Pubblikazzjoni ta’ rapport dwar id-differenzi fir-rati ta' l-imgħax ta’ l-IFM fil-pajjiżi kollha taż-żona ta' l-euro
Illum, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ippubblika rapport imsejjaħ “Differenzi fir-rati ta’ l-imgħax ta’ l-IFM fil-pajjiżi kollha taż-żona ta’ l-euro”. Din il-pubblikazzjoni ġiet imħejjija minn grupp ta’ esperti tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali b’mandat konġunt tal-Kumitat għall-Politika Monetarja u tal-Kumitat għall-Istatistika.
Ir-rapport jirrappreżenta l-ewwel stima komprensiva tad-differenzi bejn pajjiż u ieħor fid-diversi tipi ta’ rati ta’ imgħax fuq depożiti u self offruti u ċċarġjati mill-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFM) taż-żona ta’ l-euro lill-individwi u lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji. Minkejja l-konverġenza notevoli li twettqet f’dawn l-aħħar snin fiż-żona ta’ l-euro, tipi ta’ imgħax bħal dawn għadhom ivarjaw ħafna bejn pajjiż u ieħor. Għal din il-varjazzjoni jikkontribwixxu bosta fatturi, li f’ħafna każi joperaw fl-istess ħin. Wieħed mill-fatturi jista’ jkun l-eteroġeneità li għad baqa’ tal-prodotti, li tista’ tirrifletti xi differenzi fil-konvenzjonijiet u l-prattika tal-kummerċ nazzjonali, kif ukoll fl-arranġamenti nazzjonali regolatorji u fiskali. Jistgħu jikkontribwixxu wkoll fatturi oħra bħal ma huma d-differenzi fir-riskji tal-kreditu (inklużi d-differenzi fil-prattika tal-garanziji) u l-istruttura tas-swieq. Bħalissa mhux possibbli li wieħed jagħraf l-effetti wieħed wieħed ta’ dawn il-fatturi kollha.
Permezz tal-preżentazzjoni ta’ tagħrif dettaljat u komprensiv dwar ir-rati medji ta’ l-imgħax ta’ l-lFM, ir-rapport li qed jiġi ppubblikat illum għandu l-għan li jiżgura li l-paraguni bejn pajjiż u ieħor isiru abbażi ta’ tagħrif korrett. Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali dalwaqt se jippubblikaw tabelli komuni li jagħtu deskrizzjoni fil-qosor ta’ 15-il tip ta’ rati medji ta’ l-imgħax fuq depożiti u self f’kull pajjiż taż-żona ta’ l-euro.
Ir-rapport jista’ jiġi ddawnlowdjat mit-taqsima “Pubblikazzjonijiet” tal-websajt tal-BĊE (http://www.ecb.europa.eu/pub). Jistgħu jiġu akkwistati wkoll kopji stampati bla ħlas mid-Diviżjoni Stampa u Informazzjoni tal-BĊE fl-indiriżż li jidher hawn taħt. Meta jkunu disponibbli, it-tabelli bir-rati ta’ l-imgħax ta’ l-IFM ta’ kull pajjiż individwali jiġu inkorporati fit-taqsima “Statistika” tal-websajt tal-BĊE (http://www.ecb.europa.eu/stats).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja