Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Novembru 2024
29 ta' Novembru 2024
Operazzjonijiet tas-suq
Emenda għall-kontropartijiet eliġibbli u għar-regoli dwar is-self ta' titoli għal bonds korporattivi miżmuma fil-portafolli tal-politika monetarja
Fl-24 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2024/28 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/948 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16) u d-Deċiżjoni BĊE/2024/29 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta' xiri ta' emerġenza fil-każ ta' pandemija (BĊE/2020/17). L-atti legali emendatorji jimplimentaw bidliet fir-regoli applikabbli għal kontropartijiet eliġibbli u tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli li jinvolvu bonds korporattivi miżmuma mill-Eurosistema taħt il-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP) u l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (PEPP) biex jirriflettu kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju. Iż-żewġ atti legali huma disponibbli fuq EUR-Lex.
Bidliet fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema
Fis-27 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv approva għadd ta’ bidliet tekniċi fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema, li waqqfu l-eliġibbiltà ta’ ċerti tipi ta’ assi li saru eliġibbli temporanjament jew li fil-fatt ma ntużawx u integraw fil-qafas ġenerali ċerti tipi ta’ assi temporanji. Dawn il-bidliet huma konformi mal-eżitu tar-rieżami tal-qafas operazzjonali konkluż reċentement u se jgħinu biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-politika tal-BĊE tibqa’ effettiva, robusta, flessibbli u effiċjenti fil-futur. Tagħrif iżjed dettaljat huwa pprovdut fi stqarrija għall-istampa relatata li tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Il-politika makroprudenzjali u l-istabbiltà finanzjarja
Ir-rispons tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni mmirata tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politiki makroprudenzjali għall-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja (NBFI)
Fit-12 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politiki makroprudenzjali għall-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja. Ir-rispons, li jappoġġa b’mod wiesa’ l-iżvilupp propost ta’ approċċ makroprudenzjali għar-regolament tal-NBFI, huwa disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
Financial Stability Review – Novembru 2024
Fit-13 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv kellu skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-edizzjoni ta’ Novembru 2024 tar-Reviżjoni tal-Istabbiltà Finanzjarja u awtorizza l-pubblikazzjoni tagħha fuq il-websajt tal-BĊE. Minbarra li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-vulnerabbiltajiet ewlenin tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, din l-edizzjoni, li tfakkar l-20 anniversarju tar-Rieżami, tinkludi żewġ karatteristiċi speċjali. L-ewwel waħda tislet tagħlimiet minn żewġ deċennji ta’ esperjenza fl-identifikazzjoni, fl-analiżi u fil-komunikazzjoni dwar ir-riskji sistemiċi permezz tar-Rieżami tal-Istabbiltà Finanzjarja filwaqt li t-tieni tivvaluta r-rwol tal-finanzi u l-implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja ta’ produttività baxxa tad-ditti. Ir-rieżami jinsab fuq is-sit web tal-BĊE.
Infrastruttura tas-suq u pagamenti
Is-Saldu ta’ Ħlas Istantanju TARGET (TIPS) interkonness ma’ sistemi oħra ta’ ħlas rapidu
Fit-18 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-Eurosistema se tkompli taħdem biex tgħaqqad it-TIPS ma’ sistemi oħra ta’ pagament rapidu globalment bil-għan li tindirizza r-riskji ta’ frammentazzjoni tal-ekosistema tal-pagamenti globali. Id-deċiżjoni, li tappoġġa l-pjan direzzjonali tal-G20 għall-ħolqien ta’ ekosistema ta’ pagamenti globali aktar rapida, orħos, aktar trasparenti u aċċessibbli filwaqt li jiġu żgurati pagamenti istantanji siguri u affidabbli, hija spjegata f’aktar dettall fuq is-sit web tal-BĊE.
Eżitu tal-eżerċizzju ta’ klassifikazzjoni tas-sistema ta’ ħlas tal-2023
Fit-18 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv approva l-eżitu tal-eżerċizzju annwali għall-klassifikazzjoni tas-sistemi ta’ ħlas, abbażi ta’ data għas-sena ta’ referenza 2023. B’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-BĊE dwar rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (Regolament SIPS) u tal-qafas ta’ sorveljanza rivedut għas-sistemi ta’ ħlas bl-imnut, dan l-eżerċizzju regolari jippermetti lill-BĊE biex jikklassifika s-sistemi ta’ ħlas ta’ importanza sistemika (SIPS), sistemi ta’ ħlas mhux ta’ importanza sistemika ta’ valur kbir (LVPS), sistemi ta’ ħlas bl-imnut ta’ importanza prominenti (PIRPS), jew sistemi oħra ta’ ħlas bl-imnut (ORPS). L-eżitu tal-eżerċizzju huwa disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.
Data skedata mill-ġdid biex is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Kollateral tal-Eurosistema (ECMS) u l-qafas legali emendat tal-ECMS imorru live
Fl-24 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv approva l-iskedar mill-ġdid tad-data biex l-ECMS tmur live mit-18 ta' Novembru 2024 għas-16 ta' Ġunju 2025, kif irrakkomandat mill-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB). Din id-data l-ġdida tipprovdi żmien addizzjonali adegwat biex jiġu organizzati l-attivitajiet meħtieġa ta’ ttestjar u migrazzjoni. Fl-14 ta’ Novembru 2024, biex tiġi akkomodata l-bidla fid-data tat-tnedija, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2024/36 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2024/[XX] dwar il-ġestjoni tal-kollateral fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema (BĊE/2024/22) u l-Linja Gwida BĊE/2024/37 li tħassar il-Linja Gwida (UE) [2024/XX] li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2024/23) u li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60). Daen l-atti legali huma disponibbli fuq EUR-Lex.
Rapport tal-progress dwar il-proġett dwar l-euro diġitali
Fit-13 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-progress miksub fil-fażi ta’ tħejjija tal-proġett tal-euro diġitali matul is-sitt xhur bejn April u Settembru 2024, filwaqt li nnota li l-proġett baqa’ fit-triq it-tajba bl-ilħuq tal-maġġoranza kbira tal-istadji importanti ppjanati, inkluża l-konklużjoni ta’ rieżami tal-abbozz interim tal-ġabra ta’ regoli tal-iskema u l-avvanz tal-proċeduri ta’ akkwist għall-għażla ta’ fornitur potenzjali. Għadu kif ġie ppubblikat filmat fuq il-midja soċjali u t-tieni rapport tal-progress, bil-perjodu ta’ referenza Mejju-Ottubru 2024, se jiġi ppubblikat fi żmien debitu fuq is-sit web tal-BĊE.
Ftehim ta' parteċipazzjoni fil-munita ta’ TIPS ma' Norges Bank
Fil-21 ta' Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv approva ftehim ta' parteċipazzjoni tal-munita dwar l-użu tat-TIPS minn Norges Bank wara valutazzjoni sodisfaċenti mill-MIB tal-fattibbiltà funzjonali, operazzjonali u regolatorja tal-inklużjoni tal-krone Norveġiż fit-TIPS. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fis-sit web tal-BĊE.
Parir dwar il-leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar il-ġestjoni tas-servizz ta’ ġbid ta’ flus kontanti
Fit-18 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/34 fuq talba tal-Latvijas Banka.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà fuq istituzzjonijiet ta' kreditu għal skopijiet ta’ sigurtà nazzjonali
Fl-4 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/35 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Latvja.
Opinjoni tal-BĊE dwar it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji
Fit-8 ta' Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/36 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.
Opinjoni tal-BĊE dwar is-superviżjoni tal-konformità ma’ sanzjonijiet minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji
Fil-11 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/37 wara talba mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Awstrija.
Opinjoni tal-BĊE dwar l-istabbiliment tal-kumpens tal-Gvernatur u tad-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta
Fis-26 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2024/38 fuq talba mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. L-Opinjoni se tkun disponibbli fiż-żmien debitu fuq EUR-Lex.
Governanza korporattiva
Atti legali emendatorji li għandhom x’jaqsmu mal-qafas ta’ rapportar kontabilistiku u finanzjarju tal-Eurosistema
Fl-14 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta żewġ settijiet ta’ atti legali li jemendaw il-qafas tar-rapportar kontabilistiku u finanzjarju tal-Eurosistema. L-ewwel sett, li dwaru ġie kkonsultat ukoll il-Kunsill Ġenerali, jinkludi żewġ atti legali riformulati, jiġifieri l-Linja Gwida BĊE/2024/31 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u d-Deċiżjoni BĊE/2024/32 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn l-atti legali riformulati jinkorporaw bidliet tekniċi kif ukoll bidliet maħsuba biex irawmu t-trasparenza u jżidu l-valur informattiv tar-rapporti finanzjarji għall-qarrejja.
It-tieni sett, li jaqa’ fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-Kunsill Governattiv, jinkludi Deċiżjoni BĊE/2024/33 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2016/36), il-Linja Gwida BĊE/2024/34 dwar il-kompożizzjoni, il-valutazzjoni u l-modalitajiet għat-trasferiment inizjali ta’ assi ta’ riżervi barranin, u d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta’ pretensjonijiet ekwivalenti mill-BĊNi ta’ dawk l-Istati Membri li adottaw l-euro fl-1 ta’ Jannar 1999 u li jirrevoka l-Linja Gwida BĊE/2000/15, u d-Deċiżjoni BĊE/2024/35 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2023/135 (BĊE/2022/51), id-Deċiżjoni (UE) 2015/287 (BĊE/2014/61), u d-Deċiżjonijiet BĊE/2013/53, BĊE/2010/34, BĊE/2008/33, BĊE/2007/22 u BĊE/2006/30 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin, u kontribuzzjonijiet għar-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew minn, rispettivament, Hrvatska narodna banka, Lietuvos bankas, Latvijas Banka, Eesti Pank, Národná banka Slovenska, is-Central Bank of Cyprus u l-Bank Ċentrali ta’ Malta, u Banka Slovenije. L-emenda ewlenija għal dawn it-tliet atti legali tikkonċerna r-reġim ta’ remunerazzjoni għall-pretensjoni li trid tiġi kkreditata lil kull bank ċentrali nazzjonali bi skambju għat-trasferiment tar-riżervi barranin tiegħu lill-BĊE mal-adozzjoni tal-euro mill-Istat Membru rispettiv tiegħu skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn l-atti legali kollha se jsiru disponibbli fuq EUR-Lex fiż-żmien debitu.
Estensjoni tal-mandat ta’ membru tal-Kumitat għall-Etika tal-BĊE
Fis-27 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv approva l-estensjoni tal-mandat tas-Sur Erkki Liikanen bħala membru tal-Kumitat għall-Etika. Il-mandat tas-Sur Liikanen ser jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’ Diċembru 2026.
Statistika
Riformulazzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) dwar il-kooperazzjoni statistika bejn is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ)
Fit-18 ta' Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv, bl-involviment tal-Kunsill Ġenerali, approva l-iffirmar mill-BĊE tal-MtQ riformulat dwar il-kooperazzjoni bejn l-ESS u s-SEBĊ li se jieħu post il-MtQ ta' April 2013. L-istrument legali riformulat jinkludi fost l-oħrajn aġġornamenti għall-ftehim tal-2013, bħall-elenkar tar-responsabbiltajiet kondiviżi tal-ESS u s-SEBĊ, u b’hekk jifformalizza l-kooperazzjoni li diġà għaddejja f’diversi oqsma tal-istatistika, u jintroduċi prijoritajiet strateġiċi konġunti għall-kooperazzjoni bejn l-ESS u s-SEBĊ. L-MoU riformulat jinsab fuq is-sit web tal-BĊE.
Superviżjoni Bankarja tal-BĊE
Pubblikazzjoni fuq għaxar snin ta' esperjenza fir-rieżami ta' deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE mill-Bord Amministrattiv ta' Rieżami (ABoR)
Fil-25 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika dokument ippubblikat mill-ABoR dwar l-ewwel għaxar snin ta’ esperjenza fir-rieżami tad-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE. Id-dokument huwa disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar ir-rieżami tal-qafas tal-BĊE għall-eżerċizzju tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet
Fil-5 ta' Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex titnieda konsultazzjoni pubblika dwar rieżami tal-qafas tal-BĊE għall-eżerċitar tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet. Il-materjal relatat ma’ din il-konsultazzjoni pubblika, li jintemm fl-10 ta’ Jannar 2025, huwa disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Abbozz tar-riżultati aggregati tal-Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorja (SREP) għall-2024
Fl-14 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju rigward l-abbozz tar-riżultati tal-SREP tal-2024 li se jifforma parti mill-pubblikazzjoni tal-SREP fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE wara tmiem iċ-ċiklu tal-2024.
Mudelli ta’ rapportar u struzzjonijiet għall-ġbir tad-data meħtieġa biex titwettaq il-valutazzjoni tal-SREP u relatati mal-ġbir ad hoc ta’ data ambjentali, soċjali u ta’ governanza
Fil-15 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika pakkett ta’ rapportar li jinkludi mudelli ta’ rapportar u struzzjonijiet relatati meħtieġa għall-ġbir tad-data meħtieġ biex titwettaq il-valutazzjoni tal-SREP u relatati mad-Deċiżjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) EBA/DC/498 tas-6 ta’ Lulju 2023 dwar il-ġbir ad hoc ta’ data ambjentali, soċjali u ta’ governanza. Il-materjal huwa disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Penali amministrattivi imposti fuq bank wieħed taż-żona tal-euro
Fil-15 ta’ Novembru 2024, il-BĊE ħabbar li kien impona żewġ penali amministrattivi li jammontaw għal total ta’ €1.685 miljun fuq Banque et Caisse d’Epargne de l’Etat, il-Lussemburgu talli rrapporta ħażin l-assi kkalkolati ponderati għar-riskju għar-riskju tas-suq u tal-kreditu. Stqarrija għall-istampa relatata hija disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Programm ta’ Eżami Superviżorju (SEP) tal-2025 għal spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta' mudelli interni f’istituzzjonijiet sinifikanti
Fil-25 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju dwar l-SEP għall-2025 għal spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta’ mudelli interni f’istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-Superviżjoni Bankarja Ewropea. L-SEP fuq il-post huwa bbażat fuq il-prijoritajiet superviżorji tal-SSM għall-2023-2025 ippubblikati fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja