Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Kif qed niddekarbonizzaw l-investimenti tagħna f’bonds korporattivi?

19 ta’ Settembru 2022 (aġġornat fl-1 ta’ Ottubru 2022)

Il-kriżi klimatika hija waħda mill-akbar sfidi ta’ żmienna. Din toħloq riskji serji għall-ekonomija u taffettwa l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-mandat ewlieni tagħna bħala bank ċentrali. Huwa għalhekk li aħna impenjati li nagħmlu l-parti tagħna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fi ħdan il-mandat tagħna.

It-tibdil fil-klima għandu impatt fuq il-ħidma tagħna f’għadd ta’ modi, pereżempju fuq ir-riskji relatati mal-klima tal-assi li għandna. Dan huwa wieħed mill-oqsma fejn qed nieħdu azzjoni: qed niddekarbonizzaw l-ishma tal-bonds korporattivi tagħna bil-għan li npoġġuhom fi triq allinjata mal-mira ta' 1.5 grad tal-Ftehim ta' Pariġi. Biex nagħmlu dan, qed inħarsu lejn kif il-kumpaniji li joħorġu l-bonds – magħrufa bħala “emittenti” – qed jaħdmu biex itaffu l-impatt tagħhom fuq il-klima. Minn Ottubru 2022, qed nixtru aktar minn dawk li jmorru aħjar f’dan ir-rigward u inqas minn dawk li jmorru għall-agħar.

Liema bonds korporattivi xtrajna fil-passat?

Bħala parti mill-politika monetarja tagħna, nixtru bonds korporattivi bbażati fuq punt ta’ riferiment. Dan jiggwidana dwar kemm nallokaw lil ċertu settur jew kumpanija. Qabel, dan il-punt ta’ riferiment kien jirrifletti dak li kien disponibbli fis-suq. Dan ifisser li b’mod ġenerali, xtrajna aktar mingħand dawk il-kumpaniji li ħarġu aktar bonds.

Il-parteċipazzjonijiet azzjonarji tal-bonds korporattivi kif jesponuna għar-riskji klimatiċi?

B’mod ġenerali, meta nixtru bond, naċċettaw li nieħdu r-riskju li dan il-bond jista’ jitlef il-valur maż-żmien. It-tibdil fil-klima jista’ jkun raġuni waħda għal dan: avvenimenti ta' temp estrem bħal nirien jew għargħar jistgħu jolqtu l-bini tal-kumpaniji jew tal-klijenti tagħhom u jeqirdu l-imħażen, l-impjanti tal-manifattura jew iċ-ċentri tad-data tagħhom. Dan jissejjaħ “riskju fiżiku”.

Il-kumpaniji jistgħu jsofru wkoll minn dawk li spiss jissejħu “riskji ta’ tranżizzjoni” – ir-riskji li jirriżultaw mit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika. Il-konsumaturi jistgħu jkunu jridu jibdew jixtru prodotti alternattivi, jew oġġetti u servizzi jistgħu jiswew aktar hekk kif il-gvernijiet jimponu taxxi fuq il-karbonju. F’ċertu punt, il-leġiżlaturi jistgħu wkoll jipprojbixxu ċerti prodotti intensivi fil-karbonju. U l-innovazzjoni teknika tista’ tkun ta’ benefiċċju għal xi kumpaniji, filwaqt li oħrajn isibuha diffiċli biex ilaħħqu.

Dawn il-bidliet kollha jistgħu jolqtu serjament lill-kumpaniji b’intensità għolja ta’ karbonju, bħall-produtturi tal-enerġija jew il-kumpaniji tat-trasport li jiddependu fuq il-fjuwils fossili, jekk ma jadattawx għal dawn il-bidliet fil-ħin. U jekk jidħlu fl-inkwiet finanzjarju minħabba avvenimenti bħal dawn, dan jaffettwa l-valur tal-bonds tagħhom.

Għaliex dawn ir-riskji fiżiċi u ta’ tranżizzjoni huma importanti għall-BĊE u għall-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro? L-Eurosistema għandha bonds minn ħafna kumpaniji u setturi differenti, u għalhekk aħna esposti għar-riskji msemmija hawn fuq. Permezz tad-dekarbonizzazzjoni tal-portafoll tagħna, aħna nimmiraw li nnaqqsu l-espożizzjoni tagħna għal dawn ir-riskji.

Il-miżuri tagħna jappoġġaw ukoll it-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija f’konformità mal-objettivi tan-newtralità klimatika tal-UE.

Kif qed nagħmlu x-xiri tagħna aktar ekoloġiku?

Minn Ottubru 2022, qed “inxaqilbu” x-xiri tagħna lejn kumpaniji bi prestazzjoni klimatika aħjar. Dan ifisser li qed inżidu l-ippeżar fil-portafoll tagħna ta’ kumpaniji li jmorru aħjar meta mqabbla ma’ dawk bi prestazzjoni aktar fqira relatata mal-klima. B’riżultat ta’ dan, il-portafoll tagħna bil-mod il-mod qed isir inqas intensiv fl-użu tal-karbonju.

Aħna nkomplu nixtru bonds mingħand kumpaniji f’varjetà ta’ setturi. Id-daqs ġenerali tax-xiri tagħna għadu ggwidat biss mill-għan tagħna ta’ stabbiltà fil-prezzijiet. Iżda qed isir aktar diffiċli għall-kumpaniji biex jiksbu finanzjament jekk ma jaħdmux fuq il-prestazzjoni klimatika tagħhom.

L-għan ġenerali huwa li l-portafoll tal-bonds tagħna jinġieb f’allinjament mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Aqra din l-istqarrija għall-istampa u l- FAQ għal aktar dettalji.

Din kif taħdem fil-prattika?

Biex nivvalutaw il-prestazzjoni klimatika ta’ dawn l-emittenti aħna nikkalkulaw punteġġ klimatiku abbażi ta’ tliet kriterji:

Emissjonijiet li jħarsu lura

Aħna niċċekkjaw l-impronti tal-karbonju tal-kumpaniji. Aħna nivvalutaw ukoll kif dawn marru meta jitqabblu ma’ oħrajn fis-settur tagħhom u kontra l-emittenti kollha tal-bonds li huma parti mill-programmi tagħna ta’ xiri korporattiv. L-emittenti li jkollhom l-aħjar prestazzjoni fiż-żewġ aspetti jiksbu punteġġ ogħla.

Miri li jħarsu ’l quddiem

Aħna nħarsu lejn l-objettivi li l-kumpaniji stabbilixxew huma stess biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom fil-futur. L-emittenti b’miri aktar ambizzjużi jiksbu punteġġ ogħla.

Divulgazzjonijiet klimatiċi

Inħarsu lejn kemm huma trasparenti l-kumpaniji dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom. Dawk li jippubblikaw data ta’ kwalità għolja jirċievu punteġġ aħjar.

Dan kif jgħin biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima?

Ix-xaqlib inaqqas l-espożizzjoni tagħna stess għar-riskju relatat mal-klima permezz tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji ta’ bonds tagħna. Fl-istess ħin, joħloq inċentiv għall-kumpaniji fis-setturi kollha biex isiru aktar trasparenti dwar ir-riskji klimatiċi u l-impronta tal-karbonju tagħhom stess, u biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom. Dan huwa wieħed mill-modi kif nikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-objettivi tan-newtralità tal-karbonju tal-UE.

Iżda huwa ċar ukoll li ma nistgħux nagħmlu dan weħidna. Il-kumpaniji jridu jonoraw l-impenji tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. U naturalment, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima huwa, l-ewwel u qabel kollox, f’idejn il-gvernijiet u l-parlamenti. Huma għandhom l-aħjar għodod disponibbli biex jilqgħu din l-isfida vitali. Bħala l-bank ċentrali għaż-żona tal-euro, aħna se nagħmlu l-parti tagħna fi ħdan il-mandat tagħna.