Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 12016M/PRO/04
Consolidated version of the Treaty on European Union#PROTOCOL (No 4) ON THE STATUTE OF THE EUROPEAN SYSTEM OF CENTRAL BANKS AND OF THE EUROPEAN CENTRAL BANK
Verzjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL (Nru 4) DWAR L-ISTATUTI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI U TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
Verzjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL (Nru 4) DWAR L-ISTATUTI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI U TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
ĠU C 202, 7.6.2016, p. 230–250
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ
|
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea |
C 202/230 |
PROTOKOLL (Nru 4)
DWAR L-ISTATUTI TAS-SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI U TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,
BILLI JIXTIEQU li jgħaddu l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew kif hemm previst fl-Artikolu 129(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea,
QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:
KAPITOLU I
SISTEMA EWROPEA TA' BANEK ĊENTRALI
Artikolu 1
Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali
Skond l-Artikolu 282(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jikkostitwixxu s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-BĊE flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkostitwixxu l-Eurosistema.
Is-SEBĊ u l-BĊE għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom u jwettqu l-attivitajiet tagħhom skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u ta' dan l-Istatut.
KAPITOLU II
L-GĦANIJIET U L-KOMPITI TAS-SEBĊ
Artikolu 2
Għanijiet
Skond l-Artikoli 127(1) u 282(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-mira ewlenija ta' l-SEBĊ għandha tkun li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għall-mira ta' l-istabbiltà tal-prezzijiet, għandha wkoll tagħti appoġġ lil-linji politiċi ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bil-ħsieb li tgħin sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-Unjoni kif indikati fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-SEBĊ għandha taġixxi skond il-prinċipju ta' ekonomija ta' suq miftuħ b'kompetizzjoni libera, u tiffavorixxi allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi, u konformement mal-prinċipji indikati fl-Artikolu 119 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Kompiti
3.1. Skond l-Artikolu 127(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-ħidma fondamentali li għandha ssir permezz tas-SEBĊ hija:
— |
li tiddefinixxi u timplementa l-politika monetarja ta' l-Unjoni; |
— |
li tmexxi l-operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 219 ta' dak it-Trattat; |
— |
li żżomm in depożitu u tamministra r-riservi barranin uffiċjali ta' l-Istati Membri; |
— |
li tippromwovi l-funzjonament regolari tas-sistemi tal-pagamenti. |
3.2. Skond l-Artikolu 127(3) tat-Trattat imsemmi, it-tielet subinċiż ta' l-Artikolu 3.1 ma jippreġudikax id-dritt ta' Stati Membri li jżommu in depożitu u jamministraw il-bilanċi operattivi fil-kambju internazzjonali.
3.3. Skond l-Artikolu 127(5) tat-Trattat imsemmi, is-SEBĊ għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija tmexxija tajba ta' linji politiċi segwiti mill-awtoritajiet kompetenti f'dak li jirrigwarda is-sorveljanza prudenzjali li tkun marbuta mas-sorveljanza għaqlija ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja.
Artikolu 4
Funzjonijiet konsultattivi
Skond l-Artikolu 127(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:
(a) |
il-BĊE għandu jiġi konsultat:
|
(b) |
il-BĊE jista' jippreżenta l-opinjonijiet tiegħu lill-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni jew lill-awtoritajiet nazzjonali dwar ħwejjeġ li jaqgħu fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu. |
Artikolu 5
Ġbir ta' informazzjoni statistika
5.1. Sabiex ikun jista' jwettaq il-kompiti tas-SEBĊ, il-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali, għandu jiġbor l-informazzjoni statistika meħtieġa jew mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand operaturi ekonomiċi. Għal dan l-għan għandu jikkopera ma' l-istituzzjonijiet, korpi u organi ta' l-Unjoni u ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.
5.2. Il-banek ċentrali nazzjonali għandhom iwettqu, sa fejn ikunu jistgħu, il-kompiti deskritti fl-Artikolu 5.1.
5.3. Il-BĊE għandu jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni, fejn ikun jinħtieġ, tar-regoli u tal-prattika tal-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tqassim ta' l-istatistika fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu.
5.4. Il-Kunsill, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 41, għandu jiddefinixxi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom l-obbligu li jirrapportaw, ir-regoli ta' kunfidenzjalitaà u d-dispożizzjonijiet adattati sabiex jinforza l-konformità.
Artikolu 6
Il-koperazzjoni internazzjonali
6.1. Fil-qasam tal-koperazzjoni internazzjonali li tinvolvi l-kompiti fdati f'idejn is-SEBĊ, l-BĊE għandu jiddeciedi kif għandha tkun irrappreżentata s-SEBĊ.
6.2. Il-BĊE u, bl-approvazzjoni tiegħu, il-banek ċentrali nazzjonali, jistgħu jipparteċipaw f'istituzzjonijiet monetarji internazzjonali.
6.3. L-Artikoli 6.1 u 6.2 ma jippreġudikawx l-Artikolu 138 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.
KAPITOLU III
L-ORGANIZZAZZJONI TAS-SEBĊ
Artikolu 7
L-indipendenza
Skond l-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, meta jeżerċitaw il-poteri u jwettqu l-kompiti u jaqdu d-dmirijiet fdati f'idejhom bit-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u b'dan l-Istatut, la l-BĊE, la xi bank ċentrali nazzjonali, u lanqas xi membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom, ma għandu jitlob jew jaċċetta istruzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi ta' l-Unjoni, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi korp ieħor. L-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri jintrabtu li jirrispettaw dan il-prinċipju u li ma jippruvawx jinfluwenzaw lill-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE jew tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-qadi ta' dmirijiethom.
Artikolu 8
Prinċipju ġenerali
Is-SEBĊ tkun regolata mill-korpi deċiżjonali tal-BĊE li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Artikolu 9
Il-Bank Ċentrali Ewropew
9.1. Il-BĊE li, skond l-Artikolu 282(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, għandu jkollu personalità ġuridika, għandu jgawdi f'kull Stat Membru l-estensjoni kollha ta' kapaċità legali l-aktar pożizzjoni legali estensiva li soltu mogħtija bil-liġi lill-persuni ġuridiċi; jista', b'mod partikolari, jakkwista proprjeta mobbli jew immobbli jew jiddisponi minnha, u jista' ikun parti fi proċeduri legali.
9.2. Il-BĊE għandha tiżgura li l-kompiti mogħtija lis-SEBĊ taħt l-Artikolu 127(2), (3) u (5) tat-Trattat imsemmi jitwettqu bl-attivitajiet tiegħu stess, konformement ma' dan l-Istatut, jew permezz tal-banek ċentrali nazzjonali konformement ma' l-Artikoli 12.1 u 14.
9.3. Skond l-Artikolu 129(1) tat-Trattat imsemmi, il-korpi deċiżjonali tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom ikunu l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv.
Artikolu 10
Il-Kunsill Regolatorju
10.1. Skond l-Artikolu 283(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Regolatorju għandu jiġbor fih il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
10.2. Kull membru tal-Kunsill Regolatorju għandu jkollu vot wieħed. Mid-data li fiha n-numru ta' membri tal-Kunsill Regolatorju jeċċedi l-21, kull membru tal-Kunsill Regolatorju għandu jkollu vot wieħed u n-numru ta' gvernaturi bid-dritt tal-vot għandu jkun 15. Dawn id-drittijiet tal-vot ta' l-aħħar għandhom ikunu assenjati u għandhom iduru kif ġej:
— |
mid-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jeċċedi l-15, sakemm jilħaq 22, il-gvernaturi għandhom ikunu allokati għal żewġ gruppi, skond l-ikklassifikar tad-daqs ta' sehem ta' l-Istat Membru tal-bank ċentrali nazzjonali fil-prodott domestiku gross komplessiv bi prezzijiet tas-suq u fit-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji ta' l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. L-ishma fil-prodott domestiku gross komplessiv bil-prezzijiet tas-suq u fit-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet monetarji finanzjarji għandhom ikunu assenjati l-piżijiet ta' 5/6 u 1/6 rispettivament. L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u t-tieni grupp mill-gvernaturi li jkun fadal. Il-frekwenza tad-drittijiet tal-vot tal-gvernaturi allokati għall-ewwel grupp m'għandux ikun anqas mill-frekwenza tad-drittijiet tal-vot ta' dawk tat-tieni grupp. Mingħajr preġudizzju għas-sentenza preċedenti, l-ewwel grupp għandu jkun assenjat erba' drittijiet tal-vot u t-tieni grupp ħdax il-dritt tal-vot; |
— |
mid-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jilħaq 22, il-gvernaturi għandhom ikun allokati lil tlett gruppi skond klassifikazzjoni bbażata fuq il-kriterji t'hawn fuq. L-ewwel grupp għandu jkun kompost minn ħames gvernaturi u għandu jkun assenjat b'erba' drittijiet tal-vot. It-tieni grupp għandu jkun kompost minn nofs in-numru totali ta' gvernaturi, b'kull frazzjoni miżjuda sa' l-eqreb numru sħiħ, u għandu jkun assenjat tmien drittijiet tal-vot. It-tielet grupp għandu jkun kompost mill-bqija tal-gvernaturi u għandu jkun assenjat tlett drittijiet tal-vot; |
— |
f'kull grupp, il-gvernaturi għandhom ikollhom id-drittijiet tal-vot tagħhom għal ammonti ta' żmien ugwali; |
— |
għall-kalkolazzjoni ta' l-ishma fil-prodott gross domestika komplessiv bil-prezzijiet tas-suq għandu japplika l-Artikolu 29.2. It-total komplessiv tal-balance sheet ta' l-istituzzjonijiet finazjarju monetarji għandu jkun kalkolat skond il-qafas ta' l-istatistika li japplika fl-Unjoni Ewropea fil-ħin tal-kalkolazzjoni; |
— |
kull meta l-prodott domestiku gross komplessiv bil-prezzijiet tas-suq ikun aġġustat skond l-Artikolu 29.3, jew kull meta n-numru ta' gvernaturi jiżdied, id-daqs u/jew il-kompożizzjoni tal-gruppi għandu jkun aġġustat skond il-prinċipji msemmija hawn fuq; |
— |
il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu, bid-dritt tal-vot jew mingħajr id-dritt tal-vot, għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-prinċipji msemmija hawn fuq u jista' jiddeċiedi li jipposponi l-bidu tas-sistema ta' rotazzjoni sad-data li fiha n-numru ta' gvernaturi jeċċedi 18. |
Id-dritt tal-vot għandu jiġi eżerċitat personalment. B'deroga minn din ir-regola, ir-Regoli ta' Proċedura msemmija fl-Artikolu 12.3 jistgħu jistabbilixxu li membri tal-Kunsill Regolatorju jistgħu jitfgħu l-vot tagħhom permezz ta' teleconferencing. Dawn ir-regoli għandu jipprovdu wkoll li membru tal-Kunsill Regolatorju li ma jkunx jista' jattendi l-laqgħat tal-Kunsill Regolatorju għall-perjodu twil jista' jaħtar sostitut bħala membru tal-Kunsill Regolatorju.
Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-vot tal-membri kollha tal-Kunsill Regolatorju, bid-dritt tal-vot jew mingħajru, skond l-Artikoli 10.3, 40.2, u 40.3.
Ħlief kif provdut f'dan l-Istatut, il-Kunsill Regolatorju għandu jaġixxi b'maġġornaza sempliċi tal-membri li għandhom d-dritt tal-vot. F'każ ta' riżultat b'voti ndaqs, il-President għandu jkollu vot deċiżiv.
Sabiex il-Kunsill Regolatorju jkun jista' jivvota, irid ikun hemm kworum ta' żewġ terzi tal-membri li għandhom id-dritt tal-vot. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, il-President jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja li matulha deċiżjonijiet jittieħdu mingħajr konsiderazzjoni għall-kworum.
10.3. Sabiex jittieħdu xi deċiżjonijiet skond l-Artikoli 28, 29, 30, 32 u 33, il-voti fil-Kunsill Regolatorju għandhom jiġu peżati skond kemm ikollhom ishma l-banek ċentrali nazzjonali fil-kapital sottoskritt tal-BĊE. Il-piż tal-voti tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun zero. Deċiżjoni li teħtieg maġġoranza kkwalifikata għandha titqies li ttieħdet jekk il-voti favur ikunu jirrappreżentaw mill-anqas żewġ terzi tal-kapital sottoskritt tal-BĊE u jirrappreżentaw mill-anqas nofs ta' l-azzjonisti. Jekk Gvernatur ma jkunx jista' jattendi, ikun jista' jinnomina persuna oħra sabiex tagħti il-vot peżat minfloku.
10.4. Il-proċeduri tal-laqgħat ikunu kunfidenzjali. Il-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu.
10.5. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiltaqa' mill-anqas għaxar darbiet fis-sena.
Artikolu 11
Il-Bord Eżekuttiv
11.1. Skond l-Artikolu 283(2) l-ewwel subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Bord Eżekuttiv ikun magħmul minn President, Viċi-President u erba' membri oħra.
Il-membri jiddedikaw irwieħhom esklussivament għal dmirjiethom. L-ebda membru ma jista' jimpenja ruħu f'xi impjieg ieħor, sew bi ħlas sew jekk le, sakemm ma tkunx ingħatat eċċezzjonalment eżenzjoni mill-Kunsill Regolatorju.
11.2. Skond l-Artikolu 283(2) it-tieni subparagrafu ta tat-Trattat imsemmi, il-President, il-Viċi-President u l-Membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jinħatru minn fost persuni ta' statura rikonoxxuta u ta' esperjenza professjonali f'materji monetarji jew bankarji mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill wara li jkun ġie kkonsultat il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Regolatorju.
Il-ħatra tagħhom tkun għal tmien snin u ma tistax tiġġedded.
Persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta' l-Istati Membri biss jistgħu jkunu membri tal-Bord Eżekuttiv.
11.3. Il-pattijiet u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-membri tal-Bord Eżekuttiv, u b'mod partikolari s-salarji, il-pensjonijiet u benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali, isiru b'kuntratt mal-BĊE u jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju fuq il-proposta ta' Kumitat li jkun fih tliet membri maħtura mill-Kunsill Regolatorju u tliet membri maħtura mill-Kunsill. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv ma jkollhomx id-dritt jivvotaw fuq kwistjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu.
11.4. Jekk membru tal-Bord Eżekuttiv ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew inkella kien ħati ta' mġieba serjament ħażina, il-Qorti tal-Ġustizzja, tista', wara rikors tal-Kunsill Regolatorju jew tal-Bord Eżekuttiv, iġġiegħlu jirtira.
11.5. Kull membru tal-Bord Eżekuttiv li jkun preżenti personalment ikollu d-dritt jivvota u jkollu għal dan l-għan, vot wieħed. Salv kif provdut xort' oħra, il-Bord Eżekuttiv jaġixxi b'maġġoranza sempliċi tal-voti. Jekk il-voti jirriżultaw indaqs, il-President ikollu l-vot deċisiv. L-arranġamenti għall-votazzjoni jkunu indikati fir-Regoli ta' Proċedura msemmija fl-Artikolu 12.3.
11.6. Il-Bord Eżekuttiv ikun responsabbli għall-amministrazzjoni kurrenti tal-BĊE.
11.7. Kull post vakanti fil-Bord Eżekuttiv għandu jimtela bil-ħatra ta' membru ġdid skond l-Artikolu 11.2.
Artikolu 12
Responsabbiltajiet tal-korpi deċiżjonali
12.1. Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta l-linji direttivi u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati f'idejn is-SEBĊ mit-Trattati u dan l-Istatut. Il-Kunsill Regolatorju għandu jifformula l-politika monetarja ta' l-Unjoni li tinkludi, kif xieraq, deċiżjonijiet marbutin ma' skopijiet monetarji intermedji, rati indikattivi ta' imgħax u l-fornitura ta' riservi fis-SEBĊ, u għandu jistabbilixxi d-direttivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom.
Il-Bord Eżekuttiv għandu jimplimenta l-politika monetarja skond il-linji direttivi stabbiliti u d-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill Regolatorju. Waqt li jagħmel dan, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-banek ċentrali nazzjonali. Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv jista' jkollu xi poteri delegati lilu meta l-Kunsill Regolatorju hekk jiddeċiedi.
Sa fejn huwa meqjus possibbli u xieraq, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, l-BĊE għandu jirrikorri għand il-banek ċentrali nazzjonali sabiex iwettaq operazzjonijiet li jagħmlu parti mill-ħidmiet tas-SEBĊ.
12.2. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkollu r-responsabbiltà li jipprepara laqgħat tal-Kunsill Regolatorju.
12.3. Il-Kunsill Regolatorju għandu jadotta Regoli ta' Proċedura li jistabbilixxu l-organizzazzjoni interna tal-BĊE u tal-korpi deċiżjonali tagħha.
12.4. Il-Kunsill Regolatorju għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 4.
12.5. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu d-deċiżjonijiet msemmija fl-Artikolu 6.
Artikolu 13
Il-President
13.1. Il-President jew, fl-assenza tiegħu, il-Viċi-President jippresiedi l-Kunsill Regolatorju u l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.
13.2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38, il-President jew il-persuna nominata minnu, għandu jirrappreżenta lill-BĊE esternament.
Artikolu 14
Banek ċentrali nazzjonali
14.1. Skond l-Artikolu 131 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu, ikunu kompatibbli mat-Trattati u ma’ dan l-Istatut.
14.2. L-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom, b'mod partikolari, jipprovdu li ż-żmien tal-kariga ta' Gvernatur ta' bank ċentrali nazzjonali ma jkunx inqas minn ħames snin.
Gvernatur jista' jitneħħa mill-inkarigu tiegħu biss jekk ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu jew inkella jekk ikun ħati ta' mġieba serjament ħażina. Deċiżjoni bħal din tista' tiġi riferita lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvernatur involut jew mill-Kunsill Regolatorju, bħala ksur tat-Trattati jew ta' xi regola tal-liġi marbuta ma' l-applikazzjoni tiegħu.Dawn il-proċeduri għandhom jibdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew min-notifika tagħha lir-rikorrent jew, fin-nuqqas, mill-jum meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skond ma jkun il-każ.
14.3. Il-banek ċentrali nazzjonali huma parti integrali mis-SEBĊ u għandhom jaġixxu skond il-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE. Il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiżgura li l-linji direttivi u l-istruzzjonijiet tal-BĊE jiġu mħarsa, u għandu jirrikjedi li tingħatalu kull informazzjoni li tkun tinħtieġ.
14.4. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu funzjonijiet oħra li ma jkunux dawk indikati f'dan l-Istatut kemm-il darba l-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidiex, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti, li dawn ikunu qed ifixklu l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ. Dawn il-funzjonijiet jinvolvu responsabbiltà u l-obbligi tal-banek ċentrali nazzjonali u m'għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-SEBĊ.
Artikolu 15
Obbligi li jsiru rapport
15.1. IL-BĊE għandu jħejji u jippubblika rapporti dwar l-attivitajiet tas-SEBĊ ta' l-inqas kull tliet xhur.
15.2. Dikjarazzjoni finanzjarja konsolidata tas-SEBĊ għandha tiġi ppubblikata kull ġimgħa.
15.3. Skond l-artikolu 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-BĊE għandu jagħmel rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-SEBĊ u fuq il-politika monetarja kemm tas-sena preċedenti kif ukoll ta' dik kurrenti, lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, u l-Kunsill Ewropew.
15.4. Ir-rapporti u d-dikjarazzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu għandhom ikunu għad-dispożizzjoni ta' kull parti interressata bla ebda ħlas.
Artikolu 16
Karti tal-flus
Skond l-Artikolu 128(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Regolatorju jkollu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta' karti tal-flus ta' l-euro fl-Unjoni. Dan il-ħruġ ta' noti jista' jsir kemm mill-BĊE kif ukoll mill-banek ċentrali nazzjonali. Il-karti tal-flus maħruġa mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali biss ikollhom l-istat ta' valuta legali fi ħdan l-Unjoni.
Il-BĊE għandu jirrispetta kemm jista' jkun kull pratika eżistenti fejn għandhom x'jaqsmu l-emissjoni u d-disinn ta' karti tal-flus.
KAPITOLU IV
FUNZJONIJIET MONETARJI U ĦIDMIET TA' L-SEBĊ
Artikolu 17
Kontijiet mal-BĊE u mal-banek ċentrali nazzjonali
Sabiex iwettqu l-ħidmiet tagħhom, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jiftħu kontijiet għal istituzzjonijiet ta' kreditu, entitajiet pubbliċi u parteċipanti oħra fis-suq u jaċċettaw assi, inklużi titoli mniżżla fil-kotba bħala garanziji kollaterali.
Artikolu 18
Is-suq miftuħ u l-operazzjonijiet ta' kreditu
18.1. Sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-SEBĊ u sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:
— |
joperaw fis-swieq finanzjarji billi jixtru u jbiegħu fil-mument (spot and forward) jew taħt ftehim ta' rkupru u b'titoli ta' self, ta' kreditu, u li jkunu trasferibbli sew jekk f'euro jew f'muniti oħra, kif ukoll f'metalli prezzjużi; |
— |
imexxu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, meta is-self ikun ibbażat fuq garanziji kollaterali adegwati. |
18.2 Il-BĊE jistabbilixxi prinċipji ġenerali għal operazzjonijiet tas-suq miftuħ u ta' kreditu li jitwettqu minnu stess jew mill-banek ċentrali nazzjonali, inkluż għal mod kif jitħabbru il-kondizzjonijiet li taħthom huma jkunu lesti li jidħlu fi tranżazzjonijiet bħal dawn.
Artikolu 19
Riżervi minimi
19.1. Suġġett għall-Artikolu 2, il-BĊE jista', sabiex jimxi ma' l-għanijiet ta' linji politiċi monetarji, jeżiġi mingħand l-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istati Membri li jkollhom minimi ta' riżervi fil-kontijiet tagħhom mal-BĊE u mal-banek ċentrali nazzjonali. Regolamenti dwar il-kalkolu u d-determinazzjoni tar-riżervi minimi meħtieġa jistgħu jkunu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. F'każijiet ta' inadempjenza il-BĊE ikollu l-jedd li jiġbor imgħax li jkun impost bħala piena u li jimponi sanzjonijiet oħra li jkollhom effett paragunabbli.
19.2. Sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 41, jiddefinixxi l-bażi għar-riżervi minimi u l-ogħla proporzjonijiet permissibbli bejn dawk ir-riżervi u l-bażi tagħhom, kif ukoll is-sanzjonijiet xierqa f'każijiet ta' inadempjenza.
Artikolu 20
Strumenti oħra ta' Kontroll Monetarju
Il-Kunsill Regolatorju jista', b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa, jiddeċiedi fuq l-użu ta' dawk il-metodi l-oħra ta' kontroll monetarju kif iqis xieraq, skond l-Artikolu 2.
Il-Kunsill għandu, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 41, jiddefinixxi l-ambitu li fih dawk il-metodi jimponu obbligazzjonijiet fuq terzi.
Artikolu 21
Operazzjonijiet ma' entitajiet pubbliċi
21.1. Skond l-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, overdrafts jew tipi oħra ta' faċilità ta' kreditu mal-BĊE jew mal-banek ċentrali nazzjonali favur l-istituzzjonijiet jew il-korpi ta' l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali, lokali jew pubbliċi oħra, korpi oħra rregolati bil-liġi amministrattiva, jew intrapriżi pubbliċi fi Stati Membri huma pprojbiti, bħalma jkun ipprojbit ix-xiri dirett ta' istrumenti ta' kreditu minn għandhom mill-BĊE jew mill-banek ċentrali nazzjonali.
21.2. IL-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħmluha ta' aġenti fiskali għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 21.1.
21.3. Il-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma japplikawx għal istituzzjonijiet ta' kreditu ta' proprjeta pubblika fil-kuntest ta' provvista ta' riżervi mill-banek ċentrali, jkunu mgħotija l-istess trattament mill-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE bħalma jingħataw lill-istituzzjonijiet ta' kreditu privati.
Artikolu 22
Sistemi ta' clearing u ħlas
IL-BĊE u l-banek centrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista' jagħmel regolamenti, sabiex jiżgura li s-sistemi ta' clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma' pajjizi oħra jkunu effiċjenti u validi.
Artikolu 23
Operazzjonijiet esterni
IL-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu:
— |
jistabbilixxu relazzjonijiet ma’ banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji f'pajjiżi oħra u, fejn ikun xieraq, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali; |
— |
jakkwistaw, ibiegħu fil-mument bħala futuri u jgħaddu kull tip ta' assi ta' valuta estera u metalli prezzjużi; |
— |
il-frażi “attiv ta' valuta estera” tinkludi kull titolu u assi oħra fil-valuta ta' kull pajjiż jew miżuri ta' konteġġ u f'liema forma jkunu; |
— |
jżommu in depożitu u jamministraw l-assi imsemmija f'dan l-Artikolu; jagħmlu kull tip ta' transazzjoni bankarja f'relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi operazzjonijiet ta' self u prestiti. |
Artikolu 24
Operazzjonijiet oħra
Minbarra l-operazzjonijiet li joriġinaw mill-ħidmiet tagħhom, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali, jistgħu jidħlu f'operazzjonijiet li jkollhom skopijiet amministrattivi għalihom jew għall-ħaddiema tagħhom.
KAPITOLU V
IS-SORVELJANZA PRUDENZJALI
Artikolu 25
Is-sorveljanza prudenzjali
25.1. IL-BĊE jista' joffri parir lil u jiġi konsultat mill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri dwar il-kamp ta' azzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ta' l-Unjoni fejn tidħol is-sorveljanza prudenzjali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.
25.2. Konformement ma’ kull regolament tal-Kunsill taħt l-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-BĊE jista' jiżvolġi kompiti speċifiċi dwar linji politiċi li jirrigwardaw s-sorveljanza prudenzjali ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji oħra bl-eċċezzjoni ta' kumpaniji ta' l-assigurazzjoni.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI TA' L-SEBĊ
Artikolu 26
Il-kontabbiltà finanzjarja
26.1. Is-sena finanzjarja tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tibda fl-ewwel jum ta' Jannar u tispiċċa fl-aħħar jum ta' Diċembru.
26.2. Il-kontijiet annwali tal-BĊE jitlestew mill-Bord Eżekuttiv, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju. Il-kontijiet jiġu approvati mill-Kunsill Regolatorju u għandhom wara dan jiġu ppubblikati.
26.3. Għall-finijiet analitiċi u operattivi, il-Bord Eżekuttiv għandu jlesti balance sheet konsolidata tas-SEBĊ, li tinkludi dak l-attiv u l-passiv tal-banek ċentrali nazzjonali li jaqgħu taħt is-SEBĊ.
26.4. Sabiex isseħħ l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, il-Kunsill Regolatorju għandu jistabbilixxi r-regoli neċessarji sabiex jiġu standardizzati l-kontijiet u r-rapporti ta' operazzjonijiet li jsiru mill-banek ċentrali nazzjonali.
Artikolu 27
Il-verifika
27.1. Il-kontijiet tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju u approvati mill-Kunsill. L-awdituri jkollhom kull setgħa li jeżaminaw il-kotba u l-kontijiet kollha tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali u li jiksbu kull informazzjoni fuq it-transazzjonijiet tagħhom.
27.2. Il-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jkunu japplikaw biss għal eżami ta' l-effiċjenza operattiva tat-tmexxija tal-BĊE.
Artikolu 28
Il-kapital tal-BĊE
28.1. Il-kapital tal-BĊE ikun ta' 5 000 miljun EUR. Il-kapital jista' jiżdied b'dawk l-ammonti li l-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi waqt li jaġixxi bil-maġġoranza kkwalifikata msemmija fl-Artikolu 10.3, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41.
28.2. Il-banek ċentrali nazzjonali jkunu l-uniċi sottoskriventi u detenturi tal-kapital tal-BĊE. Is-sottoskrizzjoni fil-kapital tkun skond il-kjavi stabbilita fl-Artikolu 29.
28.3. Il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi bil-maġġoranza kkwalifikata skond l-Artikolu 10.3, għandu jiddeċiedi sa liema limitu ammont il-kapital jiġi konferit u f'liema forma.
28.4. Skond l-Artikolu 28.5, l-ishma tal-banek ċentrali nazzjonali fil-kapital sottoskritt tal-BĊE ma jistgħux jiġu trasferiti, mirhuna jew issekwestrati.
28.5. Jekk il-kjavi msemmija fl-Artikolu 29 tiġi aġġustata, il-banek ċentrali nazzjonali għandhom jittrasferixxu bejniethom l-ishma mill-kapital sal-limitu meħtieġ sabiex jiġi żgurat li d-distribuzzjoni ta' l-ishma mill-kapital tkun tikkorrispondi mal-kjavi aġġustata. Il-Kunsill Regolatorju għandu jiddeċiedi l-pattijiet u l-kondizzjonijiet ta' dawk it-transferimenti.
Artikolu 29
Il-kjavi għas-sottoskrizzjoni tal-kapital
29.1. Il-kjavi għas-sottoskrizzjoni fil-kapital tal-BĊE, iffissata għall-ewwel darba fl-1998 meta ġiet stabbilita s-SEBĊ, għandha tiġi determinata billi kull bank ċentrali nazzjonali jingħata piż f'din il-kjavi ekwivalenti għas-somma ta':
— |
50 % tas-sehem li jkollu l-Istat Membru rispettiv tiegħu mill-popolazzjoni ta' l-Unjoni fis-sena preċedenti għal dik meta tkun ġiet stabbilita l-SEBĊ; |
— |
50 % tas-sehem ta' l-Istat Membru rispettiv tiegħu mill-prodott domestiku gross ta' l-Unjoni skond il-prezzijiet fis-suq hekk kif dawn ikunu ġew reġistrati matul l-aħħar ħames snin li ppreċedew is-sena ta' qabel dik meta tkun ġiet stabbilita l-SEBĊ; |
Il-perċentwali tiġi mqarrba 'l fuq jew 'l isfel għall-eqreb multiplu ta' 0,0001 %.
29.2. L-informazzjoni statistika li għandha tintuża fl-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu tiġi pprovduta mill-Kummissjoni skond ir-regoli adottati mill-Kunsill taħt il-proċedura li hemm provdut dwarha fl-Artikolu 41.
29.3. Il-piżijiet assenjati lill-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu aġġustati kull ħames snin wara li l-SEBĊ tiġi stabbilita b'analoġija mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 29.1. Il-kjavi kif aġġustata tibda tapplika mill-ewwel ġurnata tas-sena ta' wara.
29.4. Il-Kunsill Regolatorju jieħu kull miżura oħra meħtieġa sabiex dan l-Artikolu jkun jista' jiġi applikat.
Artikolu 30
It-trasferiment ta' assi ta' riżerva barranin lill-BĊE
30.1. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 28, il-BĊE tiġi pprovduta mill-banek ċentrali nazzjonali b'assi ta' riżerva barranin, barra minn muniti ta' l-Istati Membri, ECUs, pożizzjonijiet ta' riżerva ta' l-IMF u SDRs, sa ammont ekwivalenti għal 50 000 miljun ECU. Il-Kunsill Regolatorju jiddeċiedi fuq il-proporzjon li jista' jintalab li jiġi konferit mill-BĊE wara li tiġi stabbilita u dwar l-ammonti li jintalbu aktar tard. Il-BĊE jkollha kull dritt li żżomm in depożitu r-riżervi barranin li jiġu ttrasferiti lilha kif ukoll li tużahom għall-bżonnijiet stipulati f'dan l-Istatut.
30.2. Il-kontribuzzjonijiet ta' kull bank ċentrali nazzjonali jiġu ffissati skond il-proporzjon tas-sehem tiegħu fil kapital sottoskritt tal-BĊE.
30.3. Kull bank ċentrali nazzjonali jiġi akkreditat mill-BĊE bi dritt ta' preljev ekwivalenti għall- kontribuzzjoni tiegħu. Il-Kunsill Regolatorju għandu jistabbilixxi d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta' dawn it-talbiet.
30.4. Aktar talbiet għal assi ta' riżerva barranin li jkunu jaqbżu l-limitu stipulat fl-Artikolu 30.1 mill-BĊE, jistgħu isiru skond l-Artikolu 30.2, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati mill-Kunsill skond il-proċeduri li hemm fl-Artikolu 41.
30.5. Il-BĊE tista' żżomm u tamministra pożizzjonijiet ta' riżerva ta' IMF u SDRs u tipprovdi sabiex dawk l-assi jinġabru flimkien.
30.6. Il-Kunsill Regolatorju jieħu l-miżuri l-oħra kollha neċessarji sabiex dan l-Artikolu jiġi applikat.
Artikolu 31
L-Assi ta' riżervi barranin miżmuma mill-banek ċentrali nazzjonali
31.1 Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jagħmlu transazzjonijiet sabiex iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn organizzazzjonijiet internazzjonali skond l-Artikolu 23.
31.2. L-operazzjonijiet l-oħra kollha f'assi ta' riżerva barranin li jibqgħu għand il-banek ċentrali nazzjonali wara t-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 30, u t-transazzjonijiet ta' l-Istati Membri bil-bilanċi tagħhom fir-rati tal-kambju għandhom, meta jaqbżu ċertu limitu li jkun definit fil-parametri ta' l-Artikolu 31.3, ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-BĊE, u dan sabiex tiġi żgurata koerenza mal-linji politiċi monetarji u dwar ir-rati tal-kambju ta' l-Unjoni u kull politika monetarja ta' l-Unjoni.
31.3. Il-Kunsill Regolatorju għandu jippubblika linji direttivi bl-għan li jiffaċilita operazzjonijiet bħal dawk.
Artikolu 32
L-Allokazzjoni ta' l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali
32.1. L-introjtu li jakkumula għad-dispożizzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tal-funzjoni tal-politika monetarja tas-SEBĊ (iżjed 'il quddiem imsemmi bħala “introjtu monetarju”) jiġi allokat fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.
32.2. L-ammont ta' l-introjtu monetarju ta' kull bank ċentrali nazzjonali jkun daqs l-introjtu annwali tiegħu derivat mill-assi tiegħu kontra l-flus fiċ-ċirkulazzjoni u l-passiv fid-depożiti għal istituzzjonijiet ta' kreditu. Dawn l-assi għandhom jiġu riżervati mill-banek ċentrali nazzjonali skond linji direttivi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.
32.3. Jekk, wara l-introduzzjoni ta' l-euro, l-istruttura tal-balance sheet tal-banek ċentrali nazzjonali, fil-fehma tal-Kunsill Regolatorju, ma jippermettux l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 32.2, il-Kunsill Regolatorju, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jiddeċidi li, b'deroga mill-Artikolu 32.2, l-introjtu monetarju jitqies skond metodu alternattiv għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin.
32.4. L-ammont ta' l-introjtu monetarju ta' kull bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi mnaqqas b'ammont ekwivalenti għal kull imgħax imħallas minn dak il-bank ċentrali fuq il-passiv fid-depożitu tiegħu f'istituzzjonijiet ta' kreditu skond l-Artikolu 19.
Il-Kunsill Regolatorju jista' jiddeċiedi li banek ċentrali nazzjonali jingħataw indennizz għal kull ħlas li jkunu għamlu in-konnessjoni ma' l-emissjoni tal-karti tal-flus jew f'ċirkostanzi eċċezjonali għal kull telf speċifiku li joriġina mill-operazzjonijiet ta' politika monetarja kkummissjonati mis-SEBĊ. L-indennizz ikun f'dik il-forma li tidher xierqa fil-fehma tal-Kunsill Regolatorju; dawn l-ammonti jistgħu jiġu paċuti kontra l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali.
32.5. Is-somma ta' l-introjtu monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali għandha tiġi allokata lill-banek ċentrali nazzjonali fi proporzjon ta' l-ishma mħallsa fil-kapital ta' l-BĊE, salva kull deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju konformement ma' l-Artikolu 33.2.
32.6. Is-saldu u t-tpaċija tal-bilanċi li joriġinaw mill-allokazzjoni ta' dħul monetarju għandhom isiru mill-BĊE konformement mal-linji direttivi stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.
32.7. Il-Kunsill Regolatorju ser jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 33
L-Allokazzjoni ta' profitt u telf nett tal-BĊE
33.1. Il-profitt nett tal-BĊE għandu jiġi trasferit f'din l-ordni li ġej:
(a) |
ammont li jiġi stabbilit mill-Kunsill Regolatorju, li ma jistax jaqbeż l-20 % tal-profitt nett, ikun trasferit fil-fond ta' riżerva ġenerali suġġett għal-limitu ekwivalenti għal 100 % tal-kapital; |
(b) |
il-bqija tal-profitt nett jiġi mqassam lill-azzjonisti tal-BĊE fi proporzjon għall-ishma tagħhom imħallsa. |
33.2. F'każ ta' telf min-naħa tal-BĊE, l-iżbilanċ jista' jitpaċa mill-fond ta' riżerva ġenerali tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju, kontra l-introjtu monetarju tas-sena finanzjarja relevanti fi proporzjon u sa l-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali skond l-Artikolu 32.5.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 34
Atti legali
34.1. Skond l-Artikolu 132 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-BĊE:
— |
jagħmel regolamenti meħtieġa sabiex jimplimenta il-kompiti fl-Artikolu 3.1, l-ewwel subinċiż, fl-Artikoli 19.1, 22 jew 25.2 u f'każijiet stabbiliti fl-atti tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 41; |
— |
jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex iwettaq ix-xogħol fdat lis-SEBĊ taħt it-Trattati u f'dan l-Istatut. |
— |
jagħmel rakkomandazzjonijiet u jagħti opinjonijiet. |
34.2. Il-BĊE jista' jiddeċiedi li jippubblika d-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu.
34.3. Fil-limitu u taħt il-kondizzjoni adottati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41, il-BĊE għandu d-dritt jimponi multi jew ħlasijiet penali perjodiċi fuq intrapriżi għal nuqqas ta' konformità ma' l-obbligazzjonijiet taħt ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tagħha.
Artikolu 35
Il-Kontroll ġudizzjarju u materji relatati
35.1. L-atti jew l-ommissjonijiet tal-BĊE ikunu suġġetti għar-reviżjoni jew l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fil-każijiet u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati. Il-BĊE jista' jibda proċeduri fil-każijiet u taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattati.
35.2. Il-Kwistjonijiet bejn il-BĊE fuq naħa, u l-kredituri tagħha, id-debituri jew ma' kull persuna oħra, ikunu deċiżi mill-qrati nazzjonali kompetenti, salv meta l-ġurisdizzjoni tkun ġiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.
35.3. Il-BĊE ikun suġġett għall-kondizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 340 fit-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Il-banek ċentrali nazzjonali ikunu responsabbli skond il-liġijiet rispettivi tagħhom.
35.4. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jkollha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi skond u konformement ma' kull klawsola ta' arbitraġġ li jkun hemm f'kuntratt magħmul minn jew f'isem il-BĊE, kemm jekk il-kuntratt ikun regolat bid-dritt pubbliku jew dak privat.
35.5. Id-Deċiżjoni tal-BĊE sabiex tibda kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea trid tittieħed mill-Kunsill Regolatorju.
35.6. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jkollha ġurisdizzjoni f'kawżi dwar it-twettiq minn xi bank ċentrali nazzjonali ta’ l-obbligazzjonijiet taħt dawn it-Trattati u dan l-Istatut. Jekk il-BĊE jikkonsidra li bank ċentrali nazzjonali jkun naqas milli jwettaq xi obbligazzjoni taħt dawn it-Trattati u dan l-Istatut, il-BĊE jagħti opinjoni kkunsidrata fuq il-kwistjoni wara li jagħti lill-bank ċentrali nazzjonali involut l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk il-bank ċentrali nazzjonali in kwistjoni ma jkunx ikkonforma ruħu ma' dik il-fehma fiż-żmien mogħti mill-BĊE, il-BĊE jista' jressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 36
Il-persunal
36.1. Il-Kunsill Regolatorju, fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tal-impjegati tal-BĊE.
36.2. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza f'kull tilwima bejn il-BĊE u l-impjegati tiegħu fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet previsti mir-reġim li japplika għalihom.
Artikolu 37 (ex Artikolu 38)
Is-sigriet professjonali
37.1. Membri tal-korpi regolatorji u l-impjegati tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali, ikunu obbligati, ukoll wara li d-dmirijiet tagħhom ikunu spiċċaw, li ma jagħtux informazzjoni li tkun tax-xorta koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali.
37.2. Persuni li jkollhom aċċess għal informazzjoni koperta bil-leġislazzjoni ta' l-Unjoni li tkun timponi obligazzjoni ta' segretezza għandhom ikunu suġġetti għal dik il-leġislazzjoni.
Artikolu 38 (ex Artikolu 39)
Il-firmatarji
Il-BĊE jintrabat legalment ma' terzi, mill-President jew minn żewġ membri tal-Bord Eżekuttiv jew bil-firem ta' żewġ membri tal-persunal tal-BĊE li jkunu ġew awtorizzati kif suppost mill-President sabiex jiffirmaw f'isem il-BĊE.
Artikolu 39 (ex Artikolu 40)
Il-privileġġi u l-immunitajiet
Il-BĊE għandu jgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri, dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għall-qadi ta' d-dmirijiet tiegħu, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta' l-Unjoni.
KAPITOLU VIII
EMENDA TA' L-ISTATUT U TAL-LEĠISLAZZJONI KOMPLEMENTARI
Artikolu 40 (ex Artikolu 41)
Proċedura simplifikata għall-emendi
40.1. Konformement ma' l-Artikolu 129(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 5.1,5.2, 5.3, 17, 18, 19.1, 22, 23, 24, 26, 32.2, 32.3, 32.4, 32.6, 33.1(a) u 36 ta' dan l-Istatut jistgħu jiġu emendati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja jew fuq rakkomandazzjoni mill-BĊE u wara li jikkonsulata mal-Kummissjoni, jew fuq proposta mill-Kummissjoni u wara kunsultazzjoni mal-BĊE. F'kull każ ikun hemm il-bżonn tal-kunsens tal-Parlament Ewropew.
40.2. L-Artikolu 10.2 jista' jiġi emendat b'deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b'mod unanimu fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, jew fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara l-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew. Dawn l-emendi m'għandhomx jidħlu fis-seħħ sakemm ma jkunux approvati mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.
40.3. Rakkomandazzjoni magħmula mill-BĊE taħt dan l-Artikolu teħtieġ deċiżjoni unanima mill-Kunsill Regolatorju.
Artikolu 41 (ex Artkolu 42)
Il-leġislazzjoni komplementari
Konformement ma' l-Artikolu 129(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-BĊE, jew fuq rakkomandazjoni mill-BĊE u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, għandu jadotta il-provvedimenti msemmija fl-Artikoli 4, 5.4, 19.2, 20, 28.1, 29.2, 30.4 u 34.3 ta' dan l-Istatut.
KAPITOLU IX
PERIJODU TRANSITORJU U DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA GĦALL-SEBĊ
Artikolu 42 (ex Artikolu 43)
Dispożizzjonijiet ġenerali
42.1. Deroga kif inhi msemmija fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, għandha tfisser li l-Artikoli li ġejjin f'dan l-Istatut ma jagħtu l-ebda dritt u lanqas ma jimponu xi obbligazzjoni fuq l-Istat Membru involut: 3, 6, 9.2, 12.1, 14.3, 16, 18, 19, 20, 22, 23, 26.2, 27, 30, 31, 32, 33, 34, 50 u 52.
42.2. Il-banek ċentrali ta' l-Istati Membri b'deroga kif indikata fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat imsemmi jżommu l-poteri tagħhom fil-qasam tal-politika monetarja skond il-liġi nazzjonali.
42.3. Konformement ma' l-Artikolu 139(4) tat-Trattat, “Stati Membri” għandha tinftiehem bħala “Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro” fl-Artikoli li ġejjin ta' dan l-Istatut: 3, 11.2, 19.
42.4. “Banek ċentrali nazzjonali” għandha tinftiehem bħala “banek ċentrali ta” Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro' fl-Artikoli li ġejjin ta' dan l-Istatut: 9.2, 10.2, 10.3, 12.1, 16, 17, 18, 22, 23, 27, 30, 31, 32, 33.2 u 52.
42.5. “Azzjonisti” għandha tinftiehem bħala “banek ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro” fl-Artikoli 10.3 u 33.1.
42.6. “Kapital sottoskritt tal-BĊE” għandha tinftiehem bħala “kapital tal-BĊE sottoskritt mill-banek ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro” fl-Artikoli 10.3 u 30.2.
Artikolu 43 (ex Artikolu 44)
Il-kompiti transitorji tal-BĊE
Il-BĊE għandu jassumi dawk il-kompiti preċedenti ta' l-IME previsti fl-Artikolu 141(2), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li, minħabba d-deroga ta' xi wieħed jew aktar mill-Istati Membri, ikunu għad iridu jsiru wara l-introduzzjoni ta' l-euro.
Il-BĊE għandu jagħti pariri fil-preparattivi għall-abrogazzjoni tad-deroga indikata fl-Artikolu 140 tat-Trattat imsemmi.
Artikolu 44 (ex Artkolu 45)
Il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE
44.1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 129(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ġenerali jiġi kostitwit bħala t-tielet korp deċiżjonali tal-BĊE.
44.2. Il-Kunsill Ġenerali jkun magħmul mill-President u l-Viċi-President tal-BĊE u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali. Il-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-dritt għall-vot, fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.
44.3. Ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill Ġenerali huma elenkati fid-dettal fl-Artikolu 46 ta' dan l-Istatut.
Artikolu 45 (ex Artkolu 46)
Regoli ta' proċedura tal-Kunsill Ġenerali
45.1. Il-President jew, fl-assenza tiegħu, il-Viċi-President tal-BĊE għandu jippresjedi l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE.
45.2. Il-President tal-Kunsill u membru tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw, mingħajr id-drit għall-vot fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.
45.3. Il-President għandu jipprepara l-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali.
45.4. B'deroga mill-Artikolu 12.3, il-Kunsill Ġenerali għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.
45.5. Is-Segretarjat tal-Kunsill Ġenerali għandu jiġi pprovdut mill-BĊE.
Artikolu 46 (ex Artikolu 47)
Ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill Ġenerali
46.1. Il-Kunsill Ġenerali għandu:
— |
jwettaq il-kompiti imsemmija fl-Artikolu 43; |
— |
jikkontribwixxi għall-funzjonijiet konsultattivi msemmija fl-Artikoli 4 u 25.1. |
46.2. Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi:
— |
għall-ġbir ta' informazzjoni statistika kif imsemmija fl-Artikolu 5; |
— |
għall-istabbiliment ta' attivitajiet ta’ rappurtaġġ tal-BĊE kif imsemmija fl-Artikolu 15; |
— |
għall-istabbiliment tar-regoli meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 26 kif imsemmi fl-Artikolu 26.4; |
— |
biex jittieħdu l-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 29 kif imsemmi fl-Artikolu 29.4; |
— |
biex jiġu stipulati l-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-ħaddiema tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 36. |
46.3. Il-Kunsill Ġenerali għandu jikkontribwixxi fil-preparattivi neċessarji sabiex jiġu ffissati irrevokabbilment ir-rati tal-kambju tal-muniti ta' l-Istati Membri li għandhom deroga, fil-konfront ta' l-euro, kif msemmi fl-Artikolu 140(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.
46.4. Il-Kunsill Ġenerali għandu jiġi mgħarraf mill-President tal-BĊE bid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Regolatorju.
Artikolu 47 (ex Artikolu 48)
Provvedimenti transitorji dwar il-kapital tal-BĊE
Skond l-Artikolu 29.1 kull bank ċentrali nazzjonali għandu jiġi ppeżat fil-kjavi ta' sottoskrizzjoni tal-kapital tal BĊE. B'deroga mill-Artikolu 28.3, il-banek ċentrali ta' Stati Membri b'deroga ma jikkonferux il-kapital sottoskritt tagħhom sakemm il-Kunsill Ġenerali, b'maġġoranza ta' mill-inqas żewġ terzi tal-kapital sottoskritt tal-BĊE u mill-inqas nofs l-azzjonisti, ma jiddeċidix li għandha titħallas perċentwali minima bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta' l-operat tal-BĊE.
Artikolu 48 (ex Artikolu 49)
Ħlas differit tal-kapital, ta' riservi u ta' provvista tal-BĊE
48.1. Il-bank ċentrali ta' Stat Membru li d-deroga tiegħu tkun ġiet abrogata, għandu jħallas is-sehem sottoskritt tiegħu tal-kapital tal-BĊE, fl-istess livell tal-banek ċentrali ta' Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro, u għandu jittrasferixxi lill-BĊE, assi f'riservi barranin skond l-Artikolu 30.1. Is-somma li tiġi trasferita għandha tiġi ffissata billi jiġi moltiplikat il-valur ta' l-EUR skond ir-rati ta' kambju kurrenti ta' l-assi tar-riservi barranin li kienu diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skond l-Artikolu 30.1, bil-proporzjon bejn l-għadd ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali nazzjonali u l-għadd ta' ishma diġa mħallsa mill-banek ċentrali nazzjonali l-oħra.
48.2. B'żieda mal-ħlas li għandu jsir skond l-Artikolu 48.1, il-bank ċentrali involut għandu jikkontribwixxi għar-riservi tal-BĊE, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riservi, u għall-ammont li għad ikun irid jiġi allokat lir-riservi u l-provvisti li jikkorrispondu għall-bilanċ tal-kont ta' profitt u telf kif jidher sal-31 ta' Diċembru tas-sena qabel l-abrogazzjoni tad-deroga. Is-somma li titħallas għandha tiġi stabbilita billi jiġi moltiplikat l-ammont tar-riservi, kif imsemmi hawn qabel u kif muri fil-balance sheet approvata tal-BĊE, bil-proporzjon bejn l-għadd ta' ishma sottoskritti mill-bank ċentrali involut u l-għadd ta' ishma diġà mħallsa mill-banek ċentrali l-oħra.
48.3. Malli pajjiż wieħed jew iżjed isiru Stati Membri u l-banek ċentrali nazzjonali tagħhom isiru parti mis-SEBĊ, il-kapital sottoskritt tal-BĊE u l-limitu fuq l-ammont ta' assi ta' riservi barranin li jistgħu jiġu trasferiti lill-BĊE għandhom jiżdiedu awtomatikament. Iż-żieda għandha tkun stabbilita permezz tal-multiplikazzjoni ta' l-ammonti rispettivi li jeżistu f'dak iż-żmien skond il-proporzjon, fi ħdan is-sistema estiża tas-sottoskrizzjoni tal-kapital, bejn il-peżar tal-banek ċentrali nazzjonali li ser jidħlu u l-peżar tal-banek ċentrali nazzjonali li huma diġa' membri tas-SEBC. Il-peżar ta' kull bank ċentrali nazzjonali fis-sistema tas-sottoskrizzjoni tal-kapital għandu jiġi kalkulat b'analoġija għall-Artikolu 29.1 u konformement ma' l-Artikolu 29.2. Il-perijodi ta' referenza li għandhom jintużaw għad-data statistika għandhom ikunu identiċi għal dawk applikati għall-aħħar aġġustament tal-peżati ta' kull ħames snin taħt l-Artikolu 29.3.
Artikolu 49 (ex Artikolu 52)
Il-kambju ta' noti bankarji f'muniti ta' l-Istati Membri
Wara li r-rati tal-kambju jiġu ffissati irrevokabbilment skond l-Artikolu 140(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Regolatorju għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-karti ta' flus bankarji denominati f'muniti b'rati tal-kambju li jkunu ġew iffissati irrevokabbilment, jinbidlu mill-banek ċentrali nazzjonali bil-valur pari tagħhom rispettiv.
Artikolu 50 (ex Artikolu 53)
L-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet transitorji
Jekk u sakemm ikun hemm Stati Membri b'deroga, l-Artikoli 42 sa 47 għandhom japplikaw.