L-emendi li saru jqisu t-tkabbir taż-żona tal-euro bis-sħubija tal-Litwanja mill-1 ta’ Jannar 2015. Id-Deċiżjoni BĊE/2014/49 tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja