Għaliex hi importanti r-reżistenza ċibernetika?
10 ta' April 2018
It-teknoloġija tal-informatika saret parti integrali tal-ħajja tagħna. Nużawha għal ħtiġijiet personali – minn xiri ta' kikkra kafè jew kondiviżjoni ta' xi ritratti tal-familja – sa kompiti tan-negozju – bħad-disinn ta' makkinarju jew ix-xiri u l-bejgħ ta' ishma – sar diffiċli tistħajjel il-ħajja mingħajrha. Biha s-soċjetà hi aktar konnessa u l-ekonomija tagħna aktar rikka, iżda din iġġib magħha wkoll riskji ġodda.
X'jiġri jekk xi ħaġa tmur żmerċ? X'jiġri jekk ir-ritratti tiegħek jispiċċaw f'idejn persuna żbaljata? X'jiġri jekk xi ħadd jidħol fis-smartphone tiegħek bla permess biex jisraqlek il-flus?
Riskji bħal dawn huma daqstant importanti fid-dinja tan-negozju, inkluż is-settur finanzjarju. L-attakki ċibernetiċi jistgħu jiswew telf enormi ta' flus għall-kumpaniji. Jistgħu jaqtgħu s-sistema kollha tal-elettriku. Jistgħu jkunu ta’ riskju għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Hu proprju għalhekk li hu tant importanti li l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet ikunu mħejjija, u f'pożizzjoni biex jindirizzaw theddid bħal dan.
X’jagħmel il-BĊE biex iħeġġeġ ir-reżistenza ċibernetika?
Aħna nieħdu t-theddid ċibernetiku b'serjetà kbira. Naħdmu kontinwament biex intejbu d-difiżi tagħna ħalli nkunu nistgħu nħarsu s-sistemi tagħna tad-dejta u tal-informazzjoni. Niżviluppaw strateġiji biex nindirizzaw sitwazzjonijiet ta' kriżi, f'każ li jseħħ attakk. U naħdmu flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-UE biex inħarsu s-Sistema Europea ta' Banek Ċentrali – u d-dejta tagħha – b'mod ġenerali.
Iżda m'aħniex ikkonċernati dwar ir-reżistenza ċibernetika tagħna biss. Inħeġġu s-sigurtà ċibernetika b'mod aktar wiesa', speċjalment fis-settur finanzjarju.
Pereżempju, nikkooperaw ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, bħall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji oħra biex nikkondividu l-informazzjoni, inżidu l-għarfien tar-riskji ċibernetiċi u niżviluppaw l-aħjar prattika biex nindirizzawhom.
Bħala regolatur għall-infrastruttura tas-suq – pereżempju, s-sistemi ta' ħlas u saldu – stabbilejna regoli u l-aħjar prattika biex niżguraw li l-istituzzjonijiet u l-fornituri individwali jkollhom livell qawwi ta' reżistenza ċibernetika.
Fir-rwol tagħna bħala superviżur bankarju, nitolbu lill-akbar banek taż-żona tal-euro biex jirrappurtaw inċidenti ċibernetiċi sinifikanti malli jidentifikawhom. Dan jgħinna nidentifikaw u nissorveljaw ix-xejriet fl-attakki ċibernetiċi, ħaġa li tqegħdna f'pożizzjoni biex inkunu nistgħu nirreaġixxu aktar malajr għal kriżi potenzjali kkawżata minn attakk ċibernetiku. Qegħdin niżviluppaw ukoll linji gwida speċifiċi għall-ġestjoni tar-riskji tal-IT maħsuba biex jgħinu lill-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji jkollhom aktar saħħa u jkunu mgħammra aħjar meta jħabbtu wiċċhom ma' theddid ċibernetiku.
Min hu responsabbli għar-reżistenza ċibernetika?
Il-BĊE jikkollabora b'mod attiv ma' bosta msieħba biex iżid l-għarfien dwar ir-riskji ċibernetiċi. Madankollu, bħalma lkoll aħna responsabbli biex insakkru l-bibien u t-twieqi tad-dar tagħna, u jekk ikun meħtieġ ninstallaw miżuri tas-sigurtà, il-kumpaniji, il-banek u l-istituzzjonijiet pubbliċi huma fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għas-sigurtà tagħhom stess. Jeħtiġilhom jiżguraw li s-sistemi tas-sigurtà tagħhom ikunu aġġornati u għandhom iżommu ruħhom infurmati u għajnejhom miftuħin fir-rigward tat-theddid ċibernetiku – kemm għalihom stess kif ukoll għal oħrajn.