Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Awwissu-Settembru 2023

29 ta' Settembru 2023

Il-politika monetarja

Regolament Emendat dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżervi minimi

Fil-25 ta’ Awwissu 2023 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2023/21 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2021/378 dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżervi minimi. Dan l-att legali emendatorju jimplimenta d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tas-27 ta’ Lulju 2023 biex jiffissa r-rata tar-remunerazzjoni tar-riżervi minimi għal 0%.

Operazzjonijiet tas-suq

Kalendarji operazzjonali indikattivi għall-2024

Fis-7 ta’ Settembru 2023 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-kalendarji indikattivi għall-perjodi ta’ manutenzjoni tar-riżerva, ir-rekwiżiti tar-riżerva minima u l-operazzjonijiet ta’ sejħa għall-offerti għall-2024. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll l-allinjament, sa minn Jannar 2024, tad-dati tat-tħabbir, tal-allokazzjoni u tas-saldu tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (LTROs) ta’ tliet xhur bid-dati korrispondenti tal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin (MROs) għall-finijiet ta’ sempliċità operazzjonali. Għaldaqstant, id-dati ta’ maturità tal-LTROs ta’ tliet xhur li għandhom jiġu allokati f’Ottubru, Novembru u Diċembru 2023 ġew aġġustati biex jikkoinċidu mad-dati ta’ saldu l-ġodda applikabbli sa minn Jannar 2024. Stqarrija għall-istampa relatata flimkien mal-kalendarji tinsab fuq is-sit web tal-BĊE.

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tad-Debt Issuance Market Contact Group (DIMCG)

Fil-31 ta’ Lulju 2023 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-eżitu tal-laqgħa ad hoc tal-eks parteċipanti fid-Debt Issuance Market Contact Group (DIMCG), li issa ġie xolt. Matul il-laqgħa, il-parteċipanti ddiskutew is-segwitu għar-rapport Konsultattiv tad-DIMCG dwar il-ħruġ u d-distribuzzjoni ta’ dejn fl-Unjoni Ewropea, ippubblikat fuq is-sit web tal-BĊE f’Diċembru 2021, u b’mod partikolari l-progress l sar mill-industrija f’termini tar-rakkomandazzjonijiet dwar armonizzazzjoni mressqa mid-DIMCG. Is-sommarju ta’ din il-laqgħa jinsab fuq is-sit web tal-BĊE.

Rieżami tal-qafas Ewropew għall-forniment ta’ linji ta' likwidità tal-euro

Fit-3 ta’ Awwissu 2023 il-Kunsill Governattiv approva qafas ġdid għall-forniment ta’ linja ta' likwidità tal-euro lil bank ċentrali mhux taż-żona tal-euro, wara rieżami profond tal-qafas preċedenti fis-seħħ u l-esperjenza matul dawn l-aħħar snin. Il-qafas il-ġdid jikkonferma r-rwol tal-linji ta’ likwidità bħala strumenti tal-politika monetarja, iżomm l-elementi fundamentali tal-qafas fis-seħħ s’issa iżda jagħmlu aktar effiċjenti, u jintegra l-faċilitajiet ta’ riakkwist eżistenti f’qafas unifikat ġdid imsejjaħ EUREP. Il-qafas il-ġdid se jidħol fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar 2024 u, sa minn dik id-data, se japplika għal dawk il-linji ta’ likwidità eżistenti li jistgħu jiġu estiżi u linji ta’ likwidità oħrajn li jridu jiġu stabbiliti. Ħafna mil-linji temporanji attwali u l-faċilità temporanja preċedenti EUREP se jiskadu fil-15 ta’ Jannar 2024. Aktar informazzjoni dettaljata se tingħata permezz tal-pubblikazzjonijiet tal-BĊE.

Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja

Segwitu fuq ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

Fis-7 ta’ Awwissu 2023 il-Kunsill Governattiv approva r-risposta tal-BĊE għar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom. Ir-risposta tenfasizza li l-BĊE huwa totalment konformi mal-parti tar-Rakkomandazzjoni li hija relevanti għall-BĊE, filwaqt li tinnota li l-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet ta’ segwitu huma indirizzati lill-awtoritajiet li diġà ħadu azzjonijiet makroprudenzjali u, għaldaqstant, mhumiex applikabbli għall-BĊE.

Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet

Nomina ta’ osservaturi tal-Grupp ta’ Tmexxija ta’ T2S CSD

Fit-30 ta’ Awwissu 2023 il-Kunsill Governattiv ħatar sitt osservaturi fil-Grupp ta’ Tmexxija ta’ T2S CSD (CSG) biex iservu bħala rappreżentanti tal-utenti ta’ T2S. L-osservaturi, proposti mill-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (Market Infrastructure Board - MIB) u nnominati mill-Kunsill Governattiv għal terminu li jista’ jiġġedded ta’ sentejn abbażi ta’ applikazzjoni mill-European Banking Federation (EBF), il-European Savings Bank Group (ESBG), il-European Association of Co-operative Banks (EACB), l-Association for Financial Markets in Europe (AFME), u l-European Association of Clearing Houses (EACH), jirrappreżentaw lil CBOE Clear Europe N.V., Citibank Europe PLC, Danske Bank A/S, Deutsche Bank AG, Deutsche WertpapierService Bank AG u Société Générale Securities Services S.A fit-T2S CSG. Il-lista ta’ istituzzjonijiet privati li jipparteċipaw fiit-T2S CSG bħala Osservaturi tinsab fuq is-sit web tal-BĊE.

Emendi għal-Linja Gwida tal-BĊE dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET)

Fis-7 ta’ Settembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2023/22 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2022/912 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2). L-emendi għal-Linja Gwida jirriflettu l-evoluzzjoni tal-politika tal-Eurosistema f’diversi oqsma ta’ rilevanza għas-servizzi TARGET u jinkludu reviżjonijiet editorjali u tekniċi. Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata meta jasal il-waqt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-Magyar Nemzeti Bank

Fl-1 ta’ Settembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/24 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ungeriż.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-talba lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jipprovdu servizz bankarju universali u jiggarantixxu firxa minima ta’ magni tal-flus awtomatiċi (ATM)

Fit-8 ta’ Settembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/25 wara talba tal-Gvernatur ta’ Nationale Bank van België / Banque Nationale de Belgique.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-impożizzjoni ta' taxxa straordinarja fuq istituzzjonijiet ta' kreditu

Fit-12 ta’ Settembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/26 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-integrazzjoni ta’ Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) fl-Eurosistema

Fit-18 ta’ Settembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/27 wara talba ta' Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija).

Governanza korporattiva

Deċiżjoni tal-BĊE li tistabbilixxi l-arkivji storiċi tal-BĊE

Fit-28 ta’ Lulju 2023 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/17 li tistabbilixxi l-arkivji storiċi tal-Bank Ċentrali Ewropew u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli interni u l-proċessi operazzjonali li permezz tagħhom il-BĊE għandu jikkonforma mal-obbligi tiegħu li jistabbilixxi arkivju storiku u jiftaħ il-ġabra/ġabriet għall-pubbliku kull meta jkun possibbli wara 30 sena skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83. Fil-każ tal-BĊE, dan jimplika li l-arkivji storiċi tiegħu jkollhom jiġu rilaxxati mill-2028 fuq bażi kontinwa.

Nomina tal-BĊE għall-pożizzjoni ta’ President tal- Bord Superviżorju

Fit-13 ta’ Settembru 2023 il-Kunsill Governattiv innomina lil Claudia Buch, il-Viċi President attwali ta’ Deutsche Bundesbank, għall-pożizzjoni ta’ President tal- Bord Superviżorju. Jekk tiġi approvata mill-Parlament Ewropew u kkonfermata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, hija se tissostitwixxi lil Andrea Enria bħala kap tas-superviżjoni bankarja Ewropea għal terminu ta’ ħames snin li ma jiġġeddidx li jibda mill-1 ta’ Jannar 2024. Stqarrija għall-istampa dwar dan tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Ħatra ta’ membri ġodda fil-Kumitat ta' Sorveljanza tar-rata tal-euro għal żmien qasir

Fil-25 ta’ Settembru 2023 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Alexandre Gautier (Banque de France) u lil Gioia Cellai (Banca d’Italia) bħala membri nnominati mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tal-Kumitat ta' Sorveljanza tar-rata tal-euro għal żmien qasir (€STR). B’termini li jiddekorru mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Settembru 2025, huma jissostitwixxu lill-membri attwali mill-Banco de España u d-Deutsche Bundesbank. Il-ħatriet isegwu r-regoli għar-rotazzjoni tal-membri tal-BĊN fil-Kumitat. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Thomas Vlasopoulos, Viċi Direttur Ġenerali għall-Operazzjonijiet tas-Suq, bħala membru tal-BĊE fil-Kumitat sa mill-1 ta’ Ottubru 2023, li jissostitwixxi lill-membru attwali Imène Rahmouni-Rousseau, Direttur Ġenerali għall-Operazzjonijiet tas-Suq. L-informazzjoni relatata dalwaqt se tiġi aġġornata fis-sit web tal-BĊE.

Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fis-27 ta’ Settembru 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/28 wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew. Stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar Gwida tal-BĊE dwar rapportar minn konglomerati finanzjarji ta’ konċentrazzjonijiet ta’ riskju sinifikanti u tranżazzjonijiet intragrupp

Fl-14 ta’ Awwissu 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex iniedi konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ Gwida tal-BĊE dwar rapportar minn konglomerati finanzjarji ta’ konċentrazzjonijiet ta’ riskju sinifikanti u tranżazzjonijiet intragrupp. Il-materjal relatat ma’ din il-konsultazzjoni pubblika, li ġiet imnedija l-ġurnata ta’ wara, huwa disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Emenda ta’ atti legali dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja lill-BĊE

Fis-17 ta’ Awwissu 2023 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2023/18 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ data superviżorja rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni (riformulazzjoni), id-Deċiżjoni BĊE/2023/19 dwar ir-rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament ta' entitajiet taħt superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-Bank Ċentrali Ewropew (riformulazzjoni) u r-Regolament BĊE/2023/20 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/534 dwar ir-rapportar ta' informazzjoni finanzjarja superviżorja. L-iskop ta’ dawn l-atti legali riformulati huwa biex jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet applikabbli minħabba l-ħafna bidliet li għaddew minnhom dawn l-atti legali sa mill-bidu operazzjonali tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku fl-2014.

Sanzjoni imposta fuq Volksbank N.V.

Fid-29 ta’ Awwissu 2023 il-BĊE ħabbar li kien impona sanzjoni fuq Volksbank N.V. minħabba kalkolu żbaljat tal-ħtiġijiet ta’ kapital. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja