- 353,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2013. Din iċ-ċifra hija żgħira ħafna meta tqis li hemm aktar minn 15-il biljun karta tal-flus tajba fiċ-ċirkolazzjoni.
- Aktar minn 75% tal-karti tal-flus foloz huma tal-€20 u l-€50. L-għadd ta’ karti foloz tal-€10 żdied, iżda dan kien jirrappreżenta 6.3% biss tat-total.
- Biex jingħelbu l-falsifikaturi, l-Eurosistema llum qiegħda tippreżenta €10 ġdida u aġġornata, it-tieni karta tal-flus fis-sensiela Europa.
- Wieħed malajr jista’ jivverifika kwalunkwe karta tal-euro permezz tal-metodu “ħoss, ħares u mejjel”.
- Il-karti tal-euro jibqgħu mezz fdat u sigur ta’ ħlas.
Fit-tieni nofs tal-2013 total ta’ 353,000 karta falza tal-euro tneħħa miċ-ċirkolazzjoni – żieda ta’ 11.4% fuq iċ-ċifra tal-ewwel nofs tas-sena. Madankollu l-għadd ta’ karti tal-flus foloz baqa’ żgħir ħafna meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-flus tajbin fiċ-ċirkolazzjoni fl-istess perjodu (aktar minn 15-il biljun).
Hawn taħt tidher ix-xejra għal kull sitt xhur:
Perjodu | 2010/2 | 2011/1 | 2011/2 | 2012/1 | 2012/2 | 2013/1 | 2013/2 |
Għadd ta’ karti tal-flus foloz | 364,000 | 296,000 | 310,000 | 251,000 | 280,000 | 317,000 | 353,000 |
Minkejja dan l-għadd żgħir, il-membri tal-Eurosistema – il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u t-18-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – iwissu l-pubbliku biex joqgħod attent kull meta jiġu karti tal-flus f’idejh. Il-karti tal-flus tajbin jingħarfu faċilment permezz tal-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fil-paġni dwar l-euro tal-websajt tal-BĊE u l-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema. Jekk persuna jkollha suspett dwar karta tal-flus, għandha tqabbilha ma’ waħda li tkun tajba żgur. Jekk is-suspett jiġi kkonfermat, il-persuna għandha tikkuntattja jew lill-pulizija jew – skont il-prattika nazzjonali – il-bank ċentrali nazzjonali rispettiv.
It-tabella ta’ hawn taħt tagħti analiżi f’perċentwali, skont id-denominazzjoni, tal-għadd totali tal-karti tal-flus foloz li tneħħa miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni sitt xhur tal-2013.
Denominazzjoni | €5 | €10 | €20 | €50 | €100 | €200 | €500 |
Analiżi f’perċentwali | 0.4% | 6.3% | 43.0% | 35.0% | 12.9% | 1.4% | 1.0% |
Matul dan il-perjodu:
- il-karti tal-€20 u l-€50 baqgħu l-iżjed karti tal-flus li ġew iffalsifikati. Il-proporzjon ta’ karti tal-flus foloz tal-€20 żdied u dak tal-karti tal-flus foloz tal-€50 naqas. Flimkien, kienu jgħoddu 78% tal-karti tal-flus foloz;
- l-għadd ta’ karti tal-flus foloz tal-€10 żdied, iżda din id-denominazzjoni kienet tirrappreżenta 6.3% biss tat-total; u
- il-biċċa l-kbira (98.0%) tal-karti tal-flus foloz instabu fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Bejn wieħed u ieħor, 1.5% instabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea barra ż-żona tal-euro u 0.5% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.
L-Eurosistema tikkomunika b’diversi modi biex tgħin lill-pubbliku jagħraf bejn karti tal-flus tajbin u foloz, u biex dawk li jimmaniġġaw il-flus kontanti jkunu ċerti li l-magni li jipproċessaw u jivverifikaw il-karti tal-flus jidentifikaw b’mod affidabbli u jneħħu l-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni. L-Eurosistema għandha dmir tissalvagwarda l-integrità tal-karti tal-euro u tapplika t-titjib fit-teknoloġija tal-karti tal-flus. Is-sensiela Europa li qiegħda tintroduċi se tikkontribwixxi għaż-żamma tal-fiduċja tal-pubbliku fil-munita. Is-sensiela l-ġdida se toffri l-aħjar protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni, billi l-karti tal-flus se jkunu iktar siguri u jservu iktar fit-tul.
Yves Mersch, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, illum ippreżenta l-karta l-ġdida tal-€10 tas-sensiela Europa wara li f’Mejju 2013 ħarġet il-karta l-ġdida tal-€5. Il-karti tal-flus l-oħrajn f’din is-sensiela se jiġu introdotti gradwalment fis-snin li ġejjin.
Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jikkuntattja lil Elodie Lafitte Nowodazkij, tel.: +49 69 1344 7390.