Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016D0007

    Deċiżjoni (UE) 2016/661 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta' April 2016 fuq l-ammont totali ta' drittijiet superviżorji annwali għall-2016 (BĊE/2016/7)

    ĠU L 114, 28.4.2016, p. 14–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status legali tad-dokument Fis-seħħ

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/661/oj

    28.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 114/14


    DEĊIŻJONI (UE) 2016/661 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tal-15 ta' April 2016

    fuq l-ammont totali ta' drittijiet superviżorji annwali għall-2016 (BĊE/2016/7)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropea tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali li għandhom jinġabru skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) għandhom ikopru, imma mhux jaqbżu, in-nefqa magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fir-rigward tal-kompiti superviżorji tiegħu fil-perijodu tariffarju rilevanti. Din in-nefqa tikkonsisti primarjament fi spejjeż relatati direttament mal-kompiti superviżorji tal-BĊE, bħal pereżempju s-superviżjoni ta' entitajiet sinifikanti, is-sorveljanza tas-superviżjoni ta' entitajiet inqas sinifikanti u t-twettiq ta' kompiti orizzontali u servizzi speċjalizzati. Tinkludi wkoll spejjeż relatati indirettament mal-kompiti superviżorji tal-BĊE, bħal pereżempju servizzi pprovduti mill-oqsma ta' appoġġ tan-negozju tal-BĊE, inklużi postijiet ta' negozju, ġestjoni tar-riżorsi umani u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

    (2)

    Sabiex jiġu kkalkulati d-drittijiet superviżorji annwali pagabbli fir-rigward ta' entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni, u entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni, u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni, l-ispejjeż totali għandhom jinqasmu fuq il-bażi tan-nefqa allokata lill-funzjonijiet rilevanti li jwettqu s-superviżjoni diretta tal-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u tal-grupp sinifikanti taħt superviżjoni u s-superviżjoni indiretta ta' entitajiet inqas sinjifikanti taħt superviżjoni u ta' grupp inqas sinifikanti taħt superviżjoni.

    (3)

    L-ammont totali tat-tariffa superviżorja annwali għall-2016 għandha tiġi kkalkulata bħala s-somma ta': (a) l-ispejjeż annwali stmati ta' kompiti superviżorji għall-2016, ibbażati fuq il-baġit tal-BĊE approvat għall-2016, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni kull żvilupp fl-ispejjeż annwali stmati li jsiru mill-BĊE li kienu magħrufa fiż-żmien meta din id-Deċiżjoni ġiet adottata; u (b) l-bilanċ pożittiv jew tal-iżbilanċ mill-2015.

    (4)

    Il-bilanċ pożittiv jew żbilanċ għandu jiġi ddeterminat billi jitnaqqsu l-ispejjeż annwali attwali tal-kompiti superviżorji li saru fl-2015, kif rifless fil-Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-2015 (3), mill-ispejjeż annwali stmati miġburin għall-2015, kif stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni (UE) 2015/727 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/17) (4).

    (5)

    Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41), l-ammonti tariffarji relatati mal-perijodi tariffarji preċedenti li ma kinux għall-ġbir, ħlasijiet ta' imgħax irċevuti u ċerti ammonti oħrajn rċevuti jew rifużi skont l-Artikolu 7(3) ta' dak ir-Regolament, jekk hemm, għandhom jittieħdu inkunsidrazzjoni wkoll fl-ispejjeż annwali stmati tal-kompiti superviżorji għall-2016.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (5) u r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41).

    Artikolu 2

    L-ammont totali ta' drittijiet superviżorji annwali għall-2016

    1.   L-ammont totali ta' drititjiet superviżorji annwali għall-2016 għandu jkun ta' EUR 404 536 022, ikkalkulati kif jidher fl-Anness.

    2.   Kull kategorija ta' entitajiet taħt superviżjoni u gruppi taħt superviżjoni għandha tħallas l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali li ġejjin:

    (a)

    entitajiet sinjifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni: EUR 357 520 301;

    (b)

    entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni: EUR 47 015 721.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta' April 2016.

    Il-President tal-BĊE

    Mario DRAGHI


    (1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

    (2)  ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23.

    (3)  Ippubblikati fis-sit elettroniku tal-BĊE li jinsab f'ww.ecb.europa.eu fi Frar 2016.

    (4)  Deċiżjoni (UE) 2015/727 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' April 2015 dwar l-ammont totali ta' tariffi superviżorji annwali għall-ewwel perijodu tariffarju u għall-2015 (BĊE/2015/17) (ĠU L 115, 6.5.2015, p. 36).

    (5)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


    ANNESS

    Kalkolu fuq l-ammont totali ta' drittijiet superviżorji annwali għall-2016

    EUR

    Spejjeż annwali stmati għall-2016

    423 241 789

    Salarji u benefiċċji

    193 557 286

    Kera u manutenzjoni

    52 972 412

    Infiq ieħor operattiv

    176 712 091

    Bilanċ pożittiv/żbilanċ mill-2015

    – 18 926 078

    Ammonti meħudin inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41)

    220 311

    Ammonti tariffarji relatati mal-perijodi tariffarji preċedenti li ma setgħux jinġabru

    0

    Ħlasijiet ta' imgħax irċevuti skont l-Artikolu 14 tar-Regolament imsemmi iktar 'il fuq

    – 49 054

    Ammonti rċevuti jew rifużi skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament imsemmi iktar 'il fuq

    269 365

    TOTAL

    404 536 022


    Fuq