Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2010

Kwistjonijiet operazzjonali

Eliġibbiltà ta’ strumenti tad-dejn li ħarġet il-Faċilità Ewropea għall-Istabilità (EFSF) għal użu bħala kollaterali fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fis-17 ta’ Settembru 2010 l-Kunsill Governattiv iddeċieda li jikklassifka l-EFSF bħala “Aġenzija – istituzzjoni mhux ta’ kreditu”, li jfisser li l-istrumenti tad-dejn maħruġa mill-EFSF għandhom jaqgħu taħt il-kategorija II dwar il-likwidità u huma eliġibbli għall-użu bħala kollaterali f’operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema.

Deċiżjoni tal-BĊE li tikkonċerna l-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self konklużi mill-Unjoni taħt il-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja

Fl-14 ta’ Ottubru 2010 l-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/17 li tat is-setgħa lill-BĊE li jiftaħ kontijiet f’isem il-Kummissjoni Ewropea jew lil bank ċentrali nazzjonali tal-Unjoni Ewropea li jipproċessa pagamenti relatati mal-mekkaniżmu Ewropew għall-istabilizzazzjoni finanzjarja. Dawn il-kontijiet ikunu jistgħu jinfetħu fuq talba jew mill-Kummissjoni Ewropea jew minn bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru benefiċjarju. Dan il-mekkaniżmu jiżgura li tiġi pprovduta l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea – taħt forma ta’ self jew kreditu li jingħata b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – lill-Istati Membri li jkunu għaddejjin minn taqlib qawwi ekonomiku jew finanzjarju, jew li jkollhom theddid b’mod serju ta’ taqlib bħal dan ikkawżat minn ġrajjiet eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tagħhom. Deċiżjoni simili (BĊE/2010/15) fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ self tal-EFSF lil Stati Membri, li bħala munita għandhom l-euro, diġà ġiet adottata fil-21 ta’ Settembru 2010.

Sistemi ta’ pagament u l-Infrastruttura tas-suq

Oqfsa ta’ sorveljanza għall-iskemi għat-trasferiment tal-kreditu u l-iddebitar dirett

Fl-1 ta’ Ottubru l-Kunsill Governattiv approva u awtorizza l-pubblikazzjoni tal-“Qafas ta’ Sorveljanza għall-Iskemi għat-Trasferiment tal-Kreditu”, il-“Qafas ta’ Sorveljanza għall-Iskemi għall-Iddebitar Dirett” u s-sommarju tar-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika relatata li saret bejn l-10 ta’ Awwissu u l-10 ta’ Novembru 2009. It-tliet dokumenti kollha, flimkien mal-istqarrija għall-istampa relattiva, huma disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Barra dan, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jassenja lill-BĊE r-responsabbiltà ta’ sorveljanza primarja għat-trasferiment ta’ krediti SEPA u għall-iskemi ta’ iddebitar dirett SEPA, li jitmexxew mill-Kunsill Ewropew għall-Pagamenti. Il-banek ċentrali nazzjonali kollha li jkunu interessati sejrin ikunu mistiedna biex jagħtu l-kontribut tagħhom bħala membri tal-Grupp ta’ Valutazzjoni.

Is-seba’ rapport dwar il-progress fir-rigward tas-SEPA

Fil-21 ta’ Ottubru 2010 l-Kunsill Governattiv ħa nota tas-seba’ rapport dwar il-progress fir-rigward tas-SEPA u tal-messaġġi ewlenin li jinsabu fih. Huwa awtorizza wkoll il-pubblikazzjoni tar-rapport, li issa huwa disponibbli, flimkien mal-istqarrija għall-istampa relatata, fil-websajt tal-BĊE. Barra dan, il-Kunsill Governattiv talab il-Kumitat għas-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu biex ikompli jimmonitorja l-migrazzjoni lejn l-istrumenti ġodda tal-pagamenti SEPA, kif ukoll l-iżviluppi f’żoni oħra tal-proġett SEPA, u biex jirrapporta lura lill-Kunsill Governattiv sal-aħħar tal-2012.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar żewġ proposti għal Regolamenti dwar it-trasport professjonali transkonfini ta’ kontanti euro bis-sewqan bejn Stati Membri taż-żona euro

Fil-5 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Parlament Ewropew (CON/2010/72).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas leġiżlattiv Ċiprijott li jawtorizza lil istituzzjonijiet ta' kreditu biex joħorġu bonds koperti

Fl-14 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ċiprijott (CON/2010/73).

Opinjoni tal-BĊE dwar żieda għall-Awstrija fl-Arranġamenti Ġodda għas-Self mal-Fond Monetarju Internazzjonali

Fit-18 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Awstrijak (CON/2010/74).

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni ta’ Eesti Pank

Fit-8 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2010/16 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Eesti Pank, għas-snin finanzjarji 2011-2015. Wara l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-Rakkomanazzjoni tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u ssir disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja