Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2009

Kwistjonijiet operazzjonali

Estensjoni tal-ftehim dwar operazzjonijiet swap mal-Federal Reserve System u s-Swiss National Bank

Fil-25 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv approva l-estensjoni tal-arranġamenti dwar il-muniti, reciproċi u temporanji (linji swap), mal-Federal Reserve System sal-1 ta’ Frar 2010 u ddeċieda li jibqa’ jmexxi operazzjonijiet għall-provvediment ta’ likwidità, ta’ 7 ijiem u 84 jum, għall-inqas sat-30 ta’ Settembru 2009. Fl-istess ħin, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, wara l-operazzjoni li għandha ssir fit-28 ta’ Lulju 2009, iwaqqaf l-operazzjonijiet għall-provvediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani b’maturità ta’ 28 jum. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll l-estensjoni tal-arranġament li għandu mas-Swiss National Bank dwar operazzjonijiet swap u ddeċieda li jibqa’ jmexxi operazzjonijiet ta’ ġimgħa għall-provvediment ta’ likwidità fi franki Svizzeri għall-inqas sal-31 ta’ Ottubru 2009. Żewġ stqarrijiet għall-istampa b’tagħrif iżjed dettaljat ġew ippublikati fil-websajt tal-BĊE fil-25 ta’ Ġunju 2009.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti

Fit-2 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (BĊE/2009/16). Id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE fl-4 ta’ Lulju 2009 u hi disponibbli wkoll fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u l-Infrastruttura tas-suq

Infrastruttura għad-derivati OTC

Fis-16 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill Governattiv ikkunsidra l-progress li sar għat-tisħiħ tal-infrastruttura tad-derivati nnegozjati barra mill-boroż organizzati (OTC). Jirrikonoxxi l-utilità tal-inizjattivi tas-settur pubbliku u s-settur privat biex itejbu l-armonizzazzjoni, it-trasparenza u l-maniġġ tar-riskji fil-qasam tad-derivati tal-kreditu. Il-Kunsill Governattiv iqis li din il-ħidma għandha tibqa’ għaddejja u li eventwalment tiġi estiża għal kategoriji oħra ta’ assi. B’mod partikolari, laqa’ bi pjaċir il-progress li sar għall-introduzzjoni tal-faċilitajiet tal-ikklerjar tal-kontropartijiet ċentrali (CCP) għad-derivati tal-kreditu OTC. Skond id-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 u d-dikjarazzjoni preċedenti tiegħu ta’ Settembru 2001 dwar l-ikklerjar tas-CCP, u minħabba l-importanza sistemika tas-sistemi tal-ikklerjar u s-saldu tat-titoli, il-Kunsill Governattiv ikkonferma l-importanza li jkun hemm mill-inqas faċilità CCP waħda għall-ikklerjar tad-derivati tal-kreditu OTC li tkun tinsab fi ħdan iż-żona tal-euro. F’dan il-kuntest, se tingħata prijorità partikolari lill-użu tal-infrastrutturi taż-żona tal-euro għall-ikklerjar ta’ credit default swaps denominati f’euro, li se jiġu ssorveljati mill-qrib mill-Eurosistema fix-xhur li ġejjin.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar id-distribuzzjoni tal-qligħ tal-Latvijas Banka

Fl-24 ta’ Ġunju 2009, fuq talba tal-Latvijas Banka, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar id-distribuzzjoni tal-qligħ tal-Latvijas Banka (CON/2009/53). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri addizzjonali għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji fil-Ġermanja

Fl-24 ta' Ġunju 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ġermaniż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar miżuri oħra għall-istabbilizzazzjoni tas-suq finanzjarju (CON/2009/54). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għar-regoli li jrieġu d-depożitorju ċentrali tat-titoli fil-Polonja

Fl-24 ta’ Ġunju 2009, fuq talba tal-Ispiker tal-Parlament Pollakk, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar emendi għar-regoli li jrieġu d-depożitorju ċentrali tat-titoli (CON/2009/55). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regolazzjoni tal-kiri finanzjarju u tal-attivitajiet tal-kumpaniji tal-kiri f’Ċipru

Fis-26 ta' Ġunju 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ċiprijott, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar ir-regolazzjoni tal-kiri finanzjarju u tal-attivitajiet tal-kumpaniji tal-kiri f’Ċipru. (CON/2009/57). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-iskema tal-Istat għar-rikapitalizzazzjoni fl-Isvezja

Fl-14 ta’ Lulju 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Svediż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-iskema tal-Istat għar-rikapitalizzazzjoni (CON/2009/58). Din l-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tassazzjoni tar-riżervi tad-deheb tal-Banca d’Italia

Fl-14 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar it-tassazzjoni tar-riżervi tad-deheb tal-Banca d’Italia (CON/2009/59). Din l-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas legali għal għaqdiet kooperattivi tat-tifdil u tal-kreditu fil-Polonja

Fis-16 ta’ Lulju 2009, fuq talba tal-Parlament Pollakk, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-qafas legali għall-kooperattivi tat-tifdil u tal-kreditu (CON/2009/60). Din l-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-websajt tal-BĊE.

Statistika

Regolament tal-BĊE dwar il-karti tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2008/32)

Fid-29 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv adotta korrezzjoni għall-verżjoni Svediża tar-Regolament (KE) Nru. 25/2009 tal-BĊE tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-karti tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (riformulazzjoni) (BĊE/2008/32).

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

It-tmien “Analiżi tar-rwol internazzjonali tal-euro”

Fid-19 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tat-tmien “Analiżi tar-rwol internazzjonali tal-euro” fil-websajt tal-BĊE fit-8 ta' Lulju 2009. L-Analiżi, li tkopri l-iżviluppi fl-2008, teżamina r-rwol tal-euro fis-swieq globali u f’pajjiżi barra ż-żona tal-euro, u għandha l-għan li ttejjeb l-għarfien tal-qagħda kurrenti tal-internalizzazzjoni tal-euro, billi tidentifika l-iżviluppi ewlenin u x-xejriet bażiċi.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tan-Národná Banka Slovenska

Fil-25 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-UE dwar l-awdituri esterni tan-Národná Banka Slovenska (BĊE/2009/14). Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE fl-4 ta’ Lulju 2009 u hi disponibbli wkoll fil-websajt tal-BĊE.

Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti

Deċiżjoni tal-BĊE li timmodifika l-volum tal-ħruġ ta’ muniti tal-euro mill-Awstrija fl-2009

Fil-25 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/20 dwar il-volum ta’ muniti tal-euro li tista’ toħroġ l-Awstrija fl-2009 (BĊE/2009/15), li biha l-Kunsill Governattiv awtorizza żieda ta’ EUR 160 miljun fil-volum ta’ muniti tal-euro li għandhom jinħarġu mill-Awstrija. Id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE fit-2 ta’ Lulju 2009 u hi disponibbli wkoll fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja