Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar 2014

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tal-24 ta’ Jannar 2014

Operazzjonijiet tas-suq

Estensjoni tal-perjodu interim qabel id-dħul ta’ limitu minimu standard għal klejms domestiċi tal-kreditu

Fl-20 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li d-dħul ta’ limitu minimu standard ta’ €500,000 għal klejms domestiċi tal-kreditu, li għall-ewwel kien maħsub biex jidħol fl-1 ta’ Jannar 2012, se jiġi pospost għall-inqas sal-aħħar ta’ Frar 2015.

Operazzjonijiet għall-provediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani mill-1 ta’ Frar 2014

Fit-8 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jnaqqas gradwalment l-offerta tiegħu ta’ operazzjonijiet għall-provediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani minħabba t-titjib konsiderevoli fil-kundizzjonijiet tal-finanzjament bid-dollaru Amerikan u d-domanda baxxa għal operazzjonijiet għall-provediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani. Saret komunikazzjoni koordinata ma’ banek ċentrali oħra fl-24 ta’ Jannar 2014. L-istqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

L-evalwazzjoni ad hoc ta’ links diretti u indiretti ġodda mal-istandards għall-użu ta’ sistemi għas-saldu ta’ titoli (SSS) fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fl-20 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà għall-użu fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema ta’ żewġ links diretti ġodda (minn Clearstream Banking S.A. (CBL) għal Centrálny depozitár cenných papierov sr (CDCP) u minn CBL għal Euroclear Finland) u sitt links indiretti ġodda (żewġ links minn Clearstream Banking AG - Creation (CBF) via CBL għal CDCP u għal Euroclear Finland u erba’ links minn LUXCSD S.A. via CBL għal NBB-SSS, Euroclear France, Monte Titoli u Euroclear Nederland). Il-lista sħiħa tal-links eliġibbli kollha tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Qafas aġġornat għall-valutazzjoni tas-sistemi għas-saldu ta’ titoli u links sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tagħhom għal użu f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fit-3 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-verżjoni aġġornata tal-“Qafas għall-valutazzjoni tas-sistemi għas-saldu ta’ titoli u links sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà tagħhom għal użu f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema”, li xxandret fil-websajt tal-BĊE. Dan l-aġġornament idaħħal simplifikazzjonijiet proċedurali li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni ġejjiena tat-TARGET2-Securities (T2S) u jestendi l-ambitu tal-evalwazzjoni tas-sistemi għas-saldu ta’ titoli barra ż-żona tal-euro.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kontroll tan-nefqa pubblika fir-rigward tal-Banca d'Italia 

Fit-18 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/92 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-reġistru tal-kreditu fil-Latvja

Fid-19 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/93 wara talba minn Latvijas Banka.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-bords koperti fir-Rumanija

Fit-23 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/94 wara talba minn Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rimunerazzjoni varjabbli għal impjegati ta' negozjanti ta' titoli fid-Danimarka

Fit-23 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/95 wara talba mill-Awtorità Daniża għas-Superviżjoni Finanzjarja.

Opinjoni tal-BĊE dwar żieda fil-kapital tal-Banca d'Italia

Fis-27 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2013/96 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji

Fis-7 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/02 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjonijiet fuq il-ħlasijiet bi flus kontanti fil-Litwanja

Fis-17 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/04 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar il-benesseri tal-uffiċjali fis-Slovenja

Fl-20 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/05 wara talba tal-President tal-Parlament tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament dwar id-differiment tad-data għall-qlib għas-SEPA

Fit-22 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/03 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-Opinjoni se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Il-baġit u l-pjan tal-akkwisti tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema għall-ewwel nofs tal-2014

Fl-20 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-baġit u l-pjan tal-akkwisti tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Akkwisti tal-Eurosistema għall-ewwel semestru tal-2014.

Deċiżjoni li temenda l-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fis-27 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2013/52 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/21 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew. Din id-Deċiżjoni ddaħħal tibdil fil-mod kif il-kontabilità tqis il-benefiċċji ta’ wara l-impjieg, wara emenda li saret għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 19 “Benefiċċji għall-Impjegati” applikat mill-BĊE, u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dħul ta’ Latvijas Banka fl-Eurosistema

Fil-31 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2013/53 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżerva barranija u kontribuzzjonijiet minn Latvijas Banka lir-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew. Id-Deċiżjoni xxandret f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Ftehim dwar il-klejm ikkreditat lil Latvijas Banka skont l-Artiklu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ

Fil-31 ta’ Diċembru 2013 il-BĊE u Latvijas Banka kkonkludew ftehim dwar il-klejm ikkreditat lil Latvijas Banka mill-Bank Ċentrali Ewropew skont l-Artiklu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. Il-Ftehim ixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta' membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE

Fit-8 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/01 wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew. L-Opinjoni, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarha, ixxandret fid-9 ta’ Jannar 2014 fil-websajt tal-BĊE.

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-BĊE

Fit-22 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/01 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew. Din id-Deċiżjoni ddaħħal, b’mod partikolari, it-tibdiliet li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni istituzzjonali tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu [1], u jistabbilixxu bid-dettalji r-relazzjoni bejn il-Kunsill Governattiv u l-Bord Superviżorju tal-MSU. Id-Deċiżjoni se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE għall-Viċi Presidenza tal-Bord Superviżorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Fit-22 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill Governattiv irrakkomanda lis-Sa Sabine Lautenschläger, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, għall-kariga ta’ Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Ir-rakkomandazzjoni tal-BĊE wara ntbagħtet lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni, u mbagħad il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata bla ma jqis il-vot ta’ dawk il-membri tal-Kunsill li mhumiex Stati Membri parteċipanti, se jadotta d-deċiżjoni implimentattiva relatata. Stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti/Karti tal-flus

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-proċeduri ta' akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ oġġetti siguri tal-euro u oġġetti tal-euro u li temenda d-Deċiżjoni tal-BĊE/2008/3

Fl-20 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2013/54 dwar il-proċeduri ta' akkreditazzjoni għal manifatturi ta’ oġġetti siguri tal-euro u oġġetti tal-euro u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2008/3. Din id-Deċiżjoni tikkonsolida f’sistema ta’ akkreditazzjoni waħda, abbażi tal-proċeduri armonizzati ta’ akkreditazzjoni, id-dispożizzjonijiet li s’issa kienu jinsabu fi tliet Deċiżjonijiet separati tal-BĊE dwar il-proċeduri għall-akkreditazzjoni tas-sigurtà, il-kwalità, l-ambjent u s-saħħa u sigurtà għall-manifatturi ta’ karti tal-flus tal-euro u oġġetti ta’ sigurtà tal-euro, i.e. id-Deċiżjonijiet BĊE/2008/3, BĊE/2010/22 u BĊE/2011/8. Id-Deċiżjoni BĊE/2013/54 se tixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Karta tal-€10 tat-tieni sensiela ta' karti tal-euro

Fl-20 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv, wara li ħa nota tal-miżuri ta’ għajnuna għall-adattament tekniku bla xkiel ta’ magni li jipproċessaw il-karti tal-flus qabel ma ħarġet il-karta l-ġdida tal-€10, ħa d-deċiżjoni li din il-karta tal-flus kellha tidħol fiċ-ċirkolazzjoni mit-Tlieta 23 ta’ Settembru 2014. Din id-deċiżjoni tħabbret hekk kif saret il-preżentazzjoni tal-karta l-ġdida tal-flus fil-BĊE fit-13 ta’ Jannar 2014. Stqarrija għall-istampa dwar dan ixxandret ukoll fil-websajt tal-BĊE.

  1. [1]ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63. Dan ir-Regolament huwa magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja