Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar 2017

Operazzjonijiet tas-suq

Emendi għal-lista tal-aġenziji eliġibbli biex jipparteċipaw fil-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP)

Fil-21 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-emendi għal-lista tal-aġenziji li jinsabu fiż-żona tal-euro u joħorġu titoli eliġibbli għall-programm PSPP. Il-lista aġġornata tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Implimentazzjoni legali tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tat-8 ta’ Diċembru 2016 fir-rigward tal-programm tal-akkwist ta’ assi (APP)

Fil-11 ta’ Jannar 2017 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2017/1 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta’ xiri ta’ assi ta’ swieq sekondarji mis-settur pubbliku, id-Deċiżjoni BĊE/2017/2 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/40 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti, id-Deċiżjoni BĊE/2017/3 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/5 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ titoli ggarantiti minn assi u d-Deċiżjoni BĊE/2017/4 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/948 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv. L-erba’ atti legali, li jimplimentaw id-deċiżjonijiet li ħa l-Kunsill Governattiv fit-8 ta’ Diċembru 2016 fir-rigward tal-programm APP tal-BĊE, jinsabu fil-websajt tal-BĊE u se jiġu pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Sistemi ta’ ħlas

Ftuħ ta’ konsultazzjoni pubblika fuq emendi għar-Regolament SIPS

Fis-16 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-ftuħ ta’ konsultazzjoni pubblika fuq abbozz ta’ Regolament tal-BĊE li jemenda r-Regolament (UE) Nru 795/2014 dwar ir-rekwiżiti tas-sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (Regolament SIPS) u abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-metodoloġija għall-kalkolu tas-sanzjonijiet għal ksur tar-Regolament SIPS. L-abbozz tar-Regolament emendatorju jinkludi, fost l-oħrajn, għadd ta’ emendi li għandhom x’jaqsmu mal-mitigazzjoni tar-riskju tal-likwidità u r-reżistenza ċibernetika u jagħti setgħat addizzjonali lill-awtoritajiet kompetenti (e.g. id-dritt li jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post u li jitolbu investigazzjoni jew rieżami indipendenti fuq ċerti aspetti ta’ sistema ta’ ħlas sistemikament importanti (SIPS). Id-dokumentazzjoni suġġetta għall-konsultazzjoni pubblika tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar is-setgħat ta’ Česká národní banka biex iwettaq tranżazzjonijiet fis-swieq finanzjarji

Fil-15 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/60 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika Ċeka.

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi Belġjana dwar is-sorveljanza ta’ proċessuri tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas

Fit-28 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/61 wara talba tal-Gvernatur ta’ Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique f’isem il-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.

Statistika

Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/15 dwar statistika monetarja u finanzjarja

Fis-16 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2016/45 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/15 dwar statistika monetarja u finanzjarja. L-emenda għandha l-għan li tallinja r-rekwiżiti għas-sottomissjoni ta’ dejta bankarja konsolidata mal-istandards tekniċi żviluppati mill-Awtorità Bankarja Ewropea u li tinkludi r-rekwiżiti ta’ rappurtar għall-istatistika tal-partiti tal-karta tal-bilanċ u tar-rati tal-imgħax ta’ istituzzjonijiet finanzjarji monetarji individwali. Il-Linja Gwida tinsab fil-websajt tal-BĊE u se tiġi pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq l-awdituri esterni tal-Bank of Greece

Fit-22 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2016/46 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank of Greece. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet pubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Konformità mal-Linjigwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) fuq il-komunikazzjoni mal-awdituri

Fil-5 ta’ Jannar 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jinnotifika l-ABE bl-intenzjoni tal-BĊE li jikkonforma sal-31 ta’ Diċembru 2017 mal-Linjigwida tal-ABE fuq il-komunikazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti b’kompiti superviżorji fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-awdituri tagħhom (EBA/GL/2016/05) fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja