Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Diċembru 2024

13 ta’ Diċembru 2024

Operazzjonijiet tas-suq

Bidliet fil-pubblikazzjoni tad-data tal-portafoll tal-politika monetarja taħt il-programm ta’ xiri ta’ emerġenza pandemika (PEPP)

Fil-5 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv approva bidliet għall-pubblikazzjoni tad-data tal-portafoll tal-politika monetarja taħt il-PEPP, minħabba li bil-waqfien tar-riinvestimenti skont il-PEPP fi tmiem l-2024, għall-ewwel darba mill-2014, ma huwa se jinxtara ebda bond mill-Eurosistema taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) jew taħt il-PEPP. Il-bidliet mistennija se jiżguraw li l-livell ta’ trasparenza pprovdut mid-data ppubblikata, aktar ’l quddiem se jibqa’ xieraq. B’mod partikolari, il-pubblikazzjoni tal-analiżi tas-suq primarju/sekondarju għall-programmi tas-settur privat tal-PEPP se titwaqqaf, sabiex jiġu allinjati prattiki ma’ bidliet reċenti għar-reġim tal-pubblikazzjoni għall-programmi tas-settur privat tal-APP. Barra dan, id-data tal-PEPP se tiġi ppubblikata darba fix-xahar minflok darba kull xahrejn, sabiex is-serje tad-data tal-APP ekwivalenti, u d-data storika ta’ kull xahar għas-serje sa mill-bidu tal-programm jiġu ppubblikati. Ir-reġimi tal-pubblikazzjoni tal-PEPP u tal-APP se jiġu allinjati ulterjorment, bil-pubblikazzjoni kemm ta’ data ta’ fidi li tħares lura u data ta’ fidi li tħares ’il quddiem għall-PEPP. Il-bidliet kollha, li se jiġu riflessi f’FAQ tal-PEPP aġġornata fuq il-websajt tal-BĊE, se jiġu implimentati mit-8 ta’ Jannar 2025.

Pariri dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-obbligu li jiġu aċċettati ħlasijiet bi flus kontanti

Fis-6 ta' Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/39 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Olandiż.

Governanza korporattiva

Sħubija fil-Kumitat tal-Awditi tal-BĊE

Fil-11 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Olli Rehn, Gvernatur tas-Suomen Pankki – Finlands Bank, bħala membru tal-Kumitat tal-Awditi għal mandat ta’ tliet snin. Dan il-mandat se jibqa’ għaddej sa tmiem l-2027. Is-Sur Rehn se jieħu l-post tas-Sur Yannis Stournaras, Gvernatur tal-Bank tal-Greċja, li l-mandat tiegħu bħala membru tal-Kumitat tal-Awditi wasal fi tmiemu.

Statistika

Skeda ta’ żmien aġġornata għall-armonizzazzjoni tar-rapportar statistiku

Fl-4 ta’ Diċembru 2024, il-BĊE ħareġ stqarrija għall-istampa li fiha ħabbar skeda ta’ żmien aġġornata għall-programm ta’ Qafas ta’ Rapportar Integrat (IReF), li se jarmonizza r-rapportar statistiku fost il-banek taż-żona tal-euro, inaqqas il-piż tar-rapportar u jtejjeb il-kwalità tad-data disponibbli għal dawk li jfasslu l-politika u għall-analisti. Ir-rapportar tal-IReF bħalissa huwa ppjanat li jibda fir-raba’ trimestru tal-2029. Pjan ta’ implimentazzjoni dettaljat huwa mistenni li jinħareġ tard fl-2025.

Karti tal-flus u muniti

Riżultati tal-istudju tal-2024 dwar l-attitudnijiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-pagamenti

Fil-5 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-istudju tal-2024 dwar l-attitudnijiet tal-konsumaturi fiż-żona tal-euro fir-rigward tal-pagamenti (SPACE) u approva l-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit elettroniku tal-BĊE. Dan it-tielet studju ta’ SPACE huwa bbażat fuq stħarriġ imwettaq mill-BĊE bejn Settembru 2023 u Ġunju 2024 fi 18 minn 20 pajjiż taż-żona tal-euro. Id-data tal-istħarriġ ġiet ikkumplimentata b’data armonizzata minn stħarriġ nazzjonali dwar il-pagamenti mwettqa minn Deutsche Bundesbank u minn De Nederlandsche Bank flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Pagamenti Olandiża. L-istudju li se jkun akkompanjat bi stqarrija għall-istampa huwa skedat għall-pubblikazzjoni fid-19 ta’ Diċembru 2024. L-ewwel studju SPACE ġie ppubblikat fl-2020.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Riżultati tar-rieżami tal-kwalità tal-assi għal J.P. Morgan SE

Fil-21 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-mudell tal-iskopertura, approvat mill-Bord Superviżorju, li fih ir-riżultati finali tar-rieżami tal-kwalità tal-assi għal J.P. Morgan SE, li sar mill-BĊE wara li l-bank ġie kklassifikat bħala istituzzjoni sinifikanti. Il-mudell tal-iskopertura u stqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Prijoritajiet superviżorji tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (SSM) għall-2025-2027

Fid-29 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jiġu ppubblikati l-prijoritajiet superviżorji tal-SSM għall-2025-2027, li jiddeskrivu fid-dettall l-istrateġija tal-SSM għat-tliet snin li ġejjin. Il-prijoritajiet se jiġu ppubblikati fis-17 ta’ Diċembru 2024 fuq is-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Żvelar tal-metodoloġiji tal-Proċess Superviżorju ta Analiżi u Evalwazzjoni (SREP)

Fit-2 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li fuq is-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE jiġu ppubblikati d-dokument tal-paġna web tal-metodoloġiji għas-superviżjoni tal-SREP riveduti, l-iżvelar tal-metodoloġija riveduta għar-riskju ta’ kreditu, ir-riskju tas-suq u l-governanza interna u l-ġestjoni tar-riskju, kif ukoll metodolġiji ġodda għar-riskju tar-rata tal-imgħax fil-ktieb bankarju (IRRBB) u għar-riskju tal-firxa tal-kreditu fil-ktieb bankarju (CSRBB) u għar-riskju operazzjonali u r-riskju għat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT). Il-pubblikazzjoni hija skedata għas-17 ta’ Diċembru 2024 fuq is-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Rapport ta’ superviżjoni ta’ istituzzjoni inqas sinifikanti (LSI, less significant institution) tal-2024

Fil-11 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jiġi ppubblikat rapport dwar is-superviżjoni tal-LSIs fl-2024. Ir-rapport, li jeżamina l-karatteristiċi strutturali tas-settur tal-LSI, l-iżviluppi ewlenin tiegħu l-attivitajiet superviżorji maġġuri, huwa disponibbli fis-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja