Il-proċess ta’ disinn mill-ġdid
F’Diċembru 2021, ħabbarna l-pjanijiet tagħna li niddisinnjaw mill-ġdid il-karti tal-flus tal-euro, li huma parti mill-proċess għall-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda. Irridu niżguraw li l-karti tal-flus jibqgħu disponibbli u aċċessibbli u jibqgħu jkunu mezz ta’ ħlas sikur u effiċjenti.
Irridu wkoll li l-karti tal-flus ikunu kemm jista’ jkun sostenibbli u jħarsu aktar l-ambjent. Huwa għalhekk li qed inħarsu lejn l-impronta ambjentali tagħhom biex nidentifikaw opportunitajiet biex innaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom permezz ta’ materjali u proċessi ġodda. Il-proċess ta’ disinn mill-ġdid huwa wkoll opportunità sabiex il-karti tal-flus isiru iktar inklużivi.
Id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar it-tema u d-disinni l-ġodda se tqis l-opinjonijiet miġbura tal-pubbliku fi stħarriġiet u pariri minn gruppi ta’ esperti. L-għan tagħna huwa li niżguraw li t-tema u d-disinji magħżula jkunu relatabbli għall-Ewropej kollha.
Hemm żewġ stadji ewlenin fil-proċess:
- l-għażla ta’ temi futuri possibbli u motifi assoċjati;
- l-għażla ta’ disinn wara konkors tad-disinn.
Passi ewlenin fil-proċess tad-disinn mill-ġdid
Temi u motifi
Fit-30 ta’ Novembru 2023, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-proċess ta’ disinn mill-ġdid għall-karti tal-flus tal-euro b’żewġ temi possibbli – “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar” – u l-motifi assoċjati tagħhom.
Tema: Il-kultura Ewropea
Il-wirt kulturali għani u s-setturi kreattivi u kulturali dinamiċi tal-Ewropa jsaħħu l-identità Ewropea tagħna, u jsawru sens kondiviż ta’ appartenenza. Il-kultura tippromwovi valuri komuni, inklużjoni u djalogu fl-Ewropa u madwar id-dinja. Tgħaqqad lin-nies.
L-istorja wara l-motifi: spazji kulturali kondiviżi
It-tema ta’ “Kultura Ewropea” tiċċelebra l-ispazji kulturali kondiviżi li sawru l-identità Ewropea matul is-sekli. Il-motifi għal din it-tema juru diversi attivitajiet u spazji kulturali, kif ukoll personalitajiet Ewropej ikoniċi li kkontribwew għall-wirt kulturali tal-Ewropa.
Quddiem | Wara | |
| €5 Arti tal-ispettaklu | Maria Callas | Nies li jagħtu spettakli fit-triq (mużika/żfin/teatru) u joffru divertiment lil dawk li jkunu għaddejjin mill-qrib. |
| €10 Mużika | Ludwig van Beethoven | Festival tal-mużika b’kor magħmul minn tfal u żgħażagħ ikantaw. |
| €20 Universitajiet u skejjel | Marie Curie (imwielda Skłodowska) | Skola jew università b’għalliema mara u studenti żgħażagħ. Hemm pitazzi u kotba fuq l-imwejjed. |
| €50 Libreriji | Miguel de Cervantes Saavedra | Librerija b’xi adulti jaqraw kotba stampati u kotba diġitali. Tifel u tifla quddiem xkafef bil-kotba li qed jippruvaw jilħqu ktieb. |
| €100 Mużewijiet u wirjiet | Leonardo da Vinci | Adulti u tfal jammiraw xi eżempji ta’ arti tat-triq, arti kontemporanja, eċċ. |
| €200 Pjazez pubbliċi | Bertha von Suttner | Pjazza mgħottija bis-siġar li tippermetti lin-nies jiltaqgħu, b’adulti u tfal jitkellmu, jimxu, jilagħbu, eċċ. |
Tema: Xmajjar u għasafar
Ix-xmajjar u l-għasafar ma jagħrfux fruntieri, jissimbolizzaw il-libertà u l-għaqda fost l-Ewropej u l-konnessjoni tagħna man-natura. L-Ewropa għandha varjetà wiesgħa ta’ xmajjar u ta’ għasafar li jispirawna u jfakkruna fir-responsabbiltà tagħna li nħarsu l-ambjent.
L-istorja wara l-motifi: ir-reżiljenza fid-diversità
It-tema “Xmajjar u għasafar” tenfasizza r-reżiljenza u d-diversità tal-ekosistemi naturali tal-Ewropa billi turi stadji differenti ta’ xmajjar u diversi speċijiet ta’ għasafar, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tan-natura u tal-ambjent. L-istituzzjonijiet Ewropej li jidhru fuq il-karti tal-flus ifakkruna fil-valuri fundamentali tal-proġett Ewropew, li jinkludu l-ħarsien tal-ambjent.
Quddiem | Wara | |
| €5 | Ir-rebbiegħa fuq il-muntanji Pjanta tixxebblek qrib pajsaġġ fuq muntanja | Il-Parlament Ewropew |
€10 | Kaskata | Il-Kummissjoni Ewropea |
€20 | Wied magħluq miż-żewġt iġnub bi xmara fih Kolonja ta’ wikkiela tan-naħal f’ħajt tar-ramel maġenb wied kbir magħluq miż-żewġt iġnub bi xmara fih tul xatt ta’ xmara | Bank Ċentrali Ewropew |
€50 | Xmara sserrep Ċikonja ttir fuq xmara sserrep fuq wied miftuħ bi xmara fih | Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea |
€100 | Bokka ta’ xmara | Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea |
| €200 | Pajsaġġ bil-baħar Sula ttir fuq mewġ kbir tal-oċean | Qorti Ewropea tal-Awdituri |
Disinni
Fil-15 ta’ Lulju 2025, il-BĊE nieda uffiċjalment il-konkors tiegħu tad-disinn għall-karti tal-flus futuri tal-euro, u stieden lid-disinjaturi grafiċi kollha li għandhom ir-residenza tagħhom fl-Ewropa sabiex jipparteċipaw. Il-konkors iffoka fuq iż-żewġ temi magħżula: “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u Għasafar”.
Fażi tal-applikazzjonijiet
Il-perjodu għall-applikazzjonijiet – mill-15 ta’ Lulju sat-18 ta’ Awwissu 2025 – huwa magħluq. Grazzi lil kull min applika! Il-BĊE rreveda l-applikazzjonijiet kollha u għażel disinjaturi biex jimxu għall-fażi li jmiss.
Il-fażi tal-proposti tad-disinn
Id-disinjaturi magħżula rċevew sommarju dettaljat u għandhom sal-aħħar ta’ April 2026 biex jissottomettu l-proposti tad-disinn tagħhom għal waħda mit-temi jew għat-tnejn li huma. Il-proposti kollha se jiġu vvalutati mill-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn, bord ta’ esperti indipendenti. Il-Ġurija se tagħżel sa għaxar proposti ta' disinn (ħamsa għal kull tema) sabiex jiġu kkunsidrati mill-Kunsill Governattiv.
Għal aktar informazzjoni dwar il-kompetizzjoni tad-disinn, mur fl-arkivju tal-akkwisti tal-BĊE.
Jekk jogħġbok irreferi għall-Avviż tal-Konkors tad-Disinn: BĊE - Konkors tad-Disinn għall-karti tal-flus tal-euro futuri (461742-2025).
Xi jmiss?
Il-konkors tad-disinn huwa mistenni li jiġi konkluż f’Ġunju 2026, u d-disinjaturi parteċipanti kollha se jiġu infurmati bir-riżultati. Wara dan, il-BĊE se jwettaq stħarriġ pubbliku biex jisma’ l-fehmiet tan-nies dwar il-proposti tat-tfassil li jkunu waslu fl-istadju finali. Il-Kunsill Governattiv se jqis dan il-feedback qabel ma jħabbar il-proposta tad-disinn finali għall-karti tal-flus tal-euro futuri, mistennija sa tmiem l-2026.
Ladarba tintgħażel il-proposta finali tad-disinn, il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi meta għandu jibda jipproduċi u joħroġ il-karti tal-flus tal-euro l-ġodda. Għad m’hemm l-ebda data stabbilita għal meta l-karti tal-flus il-ġodda se jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni, u għalhekk xorta se jgħaddu diversi snin qabel ma jidħlu fil-kartiera tiegħek.
Input mill-pubbliku u minn esperti
Nisimgħu lill-Ewropej
Minn meta nbeda l-proċess ta’ disinn mill-ġdid, diġà kkonsultajna lill-pubbliku Ewropew darbtejn. Qabel ma l-Kunsill Governattiv jagħmel l-għażla finali tiegħu, sejrin għal darba oħra nikkuntattjaw lill-pubbliku biex nistaqsuh għall-opinjonijiet tiegħu fuq għadd ta’ disinni futuri possibbli.
Bejn Diċembru 2021 u Marzu 2022, tkellimna man-nies fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, kif ukoll man-nies fil-Kroazja u fil-Bulgarija, biex jagħtuna l-opinjonijiet tagħhom dwar temi possibbli għall-karti tal-flus futuri.
Agħti daqqa t’għajn lejn ir-rapport dwar l-istudju kwalitattiv dwar temi ġodda għall-karti tal-flus tal-euro jew is-sommarju eżekuttiv.
Bejn Lulju u Awwissu 2023, għamilna stħarriġ online li talab lin-nies biex jgħidulna liema mis-seba’ temi fuq il-lista l-qasira jippreferu, li għalih wieġbu aktar minn 365,000 Ewropew. Biex niżguraw kampjun rappreżentattiv, ikkummissjonajna wkoll lil kumpanija indipendenti tar-riċerka biex tagħmel stħarriġ simili bejn diversi pajjiżi b’mod parallel mal-istħarriġ online tagħna.
Aqra r-rapport jew is-sommarju eżekuttiv biex issir taf aktar dwar ir-riżultati tal-istħarriġ.
Konsultazzjoni mal-esperti
Mit-tnedija tal-proċess ta’ disinn mill-ġdid, fittixna l-parir ta’ tliet gruppi ta’ esperti indipendenti fuq it-temi, il-motifi u, finalment, id-disinni tal-karti tal-flus futuri tal-euro.
Fi tmiem l-2021, il-Grupp Konsultattiv dwar it-Temi ppropona lista qasira ta’ sitt temi. Imbagħad, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE kkunsidra bir-reqqa jekk it-temi magħżula kinux relatabbli għall-Ewropej u jirrappreżentawx il-ħajja u l-valuri Ewropej, u ddeċieda li jżid is-seba’ tema, “Kultura Ewropea”. Aqra aktar dwar is-seba’ temi fuq il-lista l-qasira.
Sir af aktar mir-rapport dwar ix-xogħol tal-Grupp Konsultattiv dwar it-Temi jew mis-sommarju eżekuttiv.
Fl-2024, wara li “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar” intgħażlu bħala temi possibbli għall-karti tal-flus tal-euro futuri, grupp ta’ esperti indipendenti ieħor, il-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi ntalab jipproponi motifi possibbli biex juri ż-żewġ temi.
Fil-bidu tal-2025, il-Kunsill Governattiv iddiskuta u żviluppa ulterjorment is-sett ta’ motifi possibbli għal kull tema u ddeċieda li jniedi l-konkors tad-disinn biż-żewġ temi u bil-motifi assoċjati tagħhom. Aqra aktar dwar il-ħidma tal-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi fir-rapport sħiħ jew fis-sommarju eżekuttiv.
Il-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn (panil indipendenti ta’ esperti) se jkollha rwol importanti fl-appoġġ tal-Kunsill Governattiv fil-proċess tal-għażla. Il-Ġurija se tivvaluta d-disinji sottomessi mid-disinjaturi u se tagħżel proposti sabiex jitressqu quddiem il-Kunsill Governattiv biex jikkunsidrahom.