Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

8 ta' Settembru 2022

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax b’75 punt bażi. Dan il-pass ewlieni jmexxi t-tranżizzjoni mil-livell prevalenti akkomodanti ferm tar-rati tal-politika lejn livelli li jiżguraw ir-ritorn f’waqtu tal-inflazzjoni għall-mira ta’ 2% tal-BĊE fuq żmien medju. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni attwali tiegħu, matul id-diversi laqgħat li jmiss il-Kunsill Governattiv jistenna li jgħolli aktar ir-rati tal-imgħax biex inaqqas id-domanda u jħares kontra r-riskju ta’ bidla persistenti 'l fuq fl-aspettattivi tal-inflazzjoni. Il-Kunsill Governattiv ser jivvaluta mill-ġdid regolarment it-triq tal-politika tiegħu fid-dawl tal-informazzjoni li tidħol u l-prospetti tal-inflazzjoni li qed tevolvi. Id-deċiżjonijiet futuri dwar ir-rati ta’ politika tal-Kunsill Governattiv se jkomplu jiddependu mid-data u jsegwu approċċ ta’ laqgħa wara laqgħa.

Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni tal-lum, u jistenna li jgħolli aktar ir-rati tal-imgħax, minħabba li l-inflazzjoni għadha għolja wisq u x'aktarx li tibqa’ ‘il fuq mill-mira għal perijodu estiż. Skont l-istima preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni laħqet 9.1% f’Awwissu. Il-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel li qed jogħlew ħafna, il-pressjonijiet tad-domanda f'xi setturi minħabba l-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija, u l-ostakli fil-provvista għadhom qed iżidu l-inflazzjoni. Il-pressjonijiet tal-prezzijiet komplew jissaħħu u jitwessgħu fl-ekonomija kollha u l-inflazzjoni tista’ tiżdied aktar fiż-żmien qrib. Hekk kif il-muturi attwali tal-inflazzjoni jbattu maż-żmien u n-normalizzazzjoni tal-politika monetarja tgħaddi fuq l-ekonomija u l-iffissar tal-prezzijiet, l-inflazzjoni se tonqos. B’ħarsa ’l quddiem, il-persunal tal-BĊE irreveda ’l fuq b'mod sinifikanti l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni tagħhom u l-inflazzjoni issa hija mistennija li tilħaq medja ta' 8.1% fl-2022, 5.5% fl-2023 u 2.3% fl-2024.

Wara rpiljar fl-ewwel nofs tal-2022, data riċenti tindika tnaqqis sostanzjali fit-tkabbir ekonomiku taż-żona tal-euro, bl-ekonomija mistennija li tistaġna aktar tard fis-sena u fl-ewwel trimestru tal-2023. Prezzijiet għoljin ħafna tal-enerġija qed inaqqsu l-poter tal-akkwist tad-dħul tan-nies u, għalkemm il-konġestjonijiet fil-provvista qed jonqsu, għadhom qed jillimitaw l-attività ekonomika. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ġeopolitika negattiva, speċjalment l-aggressjoni mhux ġustifikata tar-Russja fuq l-Ukraina, qed tagħfas fuq il-fiduċja tan-negozji u l-konsumaturi. Din il-prospettiva hija riflessa fl-aħħar projezzjonijiet tal-persunal għat-tkabbir ekonomiku, li ġew riveduti 'l isfel sew għall-bqija tas-sena kurrenti u matul l-2023. Il-persunal issa jistenna li l-ekonomija tikber bi 3.1% fl-2022, 0.9% fl-2023 u 1.9% fl-2024.

Il-vulnerabbiltajiet dejjiema kkawżati mill-pandemija għadhom joħolqu riskju għat-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv għalhekk ser ikompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni relatati mal-pandemija.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’75 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u fuq il-faċilità tad-depożitu se jiżdiedu għal 1.25%, 1.50% u 0.75% rispettivament, b'seħħ mill-14 ta' Settembru 2022.

Wara ż-żieda tad-rata tal-faċilità tad-depożitu 'l fuq minn żero, is-sistema fuq żewġ livelli għar-remunerazzjoni tar-riżervi żejda m'għadhiex meħtieġa. Il-Kunsill Governattiv għalhekk iddeċieda llum li jissospendi s-sistema fuq żewġ livelli billi jistabbilixxi l-multiplikatur għal żero.

Il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija (PEPP)

Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jibqa’ jinvesti mill-ġdid, kollha kemm huma, il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta' żmien lil hinn mid-data meta beda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ, sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet wiesa’ ta' likwidità u pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Fir-rigward tal-PEPP, il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet ewlenin mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

It-tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP qed jiġu investiti mill-ġdid b’mod flessibbli, bil-għan li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Il-Kunsill Governattiv se jkompli jimmonitorja l-kundizzjonijiet tal-finanzjament bankarju u jiżgura li l-maturazzjoni tal-operazzjonijiet taħt it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal immirati (TLTRO III) ma ttellifx it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tiegħu. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta wkoll regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattiv lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fil-mandat tiegħu biex jiġi żgurat li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira ta’ 2% fuq żmien medju. L-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled dinamiċi mhux ġustifikati u diżordinati tas-suq li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, u b'hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv iwettaq b'mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta' stabbiltà tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja