Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro tbaxxiet iktar fl-ewwel sitt xhur tal-2019

26 ta’ Lulju 2019

  • 251,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2019
  • Madwar 80% ta' dawk il-karti tal-flus foloz kienu tal-€20 u l-€50
  • Il-karti tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas fdat u sigur
  • Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu ċċekkjati bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”

Madwar 251,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2019, tnaqqis ta' 4.2% imqabbel mat-tieni sitt xhur tal-2018 u 16.6% inqas mill-ewwel sitt xhur tal-2018. Il-probabbiltà li tirċievi flus iffalsifikati hija verament baxxa billi l-għadd ta' karti tal-flus foloz jibqa' baxx ħafna meta jitqabbel mal-għadd tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, li minn meta ġew introdotti l-ewwel darba, baqa' dejjem jiżdied, b'rati li huma iżjed minn dik tat-tkabbir tal-PDG. Fl-2018, l-għadd u l-valur ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni żdiedu b'madwar 5.6% u 5.2% rispettivament. Bħalissa hemm iżjed minn 22 biljun karta tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, b'valur totali ta' iżjed minn €1.2 triljun.

Iċ-ċifri għal kull sitt xhur jidhru hawn taħt:

Perjodu

L-ewwel sitt xhur tal-2016

It-tieni sitt xhur tal-2016

L-ewwel sitt xhur tal-2017

It-tieni sitt xhur tal-2017

L-ewwel sitt xhur tal-2018

It-tieni sitt xhur tal-2018

L-ewwel sitt xhur tal-2019

Numru ta’ karti tal-flus foloz

331,000

353,000

331,000

363,000

301,000

262,000

251,000

Analiżi skont id-denominazzjoni:

Denominazzjoni

€5

€10

€20

€50

€100

€200

€500

Perċentwali tat-total

1.6%

3.0%

27.9%

54.2%

10.4%

1.4%

1.5%

Matul l-ewwel sitt xhur tal-2019:

  • Il-karti tal-€20 u l-€50 baqgħu l-aktar denominazzjonijiet li ġew iffalsifikati, flimkien jammontaw għal iktar minn 80% tal-flus foloz kollha.
  • il-biċċa l-kbira tal-karti tal-flus foloz (97.2%) instabet fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Il-bqija nstabu fl-Istati Membri tal-UE mhux taż-żona tal-euro tal-UE (2.1%) u f’partijiet oħra tad-dinja (0.7%).

Iċċekkja l-karti tal-flus tiegħek!

Minn kemm ilha li ħarġet l-ewwel sensiela ta’ karti tal-euro, l-Eurosistema – i.e. il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u d-19-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – ħeġġet lill-pubbliku joqgħod attent meta jirċievi karti tal-flus. Tista' tiċċekkja l-karti tal-flus tiegħek bil-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fit-taqsima “L-€uro” fil-websajt tal-BĊE u l-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali. Jekk tirċievi karta tal-flus li tqajjem suspett, għandek tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hi tajba. Jekk tikkonferma s-suspetti tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-pulizija, jew lill-bank ċentrali ta’ pajjiżek jew lill-bank li taħdem bih jew bank kummerċjali jew bl-imnut, skont il-prattika nazzjonali. L-Eurosistema tappoġġa lill-aġenziji li jinfurzaw il-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni.

L-Eurosistema tikkomunika b’diversi modi biex tgħin lin-nies jagħrfu l-karti tal-flus tajbin minn dawk foloz, u biex tgħin lill-kaxxiera professjonali jaċċertaw ruħhom li l-magni li jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu kapaċi jidentifikaw b’mod affidabbli l-karti tal-flus foloz u jneħħuhom miċ-ċirkolazzjoni.

L-Eurosistema għandha dmir tissalvagwarda l-integrità tal-karti tal-euro u tkompli ttejjeb it-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. It-tieni sensiela tal-karti tal-flus – is-sensiela Europa – hija terġa’ aktar sigura u qed tgħin lill-pubbliku jżomm il-fiduċja tiegħu fil-munita.

Karta tal-flus ġodda tal-€100 u l-€200 b'karatteristiċi tas-sigurtà mtejba daħlu fiċ-ċirkolazzjoni fit-28 ta’ Mejju 2019. Dan kien jimmarka t-tlestija tas-sensiela Europa, li involva ħafna snin ta’ preparazzjoni u kooperazzjoni fi ħdan l-Eurosistema.

Għall-mistoqsijiet mill-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Esther Tejedor, tel.: +49 69 1344 95596

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja