Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Muniti kommemorattivi ta' €2 – 2013

Id-deskrizzjonijiet li jidhru f’din il-paġna ttieħdu minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk għandhom mnejn ivarjaw xi ftit minn materjal ieħor pubblikat f’din il-websajt.

Il-Pajjżi l-Baxxi

Tema: Il-200 sena tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Deskrizzjoni: Fil-parti ta' ġewwa tad-disinn tidher żigarella kontinwa li tibda mix-xifer ta' barra, turi x-xbieha tar-Re Willem-Alexander u tkompli bix-xbihat tas-sitt predeċessuri tiegħu: ir-Reġina Beatrix, ir-Reġina Juliana, ir-Reġina Wilhelmina, ir-Re Willem III, ir-Re Willem II u r-Re Willem I. Ix-xbihat huma mdawrin bl-iskrizzjoni ‘WILLEM-ALEXANDER KONING DER NEDERLANDEN’ (Willem-Alexander Re tal-Olanda) u warajha l-marka taz-zekka rjali Olandiża, il-marka tal-istampier, is-sena ‘2013’, l-inizjali tad-disinjatur u fuq ix-xellug tax-xbihat l-iskrizzjoni ‘200 Jaar Koninkrijk’ (200 Sena Renju tal-Olanda). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 3.5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Novembru 2013

Il-Finlandja

Tema: Il-125 anniversarju tat-twelid tal-kittieb rebbieħ tal-Premju Nobel F. E. SILLANPÄÄ

Deskrizzjoni: Fil-parti ta' ġewwa tal-munita hemm xbieha ta' wiċċ Sillanpää. Fin-naħa ta’ fuq mad-dawra ta' ġewwa jidher il-kliem ‘F. E. SILLANPÄÄ’. Fuq ix-xellug hemm is-sena ‘1888’ u l-marka taz-zekka. Fuq il-lemin hemm is-sena ‘1964’, l-inizjali tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘FI’ u s-sena li fiha ħarġet ‘2013’. Din hija munita speċjali biex tfakkar in-nannu ta’ nazzjon sħiħ. F. E. SILLANPÄÄ kellu stil għalih u daħħal fil-letteratura Finlandiża ħsibijiet profondi dwar ir-relazzjoni bejn in-nies u n-natura. Ingħata l-Premju Nobel fl-1939, b'mod partikolari minħabba x-xogħlijiet tiegħu ‘Meek Heritage’ u ‘The Maid Silja’. Dan l-awtur tas-sengħa kompla kiseb iktar fama billi sikwit kien jinstema' fuq ir-radju nazzjonali jaqra l-istejjer memorabbli tiegħu għal żmien il-Milied. Wara s-snin tal-gwerra, il-kittieb evolva għal ‘Taata’ b'daqna twila, u beda jitqies mhux uffiċjalment bħala “in-Nannu” tal-pajjiż. Mit-tifkiriet tiegħu tal-Milidijiet ta' meta kien żgħir, ħarġet tradizzjoni maħbuba ferm: “in-Nannu” kien jiġbor b'mod devot lill-poplu kollu maġenb ir-radju biex jisma' “it-taħditiet” tiegħu dwar il-Milied. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.5 miljun munita

Data tal-ħruġ: Novembru 2013

Malta

Tema: L-istorja kostituzzjonali – Il-Kostituzzjoni tal-Gvern Awtonomu tal-1921

Deskrizzjoni: Id-disinn juri mappa tal-Gżejjer Maltin u rappreżentanza tal-popolazzjoni. Fil-parti ta’ isfel tad-disinn tidher is-sena ‘2013’. Fil-parti ta' fuq, fis-sura ta' nofs tond, jidher il-kliem ‘MALTA – Self-government 1921’ (Malta – Gvern awtonomu 1921). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 500,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2013

Belt tal-Vatikan

Tema: It-28 Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-aktar monument magħruf ta' Rio de Janeiro, l-istatwa ta' Kristu fuq il-Corcovado, u xi żgħażagħ madwar l-istatwa. Fin-naħa ta’ fuq, f’nofs ċirku hemm l-iskrizzjoni ‘XXVIII G.M.G CITTÀ DEL VATICANO RIO 2013’. Fuq il-lemin tidher il-marka taz-zekka ‘R’ u l-isem tad-disinjatur ‘P. Daniele’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 115,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2013

Il-Greċja

Tema: Il-100 anniversarju tal-għaqda ta' Kreta mal-Greċja

Deskrizzjoni:Il-parti ta’ ġewwa tal-munita turi lir-ribelli ta' Kreta jtellgħu l-bandiera Griega, f’rappreżentazzjoni simbolika tat-taqbida ta' Kreta biex tingħaqad mal-Greċja. Fin-naħa ta’ fuq, għat-tond u b'ittri kbar, jidher l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘Repubblika Ellenika’ bil-Grieg. Taħt il-kliem: ‘100 sena mill-għaqda ta' Kreta mal-Greċja’ bil-Grieg. Fuq il-lemin: ‘1913-2013’ u l-monogramma taz-Zekka Griega. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 750,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2013

Il-Greċja

Tema: L-2400 anniversarju tat-twaqqif tal-Akkademja ta' Platun

Deskrizzjoni:Ritratt ta’ Platun (fil-profil). Fuq ix-xellug: ‘2400 sena tat-twaqqif tal-Akkademja ta' Platun’ u ‘Repubblika Ellenika’ miktub bil-Grieg antik. Fuq il-lemin: ‘2013’ u l-monogramma taz-Zekka Griega. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 750,000 munita

Data tal-ħruġ: Ottubru 2013

San Marino

Tema: Il-500 anniversarju mill-mewt tal-pittur Taljan Pinturicchio.

Deskrizzjoni:Madwar in-naħa ta’ isfel tal-parti ta’ ġewwa tidher l-iskrizzjoni ‘SAN MARINO’ u fuq ix-xellug tidher l-ittra ‘R’, is-simbolu taz-zekka Taljana.Taħt l-affresk jidher il-kunjom tad-disinjatriċi ‘Momoni’ u fuq l-affresk f'nofs tond tidher l-iskrizzjoni ‘PINTURICCHIO’ u taħtha s-snin ‘1513’ u ‘2013’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 115,000 munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2013

Il-Belġju

Tema: Il-100 anniversarju tal-ħolqien tal-Istitut Meteoroloġiku Rjali (Koninklijk Meteorologisch Instituut/Institut Royal Météorologique)

Deskrizzjoni:Ix-xbieha ewlenija tal-munita turi n-numru 100, bl-ewwel żero jħaddan l-ittri ‘KMI’ u ‘IRM’ (it-taqsiriet bl-Olandiż u bil-Franċiż tal-Istitut Meteoroloġiku Rjali) filwaqt li t-tieni żero jirrappreżenta x-xemx. Fuq in-naħa tax-xellug tax-xemx jidhru isobari u simboli tax-xita u l-borra. Fir-raġġi tan-naħa ta' fuq tax-xemx tidher is-sena ‘2013’ u fir-raġġi tan-naħa t'isfel hemm indikata n-nazzjonalità ‘BE’. Taħt in-numru 1 tan-numru 100 insibu l-marka tal-istampier u l-marka taz-zekka ta' Brussell, profil tal-arkanġlu Mikiel liebes l-elmu. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 2 miljun munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2013

Il-Finlandja

Tema: Il-150 anniversarju tal-Parlament tal-1863 meta l-Parlament tal-Finlandja beda jiltaqa' regolarment

Deskrizzjoni:Il-munita kommemorattiva ta’ 2 euro turi turi s-sena 1863, b’rimja ta’ xitla ħierġa minnha bħala simbolu tal-bidu tad-demokrazija u l-iżvilupp tal-Finlandja. F’nofs tond, in-naħa t'isfel, jidher l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘SUOMI FINLAND’, biż-żewġ kelmiet separati bil-marka taz-zekka, u warajhom is-sena ‘2013’. Id-Diet (l-assemblea leġiżlattiva) tal-1863 jitqies bħala l-bidu tal-perjodu tal-illuminazzjoni. Fil-Finlandja, is-sena 1863 tat bidu għad-demokrazija ġenwina, l-operazzjonijiet trasparenti tal-istampa u d-dritt li tintuża l-lingwa Finlandiża. Meta bdew il-laqgħat regolari tad-Diet, l-opportunitajiet tal-Finlandiżi biex jinfluwenzaw l-affarijiet f’pajjiżhom tjiebu bħal qatt qabel. Is-sena ġabet magħha l-bidu tal-perjodu tal-illuminazzjoni għad-demokrazija Finlandiża. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2013

Il-Lussemburgu

Tema: L-Innu Nazzjonali tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Deskrizzjoni: Fuq il-lemin tal-parti ta’ ġewwa tal-munita tidher xbieha tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Gran Duka Henri jħares lejn ix-xellug, u fuq ix-xellug tal-parti ta’ ġewwa jidhru n-notazzjoni mużikali u l-versi tal-innu nazzjonali. Il-kliem ‘Ons Heemecht’ (il-Patrija Tagħna) jidher fin-naħa ta' fuq tal-parti ta’ ġewwa tal-munita filwaqt li fin-naħa t'isfel jidhru isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘LËTZEBUERG’ u taħtu s-sena ‘2013’, bil-marka taz-zekka u l-inizjali tal-istampier fuq kull naħa tad-data. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1.4 miljun munita

Data tal-ħruġ: Settembru 2013

Is-Slovakkja

Tema: L-1150 anniversarju tal-bidu tal-missjoni ta' Kostantinu u Metodju fil-Moravja l-Kbira

Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi lill-aħwa Tessalonkin, Kostantinu u Metodju, fuq kull naħa tas-salib doppju simboliku li jidher fuq tliet għoljiet. Is-salib huwa miżmum bħal baklu ta' isqof biex jgħaqqad flimkien is-simboli tal-istat u l-Kristjaneżmu, u jenfasizza s-sinifikat tal-missjoni tal-aħwa li għenet biex tiggarantixxi s-sovranità u l-leġittimità sħiħa tal-Moravja l-Kbira – l-ewwel stat Slav fl-Ewropa ċentrali. Il-figura ta’ Kostantinu qiegħed iżomm ktieb li jirrappreżenta l-edukazzjoni u l-fidi filwaqt li Metodju jidher b'kappella f'idu, simbolu tal-fidi u l-Kristjaneżmu istituzzjonali. Fin-naħa t'isfel tal-parti ta' ġewwa tal-munita hemm isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘SLOVENSKO’ u s-snin ‘863’ u ‘2013’, ilkoll mifrudin b'sing bejniethom. Fin-naħa ta' fuq tal-parti ta' ġewwa jidhru l-ismijiet ‘KONŠTANTÍN’ u ‘METOD’. Fuq ix-xellug tal-aħwa jidhru mnaqqxin l-ittri stilizzati ‘mh’ (l-inizjali tad-disinjatur Miroslav Hric) filwaqt li l-marka taz-zekka ta' Kremnica (magħmula mill-ittri ‘MK’ bejn żewġ marki) tidher fuq il-lemin tagħhom. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Lulju 2013

Monako

Tema: L-20 anniversarju tas-sħubija ta' Monako fin-Nazzjonijiet Uniti

Deskrizzjoni: Ix-xbieha ewlenija tal-munita turi ħamiema b'fergħa taż-żebbuġ tittajjar fuq mappa tad-dinja.Fuq ix-xellug f'nofs il-munita jidher is-simbolu tal-kornukopja filwaqt li fuq il-lemin hemm il-marka taz-zekka ta' Pariġi. Fuq fit-tond jidher isem il-pajjiż tal-ħruġ ‘MONACO’ u fin-nofs tond t'isfel hemm l-iskrizzjoni ‘1993 ADMISSION À L'ONU 2013’ (1993 Adeżjoni fin-Nazzjonijiet Uniti 2013). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 12-il miljun munita

Data tal-ħruġ: Lulju 2013

L-Italja

Tema: Is-700 anniversarju tat-twelid ta' Giovanni Boccaccio

Deskrizzjoni:Id-disinn juri r-ras ta’ Giovanni BOCCACCIO jidher fi tliet kwarti jħares lejn il-lemin, meħud mill-affresk minn Andrea del Castagno, madwar l-1450 ca. (Firenze, Galleria degli Uffizi); madwar in-naħa ta’ isfel BOCCACCIO 1313 2013; fuq il-lemin, fuq xulxin, jidhru l-ittri ‘R’ (il-monogramma taz-Zekka ta’ Ruma)/‘RI’ (il-monogramma tar-Repubblika Taljana)/‘m’ (il-monogramma tad-disinjatur Roberto Mauri). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 10 miljun munita

Data tal-ħruġ: Lulju 2013

Il-Portugall

Tema: Il-250 anniversarju tal-bini tat-Torre dos Clérigos

Deskrizzjoni:It-torri jidher kif jistgħu jarawh in-nies fit-triq meta jkunu viċin tiegħu, maġenb il-profil tipiku tal-bini ta' Oporto kif jidher mix-xatt tan-nofsinhar tax-Xmara Douro. Madwar in-naħa ta' fuq tal-munita tidher l-iskrizzjoni ‘250 ANOS TORRE DOS CLÉRIGOS – 2013’ (250 Sena Torri Dos Clerigos – 2013). Fin-naħa t’isfel fuq il-lemin jidhru l-istemma araldika tal-Portugall u taħtha isem il-pajjiż li ħareġ il-munita ‘PORTUGAL’. Fuq ix-xellug b'ittri żgħar jidhru rispettivament il-marka taz-zekka u isem l-artist ‘INCM – HUGO MACIEL’. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 525,000 munita

Data tal-ħruġ: Ġunju 2013

Franza

Tema: Il-150 anniversarju tat-twelid ta' Pierre de Coubertin, li reġa' ta l-ħajja lil-Logħob Olimpiku u kien l-ewwel President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali

Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi xbieha taż-żagħżugħ Pierre de Coubertin, imnaqqxa fin-nofs kemxejn lejn il-lemin, biċ-ċrieki Olimpiċi stilizzati fl-isfond. Iċ-ċrieki jipprovdu l-qafas għal siluwetti li huma simboli tal-isport Olimpiku. Fuq ix-xellug tax-xbieha jidhru l-ittri ‘RF’ li jindikaw il-pajjiż li ħareġ il-munita u taħthom is-sena tal-ħruġ ‘2013’. L-isem ‘PIERRE DE COUBERTIN’ huwa mnaqqax madwar in-naħa ta' fuq tal-parti ta' ġewwa tal-munita. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Ġunju 2013

Belt tal-Vatikan

Tema: Sede Vakanti 2013

Deskrizzjoni:Id-disinn juri l-istemma araldika tal-Kardinal Camerlengo (kif inhu magħruf il-kardinal li jieħu post il-Papa malli jmut sakemm jilħaq Papa ieħor) u fuqha s-simbolu tal-Camera Apostolica, żewġ slaleb żgħar, il-kliem ‘CITTÀ DEL VATICANO’ fuq ix-xellug u ‘SEDE VACANTE MMXIII’ (Sede Vakanti 2013) fuq il-lemin. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 125,000 munita

Data tal-ħruġ: Mejju 2013

L-Italja

Tema: Il-200 anniversarju tat-twelid ta’ Giuseppe Verdi.

Deskrizzjoni: Id-disinn juri l-bust ta’ Giuseppe VERDI fit-tliet kwarti li jħares lejn ix-xellug; fuq ix-xellug, ittri sovraposti tal-monogramma tar-Repubblika Taljana "RI"/1813; fuq il-lemin, R (monogramma taz-Zekka ta’ Ruma)/2013; in exergue, MCC (monogramma tal-Awtur Maria Carmela COLANERI)/G. VERDI. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 10 miljun munita

Data tal-ħruġ: Marzu 2013

Il-Pajjżi l-Baxxi

Tema: It-tħabbir tal-abdikazzjoni tat-tron mill-Maestà Tagħha r-Reġina Beatrix

Deskrizzjoni: Fin-naħa ta' quddiem tad-disinn ewlieni tidher xbieha ta' wiċċ ir-Reġina Beatrix u warajha, mgħottija parzjalment mix-xbieha tar-Reġina, tidher ix-xbieha tal-Prinċep ta' Orange. L-iskrizzjoni madwar iż-żewġ profili tgħid: Il-ċirkoskrizzjoni madwar ix-xbihat tgħid: ‘WILLEM-ALEXANDER PRINS VAN ORANJE’ (simbolu tal-kuruna) ‘BEATRIX KONINGIN DER NEDERLANDEN’ (marka taz-zekka) 28 januari 2013 (marka tal-istampier). Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 20 miljun munita

Data tal-ħruġ: Frar 2013

Il-Ġermanja

Tema: Baden-Württemberg, mis-sensiela ‘Länder’

Deskrizzjoni:Il-parti ta’ ġewwa tal-munita turi l-Monasteru ta' Maulbronn, li jiġbor fih l-aktar kumpless monastiku medjevali ppreservat tajjeb fit-tramuntana tal-Alpi. Imwaqqaf fl-1147, dan il-kumpless ilu meqjus bħala Patrimonju Dinji tal-UNESCO mill-1993. Fin-naħa ta' fuq tal-munita tidher is-sena tal-ħruġ ‘2013’. Fin-naħa t’isfel hemm l-iskrizzjoni BADEN-WÜRTTEMBERG (isem ir-reġjun fejn jinsab dan il-monasteru) u taħtha tidher l-ittra ‘D’ tal-pajjiż li ħareġ il-munita. Il-marka taz-zekka, rappreżentata mill-ittri A, D, F, G jew J, tinsab fuq in-naħa tal-lemin. L-inizjali tad-disinjatur tal-munita jidhru fin-naħa t'isfel fuq ix-xellug. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 30 miljun munita

Data tal-ħruġ: Frar 2013

Is-Slovenja

Tema: It-800 anniversarju taż-żjarat fl-Għar ta' Postojna

Deskrizzjoni: Ix-xbieha ċentrali tal-munita tieħu s-sura ta' spiral stilizzat li jibda, fuq ix-xellug tan-naħa ta' ġewwa, bl-iskrizzjoni “POSTOJNSKA JAMA • 1213 - 2013 • SLOVENIJA” u jintemm f'żewġ speleotemi (formazzjonijiet li jinstabu fl-għerien) stilizzati. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 1 miljun munita

Data tal-ħruġ: Frar 2013

Spanja

Tema: Il-Monasteru ta' San Lorenzo de El Escorial – Sensiela Patrimonju Dinji tal-UNESCO

Deskrizzjoni: Il-parti ta' ġewwa tal-munita turi xbieha tal-Monasteru ta' San Lorenzo de El Escorial. Max-xifer ta' fuq b'ittri kbar jidher l-isem tal-pajjiż li ħareġ il-munita ‘ESPAÑA’, bis-sena tal-ħruġ ‘2013’ fuq il-marka taz-zekka lejn il-lemin. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 8 miljun munita

Data tal-ħruġ: Frar 2013

Franza

Tema: Il-50 anniversarju tal-firma tat-Trattat tal-Élysée

Deskrizzjoni: Il-munita, iddisinjata minn Yves Sampo (tal-Monnaie de Paris), Stefanie Lindner (taz-Zekka tal-Istat ta' Berlin), Alina Hoyer (Berlin) u Sneschana Russewa-Hoyer (Berlin), turi x-xbihat stilizzati tal-firmatarji tat-Trattat Élysée (Konrad Adenauer, li dak iż-żmien kien il-Kanċillier tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u Charles de Gaulle, li kien il-President tar-Repubblika Franċiża) fuq il-firma rispettiva tagħhom. Bejniethom fin-nofs jidher il-kliem “50 ANS JAHRE” u s-sena “2013”. Il-kliem ‘TRAITÉ DE L’ÉLYSÉE’ u ‘ÉLYSÉE-VERTRAG’ (Trattat tal-Élysée bil-Franċiż u bil-Ġermaniż) jinsab fin-nofs fin-naħa ta' fuq u n-naħa t'isfel rispettivament tal-parti ta' ġewwa tal-munita. Fuq il-lemin taħt ix-xbieha ta' Adenauer jidhru wkoll il-fleurette (il-marka tal-azjenda fejn saret l-inċiżjoni) u l-ittri ‘RF’ li jindikaw il-pajjiż li ħareġ il-munita filwaqt li l-marka taz-zekka tinsab fuq ix-xellug taħt ix-xbieha ta' De Gaulle. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 10 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2013

Il-Ġermanja

Tema: Il-50 anniversarju tal-firma tat-Trattat tal-Élysée

Deskrizzjoni: Il-munita, iddisinjata minn Yves Sampo (tal-Monnaie de Paris), Stefanie Lindner (taz-Zekka tal-Istat ta' Berlin), Alina Hoyer (Berlin) u Sneschana Russewa-Hoyer (Berlin), turi x-xbihat stilizzati tal-firmatarji tat-Trattat Élysée (Konrad Adenauer, li dak iż-żmien kien il-Kanċillier tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u Charles de Gaulle, li kien il-President tar-Repubblika Franċiża) fuq il-firma rispettiva tagħhom. Bejniethom fin-nofs jidher il-kliem “50 ANS JAHRE” u s-sena “2013”. Il-kliem ‘TRAITÉ DE L’ÉLYSÉE’ u ‘ÉLYSÉE-VERTRAG’ (Trattat tal-Élysée bil-Franċiż u bil-Ġermaniż) jinsab fin-nofs fin-naħa ta' fuq u n-naħa t'isfel rispettivament tal-parti ta' ġewwa tal-munita. Fit-tarf ta' ġewwa fin-naħa tal-lemin taħt ix-xbieha ta' Adenauer, il-parti ta' ġewwa turi wkoll il-marka taz-zekka (“A”, “D”, “F”, “G” jew “J”, skont iz-zekka) u l-ittra “D” li tindika l-pajjiż li ħareġ il-munita. Fiċ-ċirku ta’ barra tal-munita hemm it-12-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Volum tal-ħruġ: 11 miljun munita

Data tal-ħruġ: Jannar 2013