Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jiffissaw ir-rati tal-imgħax)

Ottubru 2009

Kwistjonijiet operazzjonali

Rapport dwar il-progress fir-rigward tal-Pjattaforma għall-Operazzjonijiet tas-Suq

Fit-18 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill Governattiv approva l-ewwel rapport dwar il-progress fir-rigward tal-Pjattaforma għall-Operazzjonijiet tas-Suq (MOP), li hi soluzzjoni teknika komuni, permezz ta’ pjattaforma unika, biex tintlaħaq effiċjenza ikbar fis-SEBĊ kollha għal dak li għandu x’jaqsam mal-aspetti tal-ispejjeż, aspetti tekniċi, operazzjonali u organizzattivi involuti fit-tmexxija tal-operazzjonijiet tal-kambju barrani u tal-maniġġ tal-portafoll u operazzjonijiet relatati oħra.

Estensjoni tal-operazzjonijiet f’munita barranija għall-provvediment tal-likwidità

Bi qbil mall-Federal Reserve System u banek ċentrali oħra, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jibqa’ jmexxi operazzjonijiet ta’ ġimgħa f’dollari Amerikani sal-aħħar ta’ Jannar 2010. Iddeċieda wkoll li jwaqqaf l-operazzjonijiet f’dollari Amerikani bi żmien ta’ 84 jum wara l-operazzjoni li saret fis-6 ta’ Ottubru 2009 u li timmatura fis-7 ta’ Jannar 2010. L-operazzjonijiet li twaqqfu qabel jistgħu jerġgħu jinbdew fil-ġejjieni jekk dan ikun meħtieġ. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li, bi qbil mas-Swiss National Bank, jibqa’ jmexxi operazzjonijiet swap ta’ ġimgħa għall-likwidità fi franki Svizzeri sal-aħħar ta’ Jannar 2010. Fl-24 ta’ Settembru 2009, fil-websajt tal-BĊE ġew ippubblikati żewġ stqarrijiet għall-istampa li ħabbru dawn id-deċiżjonijiet.

Sistemi ta’ pagament u l-Infrastruttura tas-suq

TARGET2-Titoli

Fit-22 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill Governattiv qies l-istatus tal-Programm tat-TARGET2-Titoli u approva l-mandat tal-Grupp għall-Koordinament tad-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli. Aktar tagħrif se jkun disponibbli iżjed ’il quddiem fil-websajt tal-BĊE.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

Analiżi tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-garanziji tal-gvern għad-dejn tal-banek

Fit-8 ta’ Ottubru 2009, b’konformità mar-Rakkomandazzjoni Nru. 9 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar il-garanziji tal-gvern għad-dejn tal-banek, li tipprevedi analiżi regolari tal-parametri tas-sistema tal-prezz, inklużi l-firxiet tan-nuqqas ta’ ħlas tal-krediti swap, biex jiġu riflessi l-bidliet fil-kondizzjonijiet tas-suq, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li ma jemendax dawn ir-Rakkomandazzjonijiet. Għalhekk, ir-Rakkomandazzjonijiet, kif disponibbli fil-websajt tal-BĊE, jibqgħu validi sakemm jingħata avviż ieħor.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni tal-miżuri Belġjani għall-istabbiltà finanzjarja

Fit-23 ta’ Settembru 2009, fuq talba tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar estensjoni tal-garanzija tal-Istat li tkopri l-passiv tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (CON/2009/73). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-proċedura għall-ħatra tal-Gvernatur tal-Banque de France

Fl-24 ta’ Settembru 2009, fuq talba tal-Ministeru Franċiż għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-Industrija u l-Impjieg, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-proċedura għall-ħatra tal-Gvernatur tal-Banque de France (CON/2009/74). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar servizzi ta’ pagament fis-Slovakja

Fid-29 ta' Settembru 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Slovakk, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar is-servizzi tal-pagament (CON/2009/75). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Komunitarja relatata mal-introduzzjoni tal-euro

Fid-29 ta’ Settembru 2009, fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-introduzzjoni tal-euro (Verżjoni kodifikata) (CON/2009/76). L-Opinjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fl-14 ta’ Ottubru 2009 u hi disponibbli wkoll fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-verifika pubblika tal-Lietuvos bankas

Fid-29 ta’ Settembru 2009, fuq talba tal-Kumitat tal-Verifika tas-Seimas (Parlament) tal-Litwanja, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-verifika pubblika tal-Lietuvos bankas (CON/2009/77). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħruġ ta' bonds speċjali tal-gvern lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu f'Ċipru

Fl-1 ta' Ottubru 2009, fuq talba tal-Ministeru Ċiprijot tal-Finanzi, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar il-ħruġ ta’ bonds speċjali tal-gvern lill-istituzzjonijiet tal-kreditu (CON/2009/78). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni tal-miżuri Svediżi għall-istabbiltà finanzjarja

Fis-7 ta' Ottubru 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Svediż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-estensjoni ta’ garanziji tal-gvern lill-banek u lil istituzzjonijiet oħra (CON/2009/79). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-involviment tad-De Nederlandsche Bank fis-sistema monetarja f’Bonaire, Sint Eustatius u Saba

Fid-9 ta’ Ottubru 2009, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Olandiż, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-involviment tad-De Nederlandsche Bank fis-sistema monetarja f’Bonaire, Sint Eustatius u Saba (CON/2009/80). L-Opinjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward tal-Maniġers tal-Fondi ta’ Investiment Alternattiv.

Fis-16 ta’ Ottubru 2009, fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers tal-Fondi ta’ Investiment Alternattiv, li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/…/ KE (CON/2009/81). L-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Statistika

Deċiżjonijiet metodoloġiċi tal-Eurostat dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern

Fit-8 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill Governattiv, wara li qies id-deċiżjonijiet metodoloġiċi tal-Eurostat dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern fl-UE, ikkonferma li hu meħtieġ tagħrif komprensiv dwar il-garanziji tal-gvern u dwar l-obbligazzjonijiet relatati tal-entitajiet maħluqa reċentement għal għanijiet speċjali u kklassifikati barra s-settur tal-gvern ġenerali, biex tiġi stmata s-sostenibbiltà tal-finanzi tal-gvern. Ikkonferma wkoll is-sostenn tas-SEBĊ biex deċiżjonijiet metodoloġiċi bħal dawn isiru abbażi tar-regoli tal-kontabilità stabbiliti fis-Sistema Ewropea tal-Kontabilità 1995 (ESA 95); dan hu essenzjali għall-kredibilità tal-bażi statistika tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u jillimita wkoll il-possibbiltà ta' kontabilità kreattiva.

Titjib tal-“Impenn pubbliku tas-SEBĊ fir-rigward tal-Istatistika Ewropea”

Fil-15 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill Governattiv approva verżjoni emendata tal-impenn pubbliku tas-SEBĊ fir-rigward tal-istatistika Ewropea li tiġbor. Skond l-emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2533/98, dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika mill-BĊE, li ġiet adottata mill-Kunsill tal-UE fid-9 ta’ Ottubru 2009 fuq Rakkomandazzjoni tal-BĊE BĊE/2008/9, l-impenn pubbliku emendat fih id-definizzjonijiet tal-prinċipji tal-istatistika li jirregolaw kif is-SEBĊ tipproduċi l-istatistika Ewropea. L-impenn pubbliku emendat hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinament tal-Akkwist – pjan tal-akkwist aġġornat 2009

Fil-15 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill Governattiv innota l-aġġornament tal-pjan tal-akkwist 2009 tal-Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinament tal-Akkwist, li kien ġie approvat mill-Kunsill Governattiv fit-18 ta’ Diċembru 2008.

Presidenza tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE

Is-Sur Erkki Liikanen, membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE u Gvernatur tas-Suomen Pankki – Finlands Bank, se jassumi l-kariga ta’ President tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE għat-tliet snin li ġejjin. Is-Sur Liikanen qed jassumi l-kariga wara s-Sur Hurley li qabel kien il-Gvernatur tas-Central Bank and Financial Services Authority tal-Irlanda, li rtira f’Settembru 2009.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja