Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jiddeċiedi li jżomm is-sistema attwali tal-votazzjoni tiegħu
Illum, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jżomm is-sistema attwali tal-votazzjoni tiegħu u li jintroduċi s-sistema tar-rotazzjoni biss meta l-għadd tal-Gvernaturi u l-Presidenti tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (Gvernaturi) jaqbeż it-18. Id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif emendat fil-21 ta’ Marzu 2003 mill-Kunsill tal-UE, li stabbilixxa l-prinċipji tas-sistema l-ġdida ta’ rotazzjoni għall-Kunsill Governattiv.
L-Artikolu 10.2 jillimita l-għadd tad-drittijiet tal-vot tal-Gvernaturi għal 15 u jipprovdi għal rotazzjoni tad-drittijiet tal-vot fosthom fil-Kunsill Governattiv, mingħajr ma jiġu affettwati d-drittijiet tal-vot ta’ membri tal-Bord Esekuttiv [1]. Barra dan, jistipula li l-Kunsill Governattiv għandu jwettaq il-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta l-prinċipji tas-sistema tar-rotazzjoni. L-Artikolu 10.2 jipprevedi wkoll il-possibbiltà li tiġi posposta l-implimentazzjoni tas-sistema tar-rotazzjoni sakemm l-għadd ta’ Gvernaturi jilħaq id-19. Kull waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet għandha tittieħed b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Kunsill Governattiv [2].
Il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni tal-BĊE, BĊE/2008/29 biex jipposponi l-bidu tas-sistema tar-rotazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Din id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.
Fl-istess ħin, il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar l-aspetti ewlenin għall-implimentazzjoni tas-sistema tar-rotazzjoni, li għandhom japplikaw meta l-għadd tal-Gvernaturi jaqbeż it-18. Wara li analizza għadd ta’ mudelli, il-Kunsill Governattiv għażel il-mudell tar-rotazzjoni li ġej:
Il-Gvernaturi se jidħlu fir-rotazzjoni tad-dritt tal-vot u joħorġu minnha wara xahar. L-għadd ta’ Gvernaturi li jieħdu sehem fir-rotazzjoni jkun iddeterminat mid-differenza bejn l-għadd ta’ Gvernaturi u l-għadd ta’ voti allokati għal kull grupp nieqes tnejn, waqt li jittieħed valur assolut f’każ ta’ numru negattiv. Dan il-mudell ta’ rotazzjoni għandu l-vantaġġ ta’ perijodi qosra bla vot għal Gvernaturi individwali flimkien ma’ stabbiltà relattiva fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ votanti.
Deċiżjoni tal-BĊE dwar id-dettalji tal-implimentazzjoni tas-sistema ta’ rotazzjoni se tiġi adottata iżjed tard u wara tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE. Meta s-sistema tar-rotazzjoni tidħol fis-seħħ, il-lista ta’ Gvernaturi bid-dritt tal-vot tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE u tiġi aġġornata regolarment.
-
[1] Għal deskrizzjoni tas-sistema ta’ rotazzjoni ara l-istqarrija għall-istampa tal-BĊE tal-20 ta’ Diċembru 2002, imsejħa “Governing Council prepares for enlargement” http://www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2002/html/index.en.html
-
[2] Ara wkoll “The adjustment of the voting modalities in the Governing Council” (Bullettin ta’ Kull Xahar tal-BĊE ta’ Mejju 2003), b’mod partikolari t-taqsima dwar “Rules to allocate governors and voting rights to the groups”
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja