Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Awwissu 2014

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tat-8 ta’ Awwissu 2014

Operazzjonijiet tas-suq

Deċiżjoni tal-BĊE dwar miżuri relatati ma’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal

Fid-29 ta’ Lulju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/34 dwar miżuri relatati ma’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal ( targeted longer-term refinancing operations – TLTROs). It-TLTROs tfasslu biex itejbu l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja billi jsostnu s-self lill-ekonomija reali. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fit-TLTROs u aspetti operattivi oħra ta’ dawn l-operazzjonijiet. Id-Deċiżjoni, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarha, ġiet ippubblikata fil-websajt tal-BĊE minnufih wara li ġiet adottata.

Implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Kunsill tal-UE minħabba l-azzjonijiet tar-Russja li qegħdin jiddestabilizzaw il-qagħda fl-Ukraina

Fis-7 ta’ Awwissu 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jimplimenta l-miżuri restrittivi minħabba l-azzjonijiet tar-Russja li qegħdin jiddestabilizzaw il-qagħda fl-Ukraina, approvati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Lulju 2014. Il-BĊE se jiżgura li l-banek ikollhom aċċess għar-rifinanzjament iżda se jintalbu jiddikjaraw minn qabel kemm jeħtieġu likwidità. L-approvazzjoni tingħatalhom jekk jiġi kkonfermat li l-likwidità mitluba ma tkunx se tintuża biex jinqabżu l-miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu fil-Portugall

Fil-21 ta’ Lulju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/57 wara t-talba tal-Ministru tal-Istat u l-Finanzi tal-Portugall.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha

Fil-25 ta’ Lulju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/58 bl-inizjattiva tiegħu. L-Opinjoni se tiġi ppubblikata fi żmien xieraq f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ġenerali ġodda li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema dwar kuntratti ta’ self lill-konsumaturi fl-Ungerija

Fit-28 ta’ Lulju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/59 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet oħra f’Ċipru

Fit-22 ta’ Lulju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/60 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri għar-riorganizzazzjoni u x-xoljiment fir-rigward ta’ Hypo Group Alpe Adria fl-Awstrija

Fid-29 ta’ Lulju 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/61 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment fl-Ungerija

Fis-6 ta’ Awwissu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/62 wara talba tal-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-ridenominazzjoni tal-kapital u tat-titoli tal-kumpaniji fil-Litwanja

Fis-6 ta’ Awwissu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/63 wara talba mill-Ministeru tal-Ekonomija tal-Litwanja.

Governanza korporattiva

Parteċipazzjoni ta’ Lietuvos bankas fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv qabel l-1 ta’ Jannar 2015

Skont il-prattika tal-imgħoddi, fis-16 ta’ Lulju 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jistieden lill-Gvernatur ta’ Lietuvos bankas bħala osservatur għal-laqgħat tiegħu u li jagħti l-istatus ta’ osservatur lill-esperti ta’ Lietuvos bankas fir-rigward tal-kumitati kollha tal-Eurosistema u tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u s-sottostrutturi tagħhom kull meta jiltaqgħu fil-kompożizzjoni tal-Eurosistema. Rappreżentant ta’ Lietuvos bankas se jattendi wkoll, bħala osservatur, il-laqgħat tal-Bord Superviżorju. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-abrogazzjoni tal-istatus ta’ deroga għal-Litwanja li ttieħdet fit-23 ta’ Lulju 2014.

Superviżjoni bankarja

Pubblikazzjoni tal-Manwal tat-Test tal-Istress tal-Evalwazzjoni Komprensiva

Fis-6 ta’ Awwissu 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tal-Manwal tat-test tal-istress tal-evalwazzjoni komprensiva ( Comprehensive Assessment Stress Test – CAST). Dan il-manwal jiddeskrivi l-passi tal-evalwazzjoni komprensiva li jsegwu u jkomplu jibnu fuq l-Analiżi tal-kwalità tal-assi ( asset quality review – AQR). B’mod partikolari, il-manwal jiddokumenta kif se jitwettqu b’mod sistematiku u ċentrali l-assigurazzjoni tal-kwalità tar-riżultati tat-test tal-istress li saru mill-banek u l- join-up tal-AQR u t-test tal-istress. Flimkien mal-Manwal tal-Fażi 2 tal-AQR u l-metodoloġija tat-test tal-istress tal-Awtorità Bankarja Ewropea ( European Banking Authority – EBA), il-manwal jipprovdi l-metodoloġija sħiħa għall-komponent kwantitattiv tal-evalwazzjoni komprensiva. Il-manwal ġie ppubblikat illum fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja