Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati ta' l-imgħax)

Mejju 2008

Kwistjonijiet operazzjonali

Żieda fl-operazzjonijiet li jipprovdu likwidità f’dollari Amerikani

Fl-24 ta’ April 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, flimkien mal-Federal Reserve System u fil-kuntest tal-Faċilità ta’ Rkant Perjodiku, li żjid l-ammont ta’ likwidità f’dollari Amerikani pprovdut lill-kontropartijiet ta’ l-Eurosistema għal USD 25 biljun f’kull wieħed mill-irkanti li jsiru kull ġimgħatejn. Fit-2 ta’ Mejju 2008 ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa fis-sit elettroniku tal-BĊE, dwar l-azzjoni konġunta mħabbra mill-BĊE, il-Federal Reserve System u s-Swiss National Bank biex iżidu l-miżuri tagħhom li jipprovdu l-likwidità.

Kalendarji indikattivi għall-operazzjonijiet b’offerta ta’ l-Eurosistema u għall-perijodi taż-żamma tar-riżervi.

Fit-13 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill Governattiv approva l-kalendarji indikattivi għall-operazzjonijiet b’offerta ta’ l-Eurosistema u għall-perijodi taż-żamma tar-riżervi fl-2009. Id-dettalji jinsabu f’żewġ stqarrijiet għall-istampa, li ġew ippubblikati llum fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Sistemi tal-Pagament

Ir-reazzjoni tal-BĊE għal konsultazzjoni pubblika mill-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar is-sorveljanza tas-sistemi tal-pagament

Fid-29 ta’ April 2008, il-Kunsill Governattiv approva r-reazzjoni tal-BĊE għal konsultazzjoni pubblika li teżamina l-arranġamenti relatati ma’ l-istabbiltà finanzjarja u l-ħarsien tad-depożitanti fir-Renju Unit. Il-Kunsill Governattiv laqa’ proposta biex tiġi formalizzata l-bażi legali tar-rwol tal-Bank of England fis-sorveljanza tas-sistemi tal-pagament, iżda wera t-tħassib tiegħu dwar proposta biex ir-responsabbiltà tal-Bank of England tiġi limitata għas-sorveljanza ta’ sistemi ta’ pagament ta’ ammonti kbar biss, u wissa kontra l-għoti ta’ responsabbiltajiet ta’ sorveljanza lil xi entità li mhix bank ċentrali.

Migrazzjoni għat-TARGET2

Fit-8 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-pjan għall-migrazzjoni għat-TARGET2 tat-tielet u l-aħħar grupp ta’ migrazzjoni (magħmul mid-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, l-Italja, il-Polonja u l-BĊE), skedata għad-19 ta’ Mejju 2008, meta jiġi mgħarraf li t-testijiet ikunu ntemmu b’suċċess. Stqarrija għall-istampa relatata li tgħarraf lill-parteċipanti dwar dan ġiet ippubblikata fis-sit elettroniku tal-BĊE fid-9 ta’ Mejju 2008. Fid-19 ta’ Mejju 2008, permezz ta’ stqarrija għall-istampa fis-sit elettroniku tal-BĊE, ġie kkonfermat li l-migrazzjoni ta’ dan it-tielet u l-aħħar grupp saret b’suċċess.

Sistemi ta’ Pagament u Infrastruttura tas-Suq

Ħruġ tad-dokumentazzjoni tat-Titoli tat-TARGET2 (T2S) lid-depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs)

Qabel ma jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu dwar jekk il-proġett T2S għandux jibqa’ sejjer fis-sajf 2008, fil-21ta’ Mejju 2008 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jivvaluta l-livell ta’ sostenn fost is-CSDs, jara kemm huma lesti li jidħlu għal arranġamenti kuntrattwali ma’ l-Eurosistema u jekk jissieħbux fil-proġett meta dan ikun qed jitħaddem. Għal dan il-għan, fit-23 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill Governattiv awtorizza ċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumentazzjoni relatata mat-T2S. Is-CSDs għandhom sa l-4 ta’ Lulju biex iwieġbu. Stqarrija għall-istampa relatata ma’ dan ġiet ippubblikata llum fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Stabbiltà Finanzjarja u Sorveljanza

Rapport tal-BĊE dwar l-Istabbiltà Finanzjarja, Ġunju 2008

Fil-21 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tar-“Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja – Ġunju 2008”. Ir-rapport jagħti stima komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona ta’ l-euro li tassorbi t-taqlib, u jeżamina s-sorsi ewlenin tar-riskji u l-vulnerabilità li jistgħu jippreġudikaw l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taż-żona ta’ l-euro. Din l-edizzjoni tar-rapport se tiġi ppubblikata fis-sit elettroniku tal-BĊE fid-9 ta’ Ġunju 2008.

Opinjonijiet dwar Leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Slovakka relatata mas-sistemi tal-pagament u ma’ ċerti liġijiet

Fil-25 ta’ April 2008, fuq talba tan-Národná banka Slovenska, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar ir-reġim leġiżlattiv fir-rigward tas-sistemi tal-pagament biex jiżgura l-kompatibilità tiegħu mat-Trattat u biex jiffaċilita l-migrazzjoni bla xkiel tas-sistema domestika tal-pagament għat-TARGET2 (CON/2008/18). Din l-Opinjoni hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-introduzzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju fir-rigward ta’ xi strumenti statistiċi

L-Opinjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE fl-14 ta’ Mejju 2008 u hi disponibbli fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Pollakka relatata mal-kummerċ fil-qasam ta’ l-istrumenti finanzjarji u mar-regolazzjoni tas-swieq tal-kapital

Fil-21 ta’ Mejju 2008, fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Pollakk, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar ir-rwol tan-Narodowy Bank Polski fir-rigward ta’ l-ikklerjar u l-ħlas ta’ titoli u s-sistema ta’ depożitarju ċentrali għat-titoli (CON/2008/20). Din l-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi dwar iċ-Česká národní banka

Fil-21 ta’ Mejju 2008, fuq talba taċ- Česká národní banka, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-abbozz ta’ liġi dwar iċ-Česká národní banka (CON/2008/21). Din l-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Governanza Korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-BĊE

Fit-30 ta’ April 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Rakkomandazzjoni lill-Kunsill ta’ l-UE dwar l-awdituri esterni tal-BĊE (BĊE/2008/2). Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE fid-9 ta’ Mejju 2008 u hi disponibbli wkoll fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Il-karti tal-flus

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-proċeduri ta’ akkreditament ta’ sigurtà applikabbli għall-manifatturi ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-euro

Fil-15 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni dwar il-proċeduri ta’ akkreditament ta’ sigurtà applikabbli għall-manifatturi ta’ oġġetti ta’ sigurtà ta’ l-euro għall-karti tal-flus ta’ l-euro (BĊE/2008/3). Din id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-UE u fis-sit elettroniku tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja