Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2020

21 ta’ Frar 2020

Operazzjonijiet tas-suq

Tfassil mill-ġdid ta’ atti legali relatati mal-programm ta' xiri ta’ assi estiż

Fit-3 ta’ Frar 2020 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2020/8 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (riformulazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2014/40) u d-Deċiżjoni BĊE/2020/9 dwar programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji (riformulazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2015/10). Billi d-Deċiżjonijiet BĊE/2014/40 u BĊE/2015/10 kienu diġà ġew emendati sostanzjalment kemm il-darba u kellhom isiru iżjed emendi, dawn tfasslu mill-ġdid fl-interessi taċ-ċarezza legali. L-emendi jimplimentaw deċiżjonijiet adotatti mill-Kunsill Governattiv, e.g. id-deċiżjoni meħuda fit-12 ta’ Settembru 2019 biex jerġa’ jinbeda x-xiri nett ta’ assi u biex tkompli l-fażi ta’ investiment mill-ġdid. L-emendi jimplimentaw ukoll id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill Governattiv li kienu għadhom ma ġewx riflessi fl-atti legali, sal-punt li sadattant ma kinux ġew sostitwiti, jiġifieri d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv meħuda fit-13 ta’ Diċembru 2018 dwar il-waqfien tax-xiri nett ta’ assi u tal-fażi ta’ investiment mill-ġdid tal-programm tax-xiri ta’ assi. Id-Deċiżjoni BĊE/2020/9 tinkludi ċerti emendi relatati mal-programm tax-xiri mis-settur pubbliku (PSPP) li huma meqjusa meħtieġa biex jikkomplementaw id-deċiżjonijiet adottati qabel u biex jiżguraw l-implimentazzjoni effiċjenti tal-PSPP, inkluża, e.g. iż-żieda ta’ definizzjonijiet ta’ ‘xiri nett’ u ‘xiri nett kumulattiv’. Iż-żewġ Deċiżjonijiet huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà finanzjarja u superviżjoni

Rapport tal-BĊE dwar l-Integrazzjoni Finanzjarja u l-Istrutturi Finanzjarji

Fid-19 ta’ Frar 2020 il-Kunsill Governattiv ikkunsidra rapport dwar “Integrazzjoni u Strutturi Finanzjarji fiż-Żona tal-Euro”, li minn din is-sena jiġbor flimkien ir-rapport preċedenti tal-BĊE dwar “Integrazzjoni Finanzjarja fl-Ewropa” u r-“Rapport dwar l-istrutturi finanzjarji” preċedenti tal-BĊE, pubblikati l-aħħar f’Mejju 2018 u Ottubru 2017, rispettivament. Ir-rapport hu mfassal biex jiffoka fuq żviluppi strutturali ewlenin bħall-proċess tal-integrazzjoni finanzjarja, bidliet fl-istrutturi finanzjarji u l-proċess tal-iżvilupp u l-modernizzazzjoni finanzjarji. Hu maħsub li r-rapport jiġi pubblikat fit-3 ta’ Marzu 2020, flimkien mal-“Verifika tal-Istabbiltà u l-Integrazzjoni Finanzjarji Ewropej” tal-Kummissjoni Ewropea, waqt il-Konferenza konġunta dwar l-Integrazzjoni Finanzjarja li se tkun ospitata mill-BĊE fi Frankfurt.

Infrastruttura tas-suq u pagamenti

Eliġibbiltà ta’ link ġdid bejn sistemi ta’ saldu ta’ titoli għall-użu fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema.

Fis-6 ta’ Frar 2020 il-Kunsill Governattiv approva l-valutazzjoni ta’ link dirett, mis-sistema Spanjola ta’ saldu ta’ titoli Iberclear ARCO mas-sistema Portugiża ta’ saldu ta’ titoli Interbolsa, bħala eliġibbli għall-użu f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-lista aġġornata ta’ links eliġibbli hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar id-dritt tal-amministraturi u l-likwidaturi tal-insolvenza li jżommu fondi f’kont f’Latvijas Banka

Fit-30 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/4 fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Latvja.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-setgħat ta’ sanzjonar ta’ BNB f’kooperazzjoni mill-qrib u r-rata tal-kambju uffiċjali tal-lev Bulgaru

Fit-30 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/5 fuq talba ta’ Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru, BNB).

Opinjoni tal-BĊE dwar bidliet fil-governanza ta’ De Nederlandsche Bank u t-twaqqif formali tal-Kumitat għall-Istabbiltà Finanzjarja

Fil-31 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/6 fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Olanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Bord Superviżorju ta’ Eesti Pank

Fil-5 ta’ Frar 2020 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2020/7 fuq talba tal-Kumitat għall-Finanzi tal-Parlament Estonjan.

Governanza korporattiva

Tħejjijiet operazzjonali minħabba li l-Bank of England mhux se jibqa’ membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali

Fit-22 ta’ Jannar 2020, b’antiċipazzjoni tal-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea b’seħħ mill-1 ta’ Frar 2020, il-Kunsill Governattiv approva aġġustament fl-iskema tal-kapital tal-BĊE fejn il-kapital imħallas ta’ € 58 miljun se jitħallas lura lill-Bank of England li s-sehem tiegħu se jitqassam mill-ġdid fost il-banek ċentrali nazzjonali l-oħra li huma membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). Diversi strumenti legali ġew emendati biex ikunu jistgħu jsiru l-aġġustamenti meħtieġa. Il-Kunsill Governattiv adotta l-atti legali li ġejjin: (i) id-Deċiżjoni BĊE/2020/3 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/43; (ii) id-Deċiżjoni BĊE/2020/4 dwar il-ħlas fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/44; (iii) id-Deċiżjoni BĊE/2020/5 li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għal trasferimenti ta’ ishma fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew bejn il-banek ċentrali nazzjonali u għall-aġġustament tal-kapital imħallas u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/45; (iv) id-Deċiżjoni BĊE/2020/6 li tistabbilixxi l-mizuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-pretensjonijiet tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/46; u (v) id-Deċiżjoni BĊE/2020/7 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/29 tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro. Dawn l-atti legali jipprovdu għall-aġġustament tal-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE, minħabba li l-Bank of England mhux se jibqa’ membru tas-SEBĊ. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll Ftehim emendat dwar il-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju (ERM II) bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro biex ir-Renju Unit jitneħħa mill-Ftehim. Fl-aħħar nett, il-Kunsill Governattiv approva arranġamenti operazzjonali fir-rigward tal-fatt li l-Bank of England mhux se jibqa’ jieħu sehem bħala membru fix-xogħol tas-SEBĊ. Stqarrija għall-istampa dwar l-aġġustamenti fl-iskema tal-kapital tal-BĊE, l-atti legali kollha u l-Ftehim ERM II rivedut huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-2019

Fid-19 ta’ Frar 2020 il-Kunsill Governattiv approva r-rapporti finanzjarji verifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2019. Il-Kontijiet Annwali , flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE fl-20 ta’ Frar 2020. Ir-rapport tal-ġestjoni għas-sena 2019 ġie ppubblikat bħala parti mill-Kontijiet Annwali tal-BĊE.

President tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE

Is-Sur Yannis Stournaras, Gvernatur tal-Bank of Greece u membru tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE mill-2018 assuma l-funzjoni ta’ President tal-Kumitat tal-Verifika minn Frar 2020. Is-Sur Stournaras assuma dan ir-rwol wara s-Sur Ewald Nowotny, li kien Gvernatur tal-Oesterreichische Nationalbank, li t-terminu tal-mandat tiegħu intemm is-sena l-oħra.

Statistika

Konsultazzjoni pubblika dwar emendi għar-Regolament dwar l-istatistika tal-entrati tal-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji

Fil-5 ta’ Frar 2020 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar abbozz li jemenda r-Regolament BĊE/2013/33 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji. Wara verifika perjodika, li s-soltu ssir tul ċiklu ta’ ħames snin biex jiġi żgurat li l-istatistika tal-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti u tkun adattata għall-iskop – u għal dan il-għan tindirizza għadd ta’ rekwiżiti ta’ prijorità għolja għal dejta addizzjonali għall-analiżi tal-iżviluppi monetarji u tal-kreditu - reviżjonijiet ġew proposti u soġġetti għal proċedura ta’ merti u spejjeż imwettqa mill-Eurosistema/il-Kumitat tal-Istatistika tas-SEBĊ b’kooperazzjoni mill-qrib mal-utenti. Il-materjal relatat ma’ din il-konsultazzjoni pubblika li tibqa’ għaddejja sa Marzu 2020 hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Deċiżjoni tal-BĊE dwar is-sinifikat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni

Fid-29 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex jinbidel l-istatus tas-sinifikat ta’ waħda mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni. Il-lista tal-entitajiet taħt superviżjoni tiġi aġġornata regolarment u hi disponibbli fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE. Wara l-verifika annwali tas-sinifikat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE ħabbar li kien se jagħmel is-superviżjoni diretta ta’ 117-il bank fl-2020 (ara l-istqarrija għall-istampa relatata pubblikata fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fl-4 ta’ Diċembru 2019).

Tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar Gwida tal-BĊE dwar kif issir valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu ta’ kontroparti

Fl-24 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiva ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex titnieda konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta’ Gwida tal-BĊE li tiddeskrivi l-metodoloġija użata mill-BĊE biex jivvaluta l-mudelli interni li l-banek japplikaw biex jikkalkulaw l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju tal-kreditu ta’ kontroparti. Il-konsultazzjoni pubblika tnediet fil-5 ta’ Frar 2020 u tibqa’ għaddejja sat-18 ta’ Marzu 2020. Stqarrija għall-istampa relatata, flimkien mad-dokumentazzjoni bażi, hi disponibbli fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Pubblikazzjoni tar-rapport dwar ir-riskju għal istituzzjonijiet inqas sinifikanti

Fis-27 ta’ Jannar 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju għall-pubblikazzjoni tar-rapport dwar ir-riskju għal istituzzjonijiet inqas sinifikanti (LSIs). Dan ir-rapport jippreżenta valutazzjoni annwali tal-kundizzjonijiet fis-settur LSI, imwettaq f’kollaborazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs). Ir-rapport jiġbor flimkien analiżi kwantitattiva komprensiva tal-profil tar-riskju ta’ LSIs b’kunsiderazzjonijiet għall-ġejjieni tar-riskji u vulnerabbiltajiet ewlenin. Dan hu disponibbli fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Emendi għall-gwida pubblika tal-BĊE relatata ma’ fondi proprji

Fit-3 ta’ Frar 2020 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju għall-approvazzjoni ta’ mudelli aġġornati tal-gwida pubblika dwar il-verifika tal-kwalifikazzjoni tal-istrumenti tal-kapital bħala strumenti Addizzjonali tal-Livell 1 u l-Livell 2. Din il-verifika kienet meħtieġa fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ġodda kkawżati mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/876 li emenda diversi dispożizzjonijiet li l-istrumenti tal-kapitali għandhom jikkonformaw magħhom biex jiġu klassifikati bħala strumenti Addizzjonali tal-Livell 1 u l-Livell 2 skont l-Artikoli 52 u 63 tar-Regolament (UE) 575/2013. Il-gwida pubblika tal-BĊE emendata se tkun disponibbli fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja