Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2016

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL 15:00 CET tad-19 ta’ Frar 2016

Komunikazzjoni esterna

Pubblikazzjoni tal-Ftehim fuq l-Assi Finanzjarji Netti

Fit-3 ta’ Frar 2016 il-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, firmatarji tal-Ftehim fuq l-Assi Finanzjarji Netti, approvaw il-pubblikazzjoni sħiħa ta’ dan il-Ftehim. Fil-5 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta’ dokument estensiv b’mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-Ftehim. Id-dokument, li jispjega n-natura, l-għan u t-teknikalitajiet tal-Ftehim, jinsab fil-websajt tal-BĊE bi 23 lingwa, flimkien mal-Ftehim, li jinsab bl-Ingliż biss. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jippubblika l-assi finanzjarji netti aggregati tal-Eurosistema (NFA), u l-banek ċentrali nazzjonali se jippubblikaw l-NFA rispettivi tagħhom kull sena flimkien mal-kontijiet finanzjarji annwali.

Stabbiltà finanzjarja

Sejħa għal evidenza fuq il-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji

Fit-3 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv approva t-tweġiba tal-Eurosistema għas-sejħa għal evidenza min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji. It-tweġiba tal-Eurosistema, li sussegwentement intbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq

Aġġornament tal-qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema għal sistemi ta’ ħlas bl-imnut

Fil-5 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv approva emendi għall-qafas tal-politika ta’ sorveljanza tal-Eurosistema għal sistemi ta’ ħlas bl-imnut. Id-dokument aġġornat jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar is-salvagwardja tal-fidi ta’ muniti miz-Zekka Awstrijaka

Fil-25 ta’ Jannar 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/4 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment f’Ċipru

Fl-1 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/5 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fis-Slovenja

Fit-3 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/6 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Governanza korporattiva

Ħatra fil-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami

Fit-3 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv adotta deċiżjoni li taħtar lil Ivan Šramko bħala membru supplenti tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għal perjodu ta’ ħames snin, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ April 2014 dwar it-twaqqif ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu. Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jagħmel reviżjonijiet amministrattivi interni ta’ deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE, wara li ssir talba minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi milquta direttament, biex jiżgura li d-deċiżjonijiet jikkonformaw mar-regoli u l-proċeduri rilevanti kollha.

Kontijiet Annwali tal-BĊE 2015

Fis-17 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-Kontijiet Annwali verifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2015. Il-Kontijiet Annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarhom, ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE fit-18 ta’ Frar 2016. Ir-rapport amministrattiv għas-sena 2015 ġie ppubblikat mal-Kontijiet Annwali tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Konsultazzjoni pubblika fuq l-Iskemi ta’ Protezzjoni Istituzzjonali (IPSs)

Fil-11 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-ftuħ ta’ konsultazzjoni pubblika fuq l-evalwazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ Skemi ta’ Protezzjoni Istituzzjonali (IPSs). Il-perjodu ta’ konsultazzjoni fetaħ fid-19 ta’ Frar 2016 u jagħlaq fil-15 ta’ April 2016. L-abbozz ta’ Gwida tal-BĊE dwar l-approċċ għall-għarfien ta’ IPSs għal għanijiet prudenzjali jinsab fil-websajt tal-BĊE. Stqarrija għall-istampa relatata, flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti, ġiet ippubblikata llum fil-websajt tal-BĊE.

Pubblikazzjoni ta’ ktejjeb fuq il-metodoloġija SREP

Fit-12 ta’ Frar 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tal- SSM SREP Methodology Booklet (ktejjeb dwar il-metodoloġija SREP tal-MSU). Il-ktejjeb jinsab fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja