Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-karta l-ġdida tal-€50 fl-idejn mil-lum

4 ta' April 2017
  • Illum toħroġ il-karta tal-€50 ġdida b’karatteristiċi ta’ sigurtà aġġornati
  • Ix-xbieha ta’ Europa u n-numru aħdar żmerald jagħmlu l-karta l-ġdida iżjed reżistenti għall-falsifikazzjoni
  • Stħarriġ juri li n-nies għadhom jippreferu jħallsu bil-flus kontanti fil-ħwienet

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħabbar li l-karta l-ġdida tal-€50, ir-raba’ waħda fis-sensiela Europa, se toħroġ fl-idejn mil-lum.

Il-karta l-ġdida hija pass ieħor ’il quddiem biex il-karti tal-euro jsiru iżjed reżistenti għall-falsifikazzjoni u l-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħha jinkludu tieqa bil-wiċċ fin-naħa ta’ fuq tal-ologramma li ssir trasparenti meta tħares lejha kontra d-dawl. It-tieqa fiha xbieha ta’ wiċċ Europa, figura tal-mitoloġija Griega, li tidher miż-żewġ naħat tal-karta. Din ix-xbieha tidher ukoll fil-watermark flimkien ma’ numru aħdar żmerald li juri effett bid-dawl miexi ’l fuq u ’l isfel meta tmejjel il-karta tal-flus. Il-karta fiha wkoll stampar imqabbeż għal min huwa nieqes mid-dawl.

“Anki f’din l-era diġitali, il-flus kontanti jibqgħu indispensabbli għall-ekonomija tagħna,” qal il-President tal-BĊE Mario Draghi. “Stħarriġ li sar f’isem il-BĊE fuq l-użu tal-flus kontanti u li se jiġi pubblikat dalwaqt juri li iżjed minn tliet kwarti tal-ħlasijiet kollha fil-ħwienet taż-żona tal-euro jsiru bi flus kontanti, li jiġu ftit aktar minn nofs il-valur tat-tranżazzjonijiet kollha.”

Ir-riżultati kollha tal-istħarriġ se joħorġu fis-sajf li ġej.

Il-€50 hija d-denominazzjoni li tintuża l-iżjed fost il-karti tal-euro. Minnha hemm iżjed minn 9 biljuni fl-idejn, li jirrappreżentaw 46% tal-karti kollha tal-euro. Il-karti tal-€50 tal-ewwel sensiela se jibqgħu valuta legali u jkomplu jiċċirkolaw flimkien mal-karti l-ġodda, biex imbagħad jibdew jitneħħew ftit ftit miċ-ċirkolazzjoni.

Il-karti l-ġodda tal-€100 u €200 se joħorġu fil-bidu tal-2019.

Għal mistoqsijiet tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Eszter Miltényi-Torstensson (+49 69 1344 8034).

Noti:

L-istħarriġ sar abbażi ta’ djarju ta’ kuljum li nżamm minn 65,281 persuna bejn Ottubru 2015 u Lulju 2016. Dawk li ħadu sehem intalbu jieħdu nota tal-ħlasijiet kollha li għamlu f’postijiet bħal supermarkits, ħwienet tal-affarijiet tad-dar, barijiet, restoranti u swieq fit-toroq. L-istħarriġ tal-BĊE sar fi 17-il pajjiż. Studji nazzjonali oħra bl-istess metodoloġija saru mill-banek ċentrali tal-Ġermanja u n-Nederlands.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja