Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Awwissu-Settembru 2025

26 ta’ Settembru 2025

Operazzjonijiet tas-suq

Introduzzjoni ta’ fattur klimatiku fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema għall-indirizzar ta’ inċertezzi tat-transizzjoni relatati mal-klima

Fit-23 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jintroduċi “fattur klimatiku” fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema sabiex jiġġestixxi aħjar ir-riskji finanzjarji relatati mal-kriżi klimatika. Dan il-fattur tal-klima, li jista’ jnaqqas il-valur assenjat għal assi negozjabbli eleġibbli mwegħdin bħala kollateral dipendenti fuq is-sensittività tal-assi għal xokkijiet ta’ tranżizzjoni, se jikkomplementa s-sett ta’ għodod ta’ ġestjoni tar-riskju eżistenti billi jikkunsidra analiżijiet ta’ xenarju li jħares ’il quddiem u għaldaqstant sejjer itejjeb ir-reżiljenza tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Il-kalibrazzjoni tal-fattur klimatiku se tippreserva disponibilità adegwata ta’ kollateral. Tagħrif iżjed dettaljat huwa pprovdut fi stqarrija għall-istampa, li tinsab fis-sit elettroniku tal-BĊE flimkien ma’ xi FAQs. relatati.

Politika makroprudenzjali u l-istabbiltà finanzjarja

Segwitu għar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

Fil-31 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv approva r-rispons tal-BĊE għar-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom. B’mod simili għall-valutazzjoni magħmula fl-2023, it-tweġiba tenfasizza li l-BĊE huwa totalment konformi mal-parti tar-Rakkomandazzjoni li hija relevanti għall-BĊE, filwaqt li tinnota li l-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet ta’ segwitu huma indirizzati lil awtoritajiet li diġà ħadu awtoritajiet makroprudenzjali u, għaldaqstant, mhumiex applikabbli għall-BĊE.

Infrastrutturi tas-suq u pagamenti

Rieżami tal-kundizzjonijiet għal aċċess minn sistemi anċillari għal TARGET

Fil-31 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ valutazzjoni mill-Kumitat għall-Infrastruttura tas-Suq u Pagamenti li ma kienx hemm bżonn li jiġu aġġustati l-kundizzjonijiet għal aċċess minn sistemi anċillari prefinanzjati għal TARGET kif stabbilit fil-politika tal-Eurosistema adottata mill-Kunsill Governattiv, u approva l-proposta li bħalissa, din il-politika tibqa’ mhux mibdula. Il-politika ta’ prefinanzjament, li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom, sistemi ancillari - jiġifieri infrastrutturi tas-swieq finanzjarji li jipparteċipaw f’TARGET - jistgħu jużaw prefinanzjament fi flus ta’ bank ċentrali, għandha l-għan li ttaffi r-riskji għal-likwidità u għall-kreditu u li tiffaċilita saldu barra mill-ħinijiet operattivi tas-saldu gross f’ħin reali tal-bank ċentrali, filwaqt li timpedixxi impatt negattiv fuq l-effiċjenza ġenerali tas-suq finanzjarju u l-abbiltà tal-Eurosistema li tissodisfa l-kompiti statutorji tagħha. Il-Kunsill Governattiv ordna lill-Bord tal-Infrastruttura tas-Swieq (MIB, Market Infrastructure Board) sabiex ikompli jimmonitorja l-użu ta’ prefinanzjament f’TARGET fuq bażi annwali.

Emendi għal-Linja Gwida tal-BĊE dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET)

Fil-31 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2025/28 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2022/912 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2). L-emendi għal-Linja Gwida jirriflettu l-evoluzzjoni tal-politika tal-Eurosistema f’bosta oqsma ta’ relevanza għas-servizzi ta’ TARGET, b’mod partikolari dwar l-aċċess minn fornituri tas-servizzi ta’ pagament li mhumiex banek lil TARGET u dwar il-faċilità ta’ kreditu mhux diskrezzjonali għal kontropartijiet ċentrali taż-żona tal-euro. Jinkludu wkoll reviżjonijiet editorjali u tekniċi. Biex jikkomplementa dawn l-emendi, il-Kunsill Governattiv adotta wkoll id-Deċiżjoni (UE) 2025/1734 dwar salvagwardji fir-rigward tal-aċċess minn kontropartijiet ċentrali għall-kreditu mil-lum għall-għada tal-Eurosistema fit-TARGET (BĊE/2025/29), li tispeċifika r-rekwiżiti għal kontropartijiet ċentrali taż-żona tal-euro għall-aċċess għall-faċilità ta’ kreditu mhux diskrezzjonali msemmija fuq.

Rieżami organizzazzjonali komprensiv tal-governanza tas-Servizzi ta’ TARGET

Fis-26 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ rieżami tal-mudell organizzazzjonali tal-governanza tas-Servizzi ta’ TARGET, li huwa kien talab f’Diċembru 2021 meta kien qed jikkunsidra l-pjan ta’ azzjoni mħejji mill-MIB biex jindirizza s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar inċidenti ta’ Servizzi ta’ TARGET fl-2020. Ir-rieżami fih għadd ta’ miżuri li jridu jiġu implimentati sabiex itejbu ulterjorment il-governanza tas-Servizzi ta’ TARGET. Il-Kunsill Governattiv obbliga lill-MIB, flimkien mal-banek ċentrali fornituri, biex jirrapporta lura lill-Kunsill Governattiv matul l-2027 dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ titjib proposti.

Nomina tal-osservaturi tal-Grupp ta’ Tmexxija ta’ T2S CSD

Fid-9 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv ħatar sitt osservaturi fil-Grupp ta’ Tmexxija ta’ T2S CSD (CSG) biex iservu bħala rappreżentanti tal-utenti ta’ T2S. L-osservaturi, proposti mill-MIB u nnominati mill-Kunsill Governattiv għal terminu li jista’ jiġġedded ta’ sentejn abbażi ta’ applikazzjoni mill-Federazzjoni Bankarja Ewropea (EBF, European Banking Federation), il-Grupp Bankarju tat-Tfaddil u Bejgħ bl-Imnut Ewropew (ESBG, European Savings and Retail Banking Group), l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Banek Kooperattivi (EACB, European Association of Co-operative Banks), l-Assoċjazzjoni għas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa (AFME, Association for Financial Markets in Europe), u l-Assoċjazzjoni Ewropea tad-Djar tal-Ikklerjar tas-CCP (EACH, European Association of CCP Clearing Houses), jirrappreżentaw lil CBOE Clear Europe N.V., Citibank Europe PLC, Danske Bank, Deutsche Bank, Deutsche WertpapierService Bank u Eurex Clearing fit-T2S CSG. Il-lista ta’ istituzzjonijiet privati li jipparteċipaw fit-T2S CSG bħala Osservaturi hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kriżi ċivili u d-difiża nazzjonali

Fl-4 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/18 wara talba mill-Uffiċċju tal-Gvern tar-Repubblika tal-Estonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza ta’ Finanssivalvonta u l-perjodi ta’ preklużjoni applikabbli għall-uffiċjali ta’ Suomen Pankki

Fl-4 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/19 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Finlandja.

Opinjoni tal-BĊE dwar taxxa fuq ċerti istituzzjonijiet finanzjarji

Fil-5 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/20 wara talba mill-Parlament tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limiti għall-pagamenti fi flus kontanti u l-limitazzjonijiet fuq l-aċċettazzjoni tagħhom fir-rigward tat-tariffi tal-qorti u amministrattivi

Fil-11 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/21 wara talba mill-Ministru għall-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw l-aċċess għall-flus kontanti

Fl-14 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/22 wara talba tal-Ministru għall-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza superviżorja ta’ Lietuvos bankas u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-membri tal-persunal u tal-korpi ta’ governanza tiegħu

Fl-14 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/23 fuq talba tal-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-portabbiltà tan-numri IBAN għall-kontijiet bankarji

Fid-19 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/24 fuq talba taċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Ekonomija, il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u d-Diġitalizzazzjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti Belġjana.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika mhux finanzjarja dwar proprjetà immobbli kummerċjali

Fit-2 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/25 wara talba tal-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar liġi kostituzzjonali dwar id-dritt għall-użu tal-flus kontanti

Fit-2 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/26 wara talba mill-Assemblea Nazzjonali Slovena.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza tal-membri tal-Kunsill Governattiv tal-Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru)

Fit-2 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/27 fuq talba tal-Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru), f’isem il-Ministeru għall-Finanzi tal-Bulgarija.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu speċjali b’limitu ta’ kapital inizjali aktar baxx ta’ EUR 1 miljun

Fis-17 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/28 wara talba tal-Ministeru għall-Finanzi tal-Latvja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza tal-Awtorità Federali għas-Sorveljanza Finanzjarja

Fit-18 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/29 wara talba tal-Ministeru għall-Finanzi tal-Ġermanja Federali.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni ta’ De Nederlandsche Bank

Fid-29 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2025/27 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ De Nederlandsche Bank.

Aġent Chairperson tal-Kumitat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali (IRC, International Relations Committee)

Fl-10 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Fátima Pires, il-Viċi Direttur Ġenerali tal-BĊE għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u Ewropej, bħala viċi-chairperson tal-IRC b’effett immedjat, sabiex tissostitwixxi lil Isabel Vansteenkiste li dan l-aħħar inħatret bħala Kunsillier għall-President u Koordinatur tal-Kunsill tal-Bord Eżekuttiv b’effett mill-15 ta’ Settembru 2025. Il-mandat tas-Sinj. Pires se jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Diċembru 2025, meta l-presidenti kollha tal-Kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ se jinħatru (mill-ġdid) għall-perjodu ta’ tliet snin li jmiss (Jannar 2026 sa Diċembru 2028.

Ħatra ta’ membri ġodda fil-Kumitat ta' Sorveljanza tar-rata tal-euro għal żmien qasir

Fit-18 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Felix Geiger (Deutsche Bundesbank) u lil Emiliano González (Banco de España) bħala membri nominati mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal-Kumitat għas-Sorveljanza Regolatorja tal-€STR. B’termini li jiddekorru mill-1 ta’ Ottubru 2025 sat-30 ta’ Settembru 2027, huma jissostitwixxu lill-membri attwali mill-Banque de France u mill-Banca d’Italia. Il-ħatriet isegwu r-regoli għar-rotazzjoni tal-membri tal-BĊN tal-Kumitat. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Roland Straub, Viċi Direttur Ġenerali għall-Operazzjonijiet tas-Suq, bħala membru tal-BĊE fil-Kumitat mill-1 ta’ Ottubru 2025, b’hekk jissostitwixxi lill-membru attwali, Thomas Vlassopoulos, Direttur Ġenerali għall-Infrastruttura tas-Swieq u Pagamenti. L-informazzjoni relevanti dalwaqt se tiġi aġġornata fis-sit web tal-BĊE.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Estensjoni tal-arranġament bilaterali ta’ swap tal-munita euro-renminbi mal-Bank Popolari taċ-Ċina

Fil-31 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv approva l-estensjoni tal-arranġament bilaterali dwar swaps tal-munita euro-renminbi bejn il-BĊE u l-Bank Popolari taċ-Ċina għal tliet snin oħra, sat-8 ta’ Ottubru 2028. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Riżultati tat-testijiet tal-istress tal-2025 imwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea u mill-BĊE

Fit-28 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex japprova r-riżultati finali kemm tat-test tal-istress tal-2023 għall-Unjoni Ewropea kollha li ġie kkoordinat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) kif ukoll għat-test tal-istress tal-BĊE stess. Għal dan l-eżerċizzju kombinat, 51 bank ġew inklużi fil-kampjun tat-test tal-istress immexxi mill-EBA u 45 bank fil-kampjun tal-BĊE, li lkoll jinsabu taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE. Ir-riżultati, flimkien mal-istqarrija għall-istampa relatata, ġew ppubblikati fis-sit elettroniku tal-BĊE fl-1 ta’ Awwissu 2025.

Konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ Linja Gwida tal-BĊE dwar approċċ superviżorju komuni għall-kopertura ta’ self improduttiv minn istituzzjoni inqas sinifikanti

Fit-28 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju sabiex iniedi konsultazzjoni pubblika dwar abbozz ta’ Linja Gwida tal- BĊE dwar l-approċċ superviżorju mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali sabiex ikopri skoperturi improduttivi miżmumin minn entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni. L-abbozz ta’ Linja Gwida flimkien ma’ dokument ta’ mistoqsijiet komuni huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata. Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ għaddejja sas-27 ta’ Ottubru 2025.

Regolament tal-BĊE li jemenda r-Regolament (UE) 2015/534 dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja

Fid-9 ta’ Settembru 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġi adottat ir-Regolament BĊE/2025/31 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/534 dwar ir-rappurtar ta’ informazzjoni finanzjarja superviżorja (BĊE/2015/13). L-emendi jispeċifikaw informazzjoni addizzjonali li istituzzjoni inqas sinifikanti se jkunu meħtieġa jirrapportaw lill-BĊE bil-għan li jtejbu l-komparabilità tar-riżultati tar-rieżami superviżorju u tal-valutazzjoni tal-proċess ta’ evalwazzjoni. Dan it-titjib se jtejjeb l-eżerċizzju tal-BĊE tas-superviżjoni tiegħu fuq il-funzjonament tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u se jippromwovi applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin. Ir-Regolament emendatorju, li se japplika mit-30 ta’ Diċembru 2025, se jiġi ppubblikat fil-waqt ix-xieraq fuq EUR-Lex. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja