Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2023

27 ta' Ottubru 2023

Operazzjonijiet tas-suq

Reviżjoni regolari tal-metodoloġija tal-punteġġ tal-klima tal-Eurosistema u qafas li jxaqleb għax-xiri ta’ titoli tas-settur korporattiv

Fil-5 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-ewwel reviżjoni regolari tal-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-punteġġ tal-klima u tal-qafas li jxaqleb għal xiri ta’ titoli tas-settur korporattiv li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2022. Il-Kunsill Governattiv laqa’ l-konklużjoni li l-metodoloġija u l-qafas laħqu l-objettivi intenzjonati għalihom u għaldaqstant iddeċieda li l-blokok ewlenin li fuqhom huwa bbażat il-qafas se jinżammu. Iddeċieda wkoll, fl-interess tat-trasparenza, li jiżvela aktar dettalji tal-metodoloġija applikata fid-Deċiżjoni tal-BĊE relevanti (BĊE/2016/16). Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv obbliga lill-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ relevanti biex iħejju l-att legali emendatorju li huwa mistenni li jiġi approvat maż-żmien mill-Kunsill Governattiv.

Armonizzazzjoni tar-regoli tal-eliġibbiltà għall-assi b’garanti

Fil-5 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv approva kjarifiki tekniċi - fl-interess tal-konsistenza, iċ-ċarezza legali u t-trasparenza - dwar ir-regoli tal-eliġibbiltà tal-kollateral għal assi b’garanti. Dawn il-kjarifiki se jiġu implimentati permezz ta’ reviżjonijiet għal għadd ta’ artikoli tad-Dokumentazzjoni Ġenerali bħala parti mill-aġġornament regolari li jmiss tagħha fl-2024.

Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet

Politika emendata għal finanzjament bil-quddiem minn sistemi anċillari

Fit-12 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv approva emendi għall-qafas tal-politika ġenerali tal-BĊE dwar l-użu tal-finanzjament bil-quddiem minn sistemi anċillari. Dan il-qafas, fis-seħħ minn Jannar 2022, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom is-sistemi anċillari, jiġifieri infrastrutturi tas-swieq finanzjarji li jipparteċipaw f’TARGET, jistgħu jużaw finanzjament bil-quddiem fi flus tal-bank ċentrali. Ir-reviżjonijiet tal-qafas huma mmirati biex jipprevjenu - abbażi tal-prudenza u b’eċċezzjonijiet biss f’każijiet iġġustifikati kif meħtieġ - l-użu ta’ prefinanzjament minn strutturi mtarrġin li jżidu saff addizzjonali ta’ intermedjazzjoni. Il-politika emendata hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Tnedija tal-fażi ta’ tħejjija għall-euro diġitali

Fit-18 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta’ fażi ta’ preparazzjoni għall-euro diġitali. Dan isegwi t-tlestija tal-fażi ta’ investigazzjoni, li damet minn Ottubru 2021 sa Ottubru 2023. Il-fażi l-ġdida se tibda fl-1 ta’ Novembru 2023. L-ewwel fażi tagħha se tinvolvi l-finalizzazzjoni tal-ġabra tar-regoli dwar l-euro diġitali u l-għażla ta’ fornituri li jistgħu jiżviluppaw pjattaforma u infrastruttura tal-euro diġitali. Se tinkludi wkoll ittestjar u esperimentazzjoni biex jiġi żviluppat l-euro diġitali li jissodisfa kemm ir-rekwiżiti tal-Eurosistema kif ukoll il-ħtiġijiet tal-utenti. Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar jekk jinħariġx l-euro diġitali se tittieħed biss ladarba din il-fażi ta’ tħejjija tkun ġiet konkluża u ladarba l-proċess leġiżlattiv tal-UE jkun tlesta. Tagħrif iżjed dettaljat jista’ jinstab fl-istqarrija għall-istampa relatata u fil-paġni ddedikati għall-euro diġitali fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

Fit-28 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/29 fuq talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG)

Fl-4 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni CON/2023/30 mogħtija fuq l-inizjattiva proprja tiegħu abbażi tal-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament dwar il-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro

Fit-13 ta’ Ottubru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/31 wara talbiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-twaqqif ta’ kumitat makroprudenzjali

Fl-20 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/32 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-obbligu għall-impriżi li jaċċettaw pagament fi flus kontanti mill-konsumaturi

Fit-23 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/33 fuq talba tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Belġju.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni ta’ Banka Slovenije

Fl-10 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2023/25 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Banka Slovenije.

Statistika

Rapport annwali 2022 dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika individwali miġbura mill-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali

Fil-5 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv, bil-benefiċċju ta’ osservazzjonijiet mill-membri tal-Kunsill Ġenerali, approva r-rapport tal-2022 bit-titolu “Statistical confidentiality protection in the European System of Central Banks (ESCB)” u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Ir-rapport, huwa disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE u fuq is-siti web tal-BĊN li għażlu li jippubblikawh huma wkoll.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Deċiżjoni tal-BĊE dwar id-delega tas-setgħa għal ċerti notifiki makroprudenzjali intenzjonati

Fit-28 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/24 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet li ma ssirx oġġezzjoni għal miżuri makroprudenzjali intenzjonati ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew ta’ awtoritajiet nazzjonali nominati abbażi ta’ proposta mill-Bord Superviżorju f’konformità mal-Artikolu 13h tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew. Id-Deċiżjoni, li se tiġi ppubblikata fuq EUR-Lex, tissimplifika l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ għadd sostanzjali ta’ miżuri makroprudenzjali intenzjonati sottomessi minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew minn awtoritajiet nazzjonali nnominati li huma responsabbli għall-iffissar tar-rati ta’ riżerva għal istituzzjonijiet globali li huma sistemikament importanti u għal istituzzjonijiet oħrajn li huma sistemikament importanti.

Programm ta’ eżami superviżorju tal-2023 għal spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta' mudelli interni f’istituzzjonijiet sinifikanti

Fl-10 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jaġġorna l-Programm ta’ Eżami Superviżorju (SEP) 2023 għal spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta’ mudelli interni f’istituzzjonijiet sinifikanti fi ħdan is-superviżjoni bankarja Ewropea. Is-SEP fuq il-post huwa bbażat fuq il-Prijoritajiet Superviżorji 2023-2025 ippubblikati fuq is-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Gwida tal-BĊE dwar prattiki sodi fil-governanza u fil-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti

Fis-16 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li tiġi approvata l-verżjoni finali tal-gwida tal-BĊE dwar prattiki sodi fil-governanza u l-ġestjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, u li din il-gwida tiġi ppubblikata flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ feedback relatata. Id-dikjarazzjoni tal-feedback tippreżenta kemm il-BĊE jivvaluta l-kummenti riċevuti fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-BĊE bejn it-2 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Lulju 2023. Il-gwida hija disponibbli fis-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja