Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Awwissu – Settembru 2016

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL 15:00 CET tat-23 ta’ Settembru 2016

Komunikazzjoni esterna

Il-Konkors Ġenerazzjoni tal-€uro se jkompli

Fit-28 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-esperjenza pożittiva tal-Konkors Ġenerazzjoni tal-€uro, li beda fl-2010 bi prova għal ħames snin bħala kompetizzjoni konġunta tal-Eurosistema għal studenti ta’ bejn 16 u 19-il sena. Il-konkors għandu l-għan li jgħin lill-istudenti jifhmu kif taħdem il-politika monetarja fiż-żona tal-euro u kif għandha x’taqsam mal-ekonomija. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jkompli għaddej b’din il-kompetizzjoni, li se ssir għas-sitt darba bejn Ottubru 2016 u April 2017 bis-sehem ta’ 11-il bank ċentrali nazzjonali u l-BĊE.

Operazzjonijiet tas-suq

Reviżjoni tat-tnaqqis standardizzat mill-bażi tar-riżervi u r-Regolament emendatorju dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi

Fil-21 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni, wara li analizza l-aħħar evidenza mill-istatistika, li jbaxxi minn 30% għal 15% it-tnaqqis standardizzat mill-bażi tar-riżervi li jiġi applikat għal obbligazzjonijiet b’maturità sa sentejn fil-kategorija tat-titoli tad-dejn, kif hemm speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi. Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-perjodu ta’ żamma tar-riżervi li jibda fl-14 ta’ Diċembru 2016.

Fid-9 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2016/26 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi. Ir-Regolament emendatorju jkompli jiċċara l-metodu li jintuża biex jiġi applikat it-tnaqqis standard għall-esklużjoni ta’ obbligazzjonijiet interbankarji mill-bażi tar-riżervi. Ir-Regolament BĊE/2016/26 se jidħol fis-seħħ fl-14 ta’ Diċembru 2016. Ir-Regolament ġie pubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinsab fil-websajt tal-BĊE bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.

Kalendarji indikattivi tal-operazzjonijiet regolari b’offerta u l-perjodi ta’ żamma tar-riżervi tal-Eurosistema

Fid-9 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-kalendarji indikattivi tal-operazzjonijiet regolari b’offerta u l-perjodi ta’ żamma tar-riżervi tal-Eurosistema għall-2017 u l-2018. Id-dettalji ħarġu fi stqarrija għall-istampa pubblikata fil-websajt tal-BĊE fl-14 ta’ Settembru 2016 bit-23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Stabbiltà finanzjarja

Sehem l-Eurosistema fid-dokument ta’ konsultazzjoni tad-DĠ FISMA tal-Kummissjoni Ewropea fuq kunsiderazzjonijiet oħra għall-implimentazzjoni tal-proporzjon nett ta’ finanzjament stabbli fl-Unjoni Ewropea

Fis-7 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv approva s-sehem tal-Eurosistema fid-dokument ta’ konsultazzjoni tad-DĠ FISMA tal-Kummissjoni Ewropea fuq kunsiderazzjonijiet oħra għall-implimentazzjoni tal-proporzjon nett ta’ finanzjament stabbli fl-Unjoni Ewropea. Il-fehma tal-Eurosistema ntbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea u ġiet pubblikata fil-websajt tal-BĊE fl-14 ta’ Settembru 2016 (ara Eurosystem contribution).

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Rapport fuq l-eżerċizzju Titus dwar komunikazzjoni fi żmien ta’ kriżi għal infrastrutturi tas-swieq finanzjarji fiż-żona tal-euro

Fit-28 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta’ rapport fuq l-eżerċizzju Titus dwar komunikazzjoni fi żmien ta’ kriżi. L-eżerċizzju, li sar fl-4 ta’ Novembru 2015, kien wieħed ta’ komunikazzjoni fi żmien ta’ kriżi u fih ħadu sehem il-funzjoni ta’ sorveljanza tas-sistemi ta’ ħlas tal-Eurosistema, operaturi ta’ TARGET2 u l-infrastrutturi ta’ ħlas kritiċi kollha li jipproċessaw l-euro, fosthom uħud mill-istakeholders il-kbar tagħhom. Il-parteċipanti sabu ma’ wiċċhom attakk simulat fl-internet fuq sistema ta’ ħlas sistemikament importanti (SIPS). Bis-saħħa tal-eżerċizzju, l-Eurosistema setgħet tevalwa kemm kienet imħejjija tajjeb biex taqdi b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet tagħha tal-operat u s-sorveljanza waqt kriżi, kif ukoll intefgħet attenzjoni fuq l-effikaċja tal-proċeduri għall-ġestjoni ta’ kriżijiet min-naħa ta’ stakeholders differenti fil-każ ta’ ġrajjiet b’impatt transkonfinali. Ir-rapport jinsab fil-websajt tal-BĊE (ara TITUS exercise).

Evalwazzjoni ad hoc ta’ links ġodda mal-istandards għall-użu ta’ sistemi ta’ saldu ta’ titoli (SSS) u links fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fit-18 ta’ Awwissu 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà ta’ links ġodda biex jintużaw fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema bi tħejjija għat-tielet mewġa ta’ migrazzjoni T2S. Il-lista komprensiva tal-links eliġibbli ġiet aġġornata fit-12 ta’ Settembru 2016 bil-links ġodda li bdew joperaw minn din id-data u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rapport fuq it-testijiet tal-istress għal TARGET2

Fid-9 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta’ rapport li jispjega l-metodoloġija tal-qafas tat-testijiet tal-istress għal TARGET2, is-sistema ta’ saldu gross real-time li tappartjeni u titħaddem mill-Eurosistema. Ir-rapport janalizza wkoll ir-riżultati tat-testijiet tal-istress għar-riskju tal-likwidità f’din is-sistema. Ir-rapport jikkonkludi li t-testijiet tal-istress għal TARGET2 juru li s-sistema hija b’saħħitha u li l-livelli tal-likwidità jidhru li huma xierqa u sostnuti mill-karatteristiċi effiċjenti ta’ TARGET2 għall-ġestjoni tal-likwidità. Ir-rapport ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sorveljanza tal-iskemi ta’ ħlas fil-Polonja

Fit-28 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/38 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regoli speċifiċi għal self ta’ ristrutturazzjoni indiċjat jew iddenominat f’valuta barranija fil-Polonja

Fid-29 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/39 wara talba mill-Parlament tal-Polonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għar-reġim ta’ riżervi minimi fir-Rumanija

Fit-30 ta’ Awwissu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/40 wara talba minn Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar iċ-ċirkulari tal-Banca d’Italia li timplimenta r-riforma tal-banek kooperattivi Taljani

Fil-31 ta’ Awwissu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/41 wara talba mill-Banca d’Italia.

Opinjoni tal-BĊE dwar reġistru ta’ kreditu ċentrali fis-Slovenja

Fil-31 ta’ Awwissu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/42 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rwol tar-rappreżentant tal-Awtorità Superviżorja Finanzjarja fuq il-Bord Superviżorju tal-BĊE, u dwar it-tariffi superviżorji fil-Finlandja

Fis-7 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/43 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Finlandja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 345/2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju u r-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej

Fit-12 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/44 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rwol ta’ Národná banka Slovenska fir-rapportar dwar it-taxxa fuq il-primjum tal-assigurazzjoni fis-Slovakkja

Fid-19 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/45 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.

Statistika

Emendi għar-Regolament u l-Linja Gwida dwar statistika fuq investimenti f’titoli

Fit-2 ta’ Awwissu 2016 il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2016/22 li jemenda r-Regolament BĊE/2012/24 dwar statistika fuq investimenti f’titoli, il-Linja Gwida BĊE/2016/23 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/7 dwar statistika fuq investimenti f’titoli, u r-Rakkomandazzjoni BĊE/2016/24 dwar il-qafas għall-ġestjoni tal-kwalità tad-dejta għal statistika fuq investimenti f’titoli. L-atti legali emendatorji jipprevedu l-ġbir ta’ attributi addizzjonali tal-kontabilità u r-riskju tal-kreditu minn gruppi bankarji biex jiġu analizzati aħjar ir-riskji u l-iskoperturi fi ħdan is-sistema finanzjarja u titjieb l-analiżi tal-BĊE fuq il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja. L-atti jestendu wkoll il-lista ta’ gruppi bankarji li jirrappurtaw biex tkopri l-gruppi sinifikanti kollha taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE. It-tliet atti legali, li ġew pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Presidenza tal-Konferenza tar-Riżorsi Umani (HRC)

Fis-7 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Anne-Sylvie Catherin, Direttur Ġenerali Riżorsi Umani tal-BĊE, bħala President tal-Konferenza tar-Riżorsi Umani (HRC) b’seħħ immedjat. Il-ħatra tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2016, sabiex taqbel mad-data ta’ tmiem il-mandati tal-presidenti tal-kumitati l-oħra kollha tal-Eurosistema/SEBĊ, li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fis-17 ta’ Lulju 2013.

Emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-BĊE

Fil-21 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2016/27 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew. Id-deċiżjoni emendatorja tibdel ir-regoli fuq il-firma tad-deċiżjonijiet superviżorji u n-notifika tal-istrumenti legali. Ir-Regoli ta’ Proċedura jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Karti tal-flus

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro

Fil-21 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2016/25 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/54 dwar il-proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ oġġetti tal-euro siguri u oġġetti tal-euro. Id-deċiżjoni emendatorja tintroduċi dan it-tibdil: (i) estensjoni tal-obbligu kontinwu impost fuq manifatturi biex jinfurmaw minnufih lill-BĊE bil-miktub bl-intenzjoni tagħhom li jwettqu ċerti atti li jistgħu jaffettwaw l-istatus tal-akkreditazzjoni tagħhom; (ii) l-impożizzjoni fuq manifatturi ta’ obbligu kontinwu biex jiksbu l-permess bil-miktub tal-BĊE qabel ma jwettqu atti li jistgħu jaffettwaw l-istatus tal-akkreditazzjoni tagħhom; u (iii) l-introduzzjoni ta’ setgħa diskrezzjonali għall-BĊE li jirrifjuta li jagħti l-permess bil-miktub jekk ir-rekwiżiti tal-akkreditazzjoni ma jkunux ġew sodisfatti jew jekk entità lokalizzata, jew li tkun ikkontrollata minn entità lokalizzata, fi stat terz li ma jkunx Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) tkun involuta fi tranżazzjoni maħsuba.

Superviżjoni bankarja

Riżultati finali tat-test tal-istress 2016 tal-ABE għall-banek tal-MSU

Fit-12 ta’ Lulju 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għar-riżultati finali tat-test tal-istress 2016 tal-ABE għas-37 istituzzjoni sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE li ħadu sehem fl-eżerċizzju. Ir-riżultati ntbagħtu lill-ABE u ġew pubblikati fid-29 ta’ Lulju 2016. Il-BĊE ppubblika stqarrija għall-istampa fis-sit tiegħu tas-Superviżjoni Bankarja fl-istess jum [ara stqarrija għall-istampa bl-Ingliż].

Bidu tal-konsultazzjoni pubblika fuq il-gwida lill-banek dwar is-self improduttiv (NPL)

Fit-3 ta’ Awwissu 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju li jibda konsultazzjoni pubblika fuq il-gwida lill-banek dwar is-self improduttiv (NPL). Il-konsultazzjoni se tkun miftuħa mit-12 ta’ Settembru sal-15 ta’ Novembru 2016 fil-websajt tal-BĊE. Stqarrija għall-istampa ħarġet fit-12 ta’ Settembru 2016 [ara stqarrija għall-istampa bl-Ingliż].

Żieda mal-Gwida fuq kif jiġu armonizzati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet fis-superviżjoni bankarja

Fid-9 ta’ Awwissu 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju li japprova u jippubblika ż-Żieda għall-Gwida tal-BĊE fuq l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea, wara li qies il-kummenti li saru f’konsultazzjoni pubblika fuq is-suġġett. Stqarrija għall-istampa flimkien maż-Żieda u l-istqarrija bir-reazzjonijiet ġew pubblikati wara fil-websajt tal-BĊE [ara stqarrija għall-istampa bl-Ingliż].

Notifika tal-BĊE lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) fuq il-konformità mal-Linjigwida tal-ABE dwar il-provediment ta’ tagħrif fil-qosor jew miġbur għall-finijiet tal-Artikolu 84(3) tad-Direttiva 2014/59/UE

Fl-14 ta’ Settembru 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-proposta tal-Bord Superviżorju li l-ABE tiġi notifikata li l-BĊE, fir-rigward tal-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, jikkonforma mal-Linjigwida tal-ABE sa mid-data tan-notifika tal-BĊE lill-ABE, li saret fl-istess jum.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja