Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Mejju 2009
Kwistjonijiet operazzjonali
Tnedija ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal, b’maturità ta’ sena
Fis-7 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jagħmel operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal għall-provvediment tal-likwidità (LTROs) b’maturità ta’ sena. Stqarrija għall-istampa b’tagħrif dettaljat dwar dawn l-operazzjonijiet ġiet ippubblikata fl-istess data fil-websajt tal-BĊE.
Espansjoni addizzjonali u temporanja tal-lista tal-assi eliġibbli bħala kollateral
Fis-7 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jtawwal sa tmiem l-2008 l-espansjoni temporanja tal-lista tal-assi eliġibbli mħabbra fi stqarrija għall-istampa fil-15 ta’ Ottubru 2008.
L-EIB għandu jsir kontroparti eliġibbli tal-Eurosistema
Fis-7 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, u l-BĊE ħabbar fi stqarrija għall-istampa, li fit-8 ta’ Lulju 2009, il-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) kien se jsir kontroparti eliġibbli fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.
Emenda għall-Linja Gwida tal-BĊE dwar strumenti u proċeduri tal-politika monetarja
Fis-7 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2009/10). Il-Linja Gwida ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE fid-19 ta’ Mejju 2009 u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Sistemi ta’ pagament u l-Infrastruttura tas-suq
Emenda għall-Linja Gwida tal-BĊE dwar it-TARGET2
Fis-7 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/2 dwar sistema Trans-Ewropea Awtomatizzata għat-Trasferiment Mgħaġġel ta’ saldu Gross f’Ħin Reali (TARGET2) (BĊE/2009/9). Il-Linja Gwida ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE fid-19 ta’ Mejju 2009 u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Rapport Annwali 2008 dwar it-TARGET
Fit-8 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv qies ir-Rapport Annwali 2008 dwar it-TARGET. Ir-Rapport jagħti tagħrif ġenerali dwar it-TARGET u jiddeskrivi l-prestazzjoni tiegħu u l-iżviluppi ewlenin li twettqu fl-2008. Ġie ppubblikat fil-15 ta’ Mejju 2009 fil-websajt tal-BĊE.
Rapport dwar derivati OTC u infrastrutturi għal wara n-negozju
Fit-8 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv qies ir-rapport dwar derivati mixtrija barra mill-boroż organizzati (OTC) u dwar l-infrastrutturi għal wara n-negozju. Dan ir-rapport jagħti stima ta’ erba’ swieq OTC ewlenin, kif ukoll tas-suq għat-transazzjonijiet repo (ftehim ta’ xiri mill-ġdid). Għal kull suq, jeżamina wkoll l-importanza tal-euro, fejn jinsabu l-parteċipanti tas-suq, u kif u fejn jiġu nnegozjati, ikklerjati u mħallsa l-prodotti finanzjarji rilevanti. Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport jagħti xi implikazzjonijiet tal-politika u stima tal-ħtiġijiet għall-iżvilupp tal-infrastrutturi taż-żona tal-euro għal wara n-negozju. Ir-rapport se jiġi ppubblikat iżjed ’il quddiem bħala Ktiba Okkażjonali tal-BĊE.
Rapport ta’ stima dwar is-Sorveljanza tat-TARGET2
Fl-14 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv approva rapport dwar l-istima tad-disinn tat-TARGET2 li kkonkluda li s-sistema hi konformi mal-Prinċipji Ewlenin għas-Sistemi ta’ Pagament li huma Sistemikament Importanti u mal-Aspettattivi tal-Eurosistema għas-Sorveljanza tal-Kontinwità tax-Xogħol għal Sistemi ta’ Pagament li huma Sistemikament Importanti. Fil-15 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fil-websajt tal-BĊE.
Stabbiltà u superviżjoni fis-settur finanzjarju
Rapport tal-BSC imsejjaħ “Strutturi u politika tal-finanzjament tal-banek tal-UE”
Fit-8 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta’ rapport imħejji mill-Kumitat għas-Superviżjoni tal-Attività Bankarja (BSC) dwar l-istrutturi u l-politika tal-finanzjament tal-banek tal-UE. Ir-rapport, li ġie ppubblikat fil-websajt tal-BĊE fit-13 ta’ Mejju 2009, jeżamina l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-sorsi u l-ispiża tal-finanzjament tal-banek, kif ukoll il-mod kif il-banek qed jamministraw l-istrutturi tagħhom għall-finanzjament.
Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja - Ġunju 2009
Fl-20 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-“Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja - Ġunju 2009”. L-analiżi tagħti stima komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro biex tassorbi t-taqlib, u jeżamina s-sorsi ewlenin tar-riskji u l-vulnerabbiltà li jistgħu jippreġudikaw l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-analiżi se tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE fil-15 ta’ Ġunju 2009.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Litwana fir-rigward tas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ pagament
Fl-24 ta' April 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Litwan, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ pagament mil-Lietuvos bankas (CON/2009/40). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar iż-żieda fil-kwota tal-Portugall fil-FMI
Fid-29 ta’ April 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika Portugiż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-ħlas ta’ żieda fil-kwota tal-Banco de Portugal fil-Fond Monetarju Internazzjonali (CON/2009/41). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Rumena fir-rigward tal-istatistika
Fl-4 ta’ Mejju 2009, fuq talba tal-Istitut Nazzjonali Rumen tal-Istatistika, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-istatistika uffiċjali fir-Rumanija (CON/2009/42). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar servizzi tal-attività bankarja korrispondenti u statistika relatata fir-Rumanija
Fil-5 ta’ Mejju 2009, fuq talba tal-Banca Naţională a României, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tal-attività bankarja corrispondenti għall-ħlasijiet bil-munita nazzjonali u dwar ir-rekwiżiti relatati tar-rappurtaġġ dwar l-istatistika (CON/2009/43). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali tal-Magyar Nemzeti Bank
Fit-8 ta’ Mejju 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ungeriż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-allinjamenti tal-qafas legali tal-Magyar Nemzeti Bank ma’ regoli amministrattivi ġodda (CON/2009/44). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-istaff tad-Deutsche Bundesbank
Fil-11 ta’ Mejju 2009, fuq talba tad-Deutsche Bundesbank, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar ir-relazzjonijiet legali applikabbli għall-istaff tad-Deutsche Bundesbank (CON/2009/45). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rwol ta’ sorveljanza tal-Banque centrale du Luxembourg
Fl-14 ta’ Mejju 2009, fuq talba tal-Banque centrale du Luxembourg, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar twessigħ tar-rwol ta’ sorveljanza tal-Banque centrale du Luxembourg permezz ta’ abbozz ta’ liġi dwar is-servizzi tal-pagament, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u l-finalità tal-ħlas fis-sistemi tal-pagament u tas-saldu tat-titoli (CON/2009/46). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-remunerazzjoni fis-settur pubbliku u l-indipendenza tal-bank ċentrali fil-Latvja
Fit-18 ta’ Mejju 2009, fuq talba tal-Latvijas Banka, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar miżuri relatati mar-remunerazzjoni fis-settur pubbliku fir-rigward tal-indipendenza tal-bank ċentrali (CON/2009/47). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Emenda fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Istaff tal-BĊE
Fil-5 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jemenda l-iskema tal-pensjoni applikabbli għall-membri tal-istaff tal-BĊE. Dawn l-emendi, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2009, se jiġu inkorporati fl-Anness III rivedut tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Istaff tal-Bank Ċentrali Ewropew. Dan l-Anness fih id-dispożizzjonijiet dettaljati tal-Pjan tal-BĊE għall-Irtirar u dalwaqt se jkun disponibbli fil-websajt tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja