content here is the anonymously transparent proxied version of ecb.europa.eu   X
Għażliet għat-Tiftix
Home Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika monetarja L-euro Pagamenti u swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

9 ta’ Settembru 2021

Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni konġunta tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament u l-prospetti tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv jiġġudika li kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament jistgħu jinżammu b’pass moderatament aktar baxx ta’ xiri ta’ assi nett taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) milli fiż-żewġ trimestri ta’ qabel.

Il-Kunsill Governattiv ikkonferma wkoll il-miżuri l-oħra tiegħu, jiġifieri l-livell tar-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, il-gwida bil-quddiem tiegħu dwar l-evoluzzjoni probabbli tagħhom fil-ġejjieni, ix-xiri tiegħu taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP), il-politiki tiegħu ta’ investiment mill-ġdid u l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fit-tul tiegħu. B’mod speċifiku:

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jibqgħu l-istess f’0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament

B’appoġġ għall-mira simetrika tiegħu ta’ inflazzjoni ta’ tnejn fil-mija u f’konformità mal-istrateġija tal-politika monetarja tiegħu, il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti jew aktar baxxi tagħhom sakemm jara l-inflazzjoni tilħaq it-tnejn fil-mija ferm qabel it-tmiem l-orizzont tal-projezzjoni tiegħu u b'mod durevoli għall-bqija tal-orizzont tal-projezzjoni, u jiġġudika li l-progress imwettaq fl-inflazzjoni sottostanti huwa avvanzat biżżejjed biex ikun konsistenti mal-inflazzjoni li tistabbilizza fi tnejn fil-mija fuq medda ta’ żmien medju. Dan jista’ jimplika wkoll perjodu tranżitorju li fih l-inflazzjoni tkun moderatament ogħla mill-mira.

Programm ta' xiri ta' assi (APP)

Ix-xiri nett taħt l-APP se jkompli b’pass ta’ kull xahar ta’ €20 biljun. Il-Kunsill Governattiv ikompli jistenna li x-xiri nett ta’ kull xahar, ta’ assi taħt l-APP jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu, u li jintemm ftit qabel jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE.

Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jibqa’ jinvesti mill-ġdid, kollha kemm huma, il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perjodu estiż ta' żmien lil hinn mid-data meta jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta' likwidità u grad abbundanti ta' akkomodament monetarju.

Programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-Kunsill Governattiv ser inkompli jwettaq x-xiri nett ta’ assi taħt il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b’pakkett totali ta’ €1,850 biljun sa mill-inqas l-aħħar ta' Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm jiġġudika li l-fażi tal-kriżi tal-koronavirus spiċċat.

Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni konġunta tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament u l-prospetti tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv jiġġudika li kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli jistgħu jinżammu b’pass moderatament aktar baxx ta’ xiri ta’ assi nett taħt il-PEPP milli fiż-żewġ trimestri ta’ qabel.

Il-Kunsill Governattiv se jixtri b’mod flessibbli skont il-kundizzjonijiet tas-suq u bil-ħsieb li jipprevjeni ssikkar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament li jkun inkonsistenti mal-ġlieda kontra l-impatt ’l isfel tal-pandemija fuq il-passaġġ proġettat tal-inflazzjoni. Barra minn hekk, il-flessibilità tax-xiri maż-żmien, bejn il-klassijiet tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet se tkompli tappoġġja t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Jekk jistgħu jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ finanzjament bi flussi ta' xiri ta’ assi li ma jeżawrixxux il-pakkett fuq l-orizzont nett ta' xiri tal-PEPP, il-pakkett m'għandux għalfejn jintuża b'mod sħiħ. Bl-istess mod, il-pakkett jista’ jiġi kkalibrat mill-ġdid jekk meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli biex jgħinu fil-ġlieda kontra x-xokk tal-pandemija negattiv fit-triq tal-inflazzjoni.

Il-Kunsill Governattiv se jkompli jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2023. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Il-Kunsill Governattiv ser ikompli jipprovdi likwidità wiesgħa permezz tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tiegħu. B’mod partikolari, it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III) tibqa’ sors attraenti ta’ finanzjament għall-banek, li tappoġġa s-self bankarju lill-impriżi u lill-unitajiet domestiċi.

***

Il-Kunsill Governattiv jibqa’ lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabilizza fil-mira tiegħu ta’ tnejn fil-mija fuq medda ta’ żmien medju.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet waqt konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja