Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea llum ħatar lis-Sinjura Danièle Nouy bħala President tal-Bord Superviżorju tal-mekkaniżmu superviżorju uniku fil-Bank Ċentrali Ewropew. Dan sar wara li l-Parlament Ewropew approva l-proposta tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-ħatra tas-Sinjura Nouy. Sa ftit ilu, is-Sinjura Nouy kellha l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Awtorità Franċiża tas-Superviżjoni Prudenzjali u r-Riżoluzzjoni ( Autorité de Contrôle Prudentiel et de Résolution). Hija kienet ukoll Deputat Segretarju Ġenerali u Segretarju Ġenerali tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja.
Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi qal: “Il-ħatra tal-President tal-Bord Superviżorju timmarka l-ġrajja importanti meta l-Bank Ċentrali Ewropew qiegħed jistabbilixxi mekkaniżmu superviżorju uniku għall-banek taż-żona tal-euro. Is-Sinjura Nouy se ġġib magħha kważi 40 sena ta’ esperjenza fis-superviżjoni bankarja. Bil-ħatra tagħha, il-Bord Superviżorju se jibda bil-ħidma tiegħu fi żmien qasir u jistabbilixxi r-rekwiżiti organizzattivi kollha biex jieħu f'idejh ir-responsabbiltajiet superviżorji mill-4 ta' Novembru 2014.”
Il-ħatra tas-Sinjura Nouy tibda sseħħ fl-1 ta’ Jannar 2014, b’mandat ta’ ħames snin.
Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jikkuntattja lil Rolf Benders, tel. +49 69 1344 7455.